Talba għall-ħlas tad-danni mingħand min ikun wettaq ir-reat

Eslováquia

Conteúdo fornecido por
Eslováquia

Kif nista’ nressaq talba għal danni jew mezz ta’ rimedju/sodisfazzjon ieħor mingħand awtur ta’ reat f’kawża (proċedimenti kriminali) u lil min għandi nindirizza din it-talba?

Id-danni jistgħu jintalbu mingħand awtur ta’ reat fi proċedimenti kriminali jew permezz ta’ dikjarazzjoni orali fil-verbal tas-seduta jew permezz tas-sottomissjoni ta’ talba speċjali bil-miktub. Vittma li hi intitolata skont il-liġi li titlob id-danni mingħand l-awtur ta’ reat għal telf ikkawżat mir-reat kriminali mwettaq kontriha tkun intitolata wkoll li titlob lill-qorti biex din tordna lill-imputat iħallas għad-danni bħala parti mill-kundanna; il-vittma jeħtiġilha tagħmel talba bħal din sa mhux aktar tard minn tmiem l-investigazzjoni jew l-investigazzjoni sommarja. It-talba trid tiddikjara b’mod ċar ir-raġunijiet għall-pretensjoni u l-ammont tad-danni mitluba. Il-vittma tiġi avżata dwar id-dritt għal kumpens u l-proċedura biex teżerċita dak id-dritt matul is-seduta.

Jekk ikun hemm tħassib raġonevoli li l-issodisfar tal-pretensjoni tal-vittma għall-kumpens għat-telf ikkawżat mir-reat se jkun imxekkel jew impedit, il-pretensjoni sal-ammont probabbli tat-telf tista’ tiġi ggarantita kontra assi jew drittijiet ta’ proprjetà oħrajn tal-imputat. Il-qorti tieħu deċiżjoni dwar il-qbid ta’ assi fuq il-bażi ta’ talba ppreżentata mill-prosekutur jew mill-vittma jew, fil-każ ta’ kumpilazzjoni, mill-prosekutur fuq il-bażi ta’ talba ppreżentata mill-vittma; fil-kumpilazzjoni, il-prosekutur jista’ jiżgura l-pretensjoni anke mingħajr talba mill-vittma jekk il-protezzjoni tal-interessi tal-vittma tkun tesiġi hekk, speċjalment jekk ikun hemm riskju ta’ dewmien.

F’liema punt tal-proċedimenti kriminali għandi nippreżenta t-talba tiegħi?

Sabiex talba għad-danni tiġi aġġudikata fi proċedimenti kriminali, trid tiġi ppreżentata mill-vittma sa tmiem l-investigazzjoni jew l-investigazzjoni sommarja.

X’nista’ nitlob fit-talba u kif għandi nippreżentaha (bl-indikazzjoni ta’ ammont totali u/jew ta’ speċifikazzjoni tat-telf individwali, tal-profitti mitlufa u tal-imgħax)?

Biex Qorti tikkunsidra talba għad-danni fi proċedimenti kriminali, il-vittma trid tippreżenta t-talba b’mod xieraq u puntwali. Biex titqies li ġiet ippreżentata fil-ħin, talba għad-danni trid tiġi ppreżentata sa mhux aktar tard minn meta tintemm l-investigazzjoni, li jfisser li, fil-prinċipju, trid tiġi ppreżentata qabel l-eżami finali tal-fajl tal-investigazzjoni. It-talba għad-danni trid tiddikjara b’mod ċar ir-raġunijiet għaliex tkun qed tiġi ppreżentata u l-ammont tad-danni mitluba mill-vittma. Imbagħad, meta tiġi biex tiddeċiedi dwar id-danni matul il-proċedimenti kriminali, il-qorti tkun marbuta bl-ammont mitlub mill-vittma.

Hemm formola speċifika għat-talbiet ta’ dan it-tip?

Le.

Liema evidenza għandi bżonn nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?

Matul l-investigazzjoni, trid tiġi ppreżentata evidenza li turi r-raġonevolezza tat-talba għad-danni u li minnha jkun jista’ jiġi ddeterminat b’mod affidabbli l-ammont tat-telf imġarrab. Fil-każ ta’ korriment ta’ persuna, jista’ jitqabbad perit matul l-investigazzjoni biex jiġi vvalutat il-livell tal-korriment ta’ persuna.

Hemm spejjeż tal-qorti jew spejjeż oħrajn b’rabta mat-talba tiegħi?

Ma hemm l-ebda tariffa marbuta mat-talba tad-danni fi proċedimenti kriminali.

Nista’ nikseb għajnuna legali qabel u/jew tul il-proċedimenti? Nista’ nirċiviha anke jekk ma nkunx qed ngħix fil-pajjiż fejn iseħħu l-proċedimenti?

Meta vittma tagħmel talba għad-danni u ma jkollhiex biżżejjed fondi biex tħallas l-ispejjeż assoċjati, fil-proċedimenti ta’ qabel il-proċess il-prosekutur, jew inkella l-imħallef li jippresjedi fil-proċess, jista’ jaħtar avukat bħala r-rappreżentant tagħha, anke mingħajr talba jekk jidhirlu li dan ikun meħtieġ biex jipproteġi l-interessi tal-vittma. Il-vittma jeħtiġilha ġġib prova li ma jkollhiex biżżejjed fondi.

Fil-kuntatt inizjali mal-vittma, l-awtorità tal-infurzar tal-liġi hija meħtieġa tipprovdilha informazzjoni bil-miktub dwar drittijietha fil-prosekuzzjoni kriminali u dwar l-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi u dwar is-servizzi pprovduti minn dawk l-organizzazzjonijiet. Anki l-pariri legali huma parti minn dawk is-servizzi.

F’liema każijiet il-qorti kriminali tiċħad jew tirrifjuta li tiddeċiedi t-talba tiegħi kontra l-awtur ta’ reat?

Jekk l-evidenza kkumpilata tonqos milli ssib xi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà għad-danni jew jekk tkun meħtieġa evidenza addizzjonali li tmur lil hinn minn dak li jkun meħtieġ għall-prosekuzzjoni kriminali sabiex tittieħed deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà għad-danni.

Nista’ nappella kontra tali deċiżjoni jew infittex mezzi oħrajn ta’ rimedju/sodisfazzjon?

Iva, il-vittma tista’ tappella kontra deċiżjoni bħal din b’rabta mat-talba għad-danni.

Jekk l-appell tal-vittma ma jintlaqax, imbagħad il-vittma tkun tista’ tippreżenta t-talba tagħha għad-danni direttament kontra l-awtur ta’ reat fi proċedimenti ċivili.

Kwalunkwe persuna li ġġarrab offiża fuq il-persuna kkawżata minn reat vjolenti jew minn dannu immaterjali intenzjonali kkawżat minn ċerti reati kontra l-libertà u d-dinjità tal-bniedem jew minn reat ta’ moħqrija fuq qarib jew fuq individwu li wieħed ikun qed jieħu ħsieb tista’ tippreżenta talba għad-danni lill-Ministeru tal-Ġustizzja. Vittmi ta’ reati bħal dawn ikunu intitolati għad-danni anke jekk is-sentenza, id-digriet kriminali jew deċiżjoni rilevanti oħra ma tkunx għadha ttieħdet jew inqatgħet b’mod finali, dment li r-riżultati tal-investigazzjoni jew tal-investigazzjoni sommarja mwettqa sa dak iż-żmien ma tqajjimx xi dubju raġonevoli dwar it-twettiq ta’ att li jkun jikkostitwixxi reat vjolenti u kkawża korriment personali lill-vittma. Ladarba tiġi ppreżentata l-applikazzjoni, il-Ministeru jivvaluta jekk ir-riżultati tal-investigazzjoni jqajmux xi dubju dwar il-fatti ddikjarati. Jekk ikun hemm dubji, id-danni ma jkunux jistgħu jingħataw. Applikazzjoni tista’ terġa’ tiġi ppreżentata, meta tkun ġustifikata, pereżempju jekk ikun hemm dewmien fl-investigazzjoni.

Jekk ningħata kumpens għad-danni mill-qorti, kif nista’ niżgura li s-sentenza tiġi eżegwita kontra l-awtur ta’ reat u x’għajnuna nista’ nikseb biex nagħmel dan?

Jekk l-awtur ta’ reat jonqos milli jissodisfa l-obbligi kif ordnati mill-qorti fil-proċedimenti kriminali minn jeddu, il-vittma tirċievi titolu eżekuttiv ladarba d-deċiżjoni tal-qorti ssir eżegwibbli, li fuq il-bażi tiegħu tkun tista’ teżegwixxi s-sentenza kontra l-awtur ta’ reat skont proċedimenti ta’ rkupru furzat. F’każijiet bħal dawn, il-vittma tista’ titlob għajnuna legali mingħand avukat.

L-aħħar aġġornament: 13/09/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.