- 1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?
- 2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?
- 3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?
- 4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi
- 5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?
- 6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?
Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?
Eżekuzzjoni tfisser l-implimentazzjoni furzata tal-kontenut ta’ sentenza jew ordni bl-assistenza tal-qorti u, f’xi każijiet, bl-assistenza addizzjonali ta’ uffiċjali/servizzi oħra kompetenti (pereżempju r-Reġistru tal-Artijiet (Ktimatológio). Parti li tkun kisbet sentenza jew ordni mill-qorti tista’ titlob li l-qorti tieħu miżuri ta’ eżekuzzjoni.
2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?
Is-Servizz tal-Qrati (uffiċjali ġudizzjarji) u r-Reġistru tal-Artijiet. L-awtorità kompetenti għall-eżekuzzjoni ta’ ordni biex tiġbor pagamenti ta’ manteniment pendenti hija l-pulizija.
3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?
Sentenza jew ordni hija eżegwibbli malli tingħata. L-iskadenza għall-preżentazzjoni ta’ appell ma tissospendix l-eżekuzzjoni waħidha; jeħtieġ li l-appellant jippreżenta talba motivata għal din ir-raġuni.
3.1 Il-proċedura
Atti mhux maħruġin minn qorti (pereżempju deċiżjoni ta’ arbitraġġ) mhumiex eżegwibbli waħidhom, iżda jistgħu jsiru eżegwibbli wara li jiġu ddikjarati bħala tali minn qorti. Il-qorti b’ġuriżdizzjoni biex tinħareġ ordni għall-eżekuzzjoni ta’ att mhux maħruġ minn qorti jew maħruġ minn qorti barranija hija l-qorti distrettwali taż-żona fejn tkun tgħix il-persuna li tkun saret l-eżekuzzjoni kontriha, jew il-qorti tal-familja f’każijiet ta’ ordnijiet ta’ manteniment. Is-sentenzi tal-qorti huma normalment eżegwiti mill-avukat li jkun tratta l-kawża quddiem il-qorti, permezz ta’ wieħed mill-metodi ta’ eżekuzzjoni elenkati fit-Taqsima 3.1 hawn taħt.
Għar-reġistrazzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza barranija skont ftehim multilaterali jew bilaterali, il-proċedura titwettaq mill-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Ordni Pubbliku, bħala l-awtorità ċentrali, permezz tas-Servizz Legali (Nomikí Ypiresía). F’każijiet oħra l-proċedura tista’ titwettaq permezz ta’ avukati privati.
L-ispejjeż tal-proċedura ma jistgħux jiġu determinati bil-quddiem, iżda huma kkalkulati mir-reġistratur tal-qorti abbażi tar-regolamenti dwar il-miżati u jiġu imposti fuq il-persuna li tkun inqatgħet is-sentenza kontriha.
L-eżekuzzjoni titwettaq prinċipalment permezz ta’ uffiċjali ġudizzjarji (dikastikoí epidótes), li huma impjegati taċ-ċivil impjegati mill-qrati fuq bażi permanenti. Sabiex titħaffef il-proċedura ta’ eżekuzzjoni, in-notifika tad-dokumenti fil-kawżi kollha tal-qorti ċivili ġiet fdata lil kumpaniji privati sa mill-1996, biex b’hekk l-uffiċjali ġudizzjarji jistgħu jiffukaw fuq l-eżekuzzjoni tas-sentenzi.
3.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin
F’kawżi ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza bejn il-partijiet f’Ċipru, il-kriterji jvarjaw skont il-kawża. Irid ikun hemm sentenza tal-qorti, għoti tas-sentenza li toħloq obbligu, u rifjut/nuqqas min-naħa ta-konvenut li jħallas is-somma allokata.
Il-kriterji għal ordni ta’ eżekuzzjoni għal sentenza minn pajjiż barrani normalment ikunu speċifikati fil-ftehim korrispondenti. F’dan il-każ hija kundizzjoni normali li l-konvenut irid ikun ġie debitament notifikat bil-proċeduri kontrih fil-pajjiż barrani.
4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi
4.1 Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għall-eżekuzzjoni?
L-oġġetti soġġetti għal eżekuzzjoni jistgħu jinkludu kontijiet tal-bank, ishma, vetturi reġistrati, beni immobbli u oġġetti oħrajn. Oġġetti personali ħafna li huma essenzjali għas-sopravvivenza jew biex il-konvenut ikompli bil-professjoni tiegħu huma esklużi.
Il-miżuri ta’ eżekuzzjoni jinkludu:
- mandat ta’ qbid u bejgħ (éntalma katáschesis kai pólisis) ta’ beni mobbli
- mandat ta’ ċediment (éntalma parádosis) ta’ beni mobbli (jekk il-beni mobbli jkunu s-suġġett tal-azzjoni, pereżempju f’azzjoni għal ksur ta’ kuntratt ta’ lokazzjoni b’opzjoni ta’ xiri, l-oġġett mikri b’opzjoni ta’ xiri)
- mandat ta' qbid ta’ assi f’idejn parti terza (éntalma katáschesis eis cheíras trítou)
- ordni biex jitħallas dejn bi ħlasijiet ta’ kull xahar
- ordni biex isir tnaqqis (diátagma apokopís) mid-dħul mensili tad-debitur tas-sentenza (li tingħata lill-impjegatur għall-eżekuzzjoni)
- ordni biex jiġi ċedut il-pussess (éntalma parádosis katochís) ta’ beni immobbli
- ordni biex jinbiegħu (éntalma pólisis) il-beni immobbli
- ordni biex il-beni immobbli jinżammu f’kustodja (mesengýisi) (maħruġa fuq talba tad-debitur tas-sentenza, sakemm il-qorti tkun issodisfata li, sa massimu ta’ tliet snin, id-dħul mill-beni immobbli ikopri d-dejn, l-imgħax u l-ispejjeż kollha tas-sentenza)
- garanzija fuq il-beni immobbli (epivárynsi), bir-reġistrazzjoni tas-sentenza kontra l-beni
- falliment
- xoljiment tal-kumpanija
Fil-każ ta’ ordni ta’ manteniment, l-eżekuzzjoni tinkludi l-possibbiltà ta’ ħruġ ta’ mandat ta’ arrest (fylakistiríou éntalma) kontra d-debitur.
4.2 X’inhuma l-effetti tal-miżuri eżekuttivi?
Id-debitur u kull parti terza huma obbligati li jikkonformaw mas-sentenza li tordna l-miżura ta’ eżekuzzjoni. Jekk id-debitur jirrifjuta jew jonqos milli jwettaq l-atti/azzjonijiet speċifikati fl-ordni li timponi l-miżuri ta’ eżekuzzjoni, tista’ tinbeda proċedura ta’ priġunerija kontrih talli ma rrispettax ordni tal-qorti.
Bank li jkun ingħata ordni ta’ sekwestru huwa meħtieġ li jiffriża l-kont rilevanti, sakemm ma jkollux raġuni biex jikkontesta dan. F’dan il-każ, ikollu jidher quddiem il-qorti li tkun tat l-ordni u jagħti raġunijiet għaliex ma għandhiex tapplika.
L-ordnijiet kollha mhux ikkontestati isiru finali u għandhom is-saħħa ta’ sentenza tal-qorti.
4.3 X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn?
Il-miżuri ta’ eżekuzzjoni huma validi għal sitt xhur minn meta jingħataw. Sentenza li timponi miżuri ta’ eżekuzzjoni tkun valida għal sitt snin mid-data meta jingħataw. F’każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni f’dak il-perjodu, is-sentenza tista’ tiġġedded mill-qorti skont ir-Regola 40D.8 tar-Regoli tal-Proċedura Ċivili.
5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?
Skont il-każ, huwa possibbli li jitressqu sfidi legali, pereżempju sabiex tiġi sospiża l-eżekuzzjoni jew biex titħassar entrata fir-reġistru.
6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?
Għal raġunijiet ta’ protezzjoni tad-debitur, kull oġġett personali li huwa essenzjali għas-sopravvivenza jew biex persuna tkompli bil-professjoni tagħha ma jistax jiġi soġġett għal eżekuzzjoni.
Barra minn hekk, meta d-debitur ikun Stat jew servizz pubbliku, oġġetti u tagħmir intiżi għal skop li huwa essenzjali għall-pubbliku inġenerali, inkluż tagħmir li jappartjeni għall-forzi armati u għall-forzi tas-sigurtà, oġġetti ta’ importanza artistika, arkeoloġika, kulturali, reliġjuża u storika u riżervi ta’ muniti barranin, huma eżenti minn eżekuzzjoni.
Barra minn hekk, eżekuzzjoni ta’ mandat ta' qbid u l-bejgħ ta’ beni mobbli titwettaq minn tlugħ ix-xemx sa nżulha.
Il-beni maqbuda(għajr flus jew titoli) iridu jinbiegħu biss wara li jkunu għaddew mill-inqas tlett ijiem mill-jum wara l-qbid, sakemm ma jkunux soġġetti għal tkagħbir bl-użu jew jekk is-sid ma jitlobx dan bil-miktub; sakemm il-bejgħ jintemm il-beni iridu jitqiegħdu f’post xieraq jew jistgħu jibqgħu fil-kustodja ta’ persuna xierqa.
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.