Kif tinforza deċiżjoni ta’ qorti

Finlandja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?

L-eżekuzzjoni tirreferi għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu ordnat minn qorti jew ta’ titoli eżekuttivi li jkunu eżegwibbli direttament. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, din tkun eżekuzzjoni għall-irkupru ta’ djun. Miżura ta’ eżekuzzjoni ewlenija oħra hija l-iżgumbrament, jiġifieri l-obbligu li wieħed joħroġ minn binja jew parti minnha. It-titoli eżekuttivi jistgħu jinkludu wkoll obbligu li ċerti assi jiġu ttrasferiti lil parti oħra, obbligu li ssir xi ħaġa, jew mandat ta’ inibizzjoni. Il-mandati ta’ qbid ordnati mill-qrati jew miżuri kawtelatorji oħrajn ukoll jistgħu jiġu eżegwiti. L-Awtorità Nazzjonali tal-Eżekuzzjoni tal-Finlandja hija aġenzija taħt il-Ministeru tal-Ġustizzja li twettaq dmirijiet statutorji ta’ eżekuzzjoni b’mod indipendenti u imparzjali.

Eżekuzzjoni fi kwistjonijiet li jikkonċernaw il-leġiżlazzjoni dwar it-tfal

Fi kwistjonijiet marbuta mal-leġiżlazzjoni dwar it-tfal, l-eżekuzzjoni tirreferi għall-implimentazzjoni ta’ ordnijiet tal-qorti, bħall-konsenja ta’ wild minuri. Ftehim ikkonfermat mis-servizzi soċjali wkoll jista’ jikkostitwixxi titolu eżekuttiv. Dettall importanti ieħor huwa li fil-Finlandja, id-drittijiet għall-aċċess huma d-drittijiet tal-wild minuri, u mhux tal-ġenitur. L-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-qorti dwar il-kustodja tat-tfal u/jew id-drittijiet għall-aċċess hija rregolata mill-Att dwar l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet dwar il-Kustodja tat-Tfal u d-Dritt għall-Aċċess (619/1996). Dan l-Att japplika wkoll għall-eżekuzzjoni ta’ kwalunkwe ordni temporanja. L-eżekuzzjoni titwettaq ukoll f’konformità ma’ dan l-Att f’każijiet fejn sentenza jew deċiżjoni maħruġa barra mill-pajjiż tkun eżegwibbli fil-Finlandja skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003.

Uffiċjal ġudizzjarju jista’ jeżegwixxi ordni li tikkonċerna l-kustodja jekk id-deċiżjoni dwar il-kwistjoni tkun inħarġet fl-aħħar tliet xhur preċedenti. F’ċirkostanzi oħra, irid jitressaq rikors quddiem il-qorti għal ordni ta’ eżekuzzjoni. Il-qorti tista’ tiċħad rikors għall-eżekuzzjoni biss jekk l-eżekuzzjoni tmur kontra l-aħjar interessi tal-wild minuri. Fl-eżekuzzjoni tal-ordnijiet li jikkonċernaw il-kustodja, il-qorti tobbliga lill-parti l-oħra biex tikkonsenja lill-wild lir-rikorrent taħt piena ta’ ħlas ta’ penalità. Alternattivament, tista’ tinħareġ ordni biex il-wild minuri jinġabar minn post partikolari. Fl-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet li jikkonċernaw l-aċċess, il-parti l-oħra hija obbligata li tippermetti żjarat u tieħu kwalunkwe pass speċifiku ieħor meqjus li huwa meħtieġ biex tagħmel iż-żjarat possibbli.

2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-Awtorità Nazzjonali tal-Eżekuzzjoni tal-Finlandja jistgħu jinstabu fuq is-sit web tagħhabil-Finlandiż, bl-Iżvediż u bl-Ingliż.

Fil-Finlandja, l-uffiċjali ġudizzjarji huma uffiċjali tal-gvern. Ir-rikorrenti ma jistgħux jagħżlu l-unità tal-eżekuzzjoni jew l-uffiċjal ġudizzjarju li jittrattaw il-każ tagħhom: l-ordni li fiha jiġu ttrattati l-każijiet tiġi deċiża ex officio.

Il-kompiti ta’ eżekuzzjoni tal-Awtorità Nazzjonali tal-Eżekuzzjoni tal-Finlandja jitwettqu minn unitajiet tal-eżekuzzjoni.

Il-biċċa l-kbira tal-każijiet ta’ rkupru tad-dejn jiġu ttrattati b’mod elettroniku mill-Unità nazzjonali tal-Eżekuzzjoni Bażika, u b’hekk ma jkunx meħtieġ li jsir kuntatt fiżiku mad-debituri.

Il-ħames Unitajiet tal-Eżekuzzjoni Estensiva reġjonali tal-Awtorità huma responsabbli għall-bejgħ ta’ assi ssekwestrati u għal kompiti ta’ eżekuzzjoni aktar impennjattivi fil-ġuriżdizzjonijiet rispettivi tagħhom.

L-Unità tal-Eżekuzzjoni Speċjali nazzjonali tiġġestixxi l-kompiti ta’ eżekuzzjoni li jieħdu ħafna ħin u li jeħtieġu ħafna investigazzjoni. Din taħdem mill-qrib ma’ awtoritajiet oħra u tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-ekonomija griża u l-kriminalità finanzjarja.

3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?

3.1 Il-proċedura

Il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jibdew meta r-rikorrent iressaq rikors għall-eżekuzzjoni u, jekk ikun meħtieġ, jehmeż miegħu kopja tat-titolu eżekuttiv. Ma hemm l-ebda tariffa għall-eżekuzzjoni li trid titħallas bil-quddiem mir-rikorrent.

Aktar informazzjoni dwar il-proċedura tar-rikors bil- Finlandiż, bl-Iżvediż u bl- Ingliż.

Ir-rikorsi għall-eżekuzzjoni jistgħu jsiru b’mod elettroniku bl-użu tas-servizz online li ġej: https://asiointi2.oikeus.fi/ulosotto/#/

Jista’ jsir rikors għall-eżekuzzjoni wkoll permezz ta’ rikors bil-miktub tradizzjonali jew b’messaġġ elettroniku:

Ir-rikorrenti Finlandiżi:

Bil-Finlandiż:https://www.ulosottolaitos.fi/fi/index/tietoaulosotosta/tietoavelkojalle/ulosotonhakeminen.html

Bl-Iżvediż:https://www.ulosottolaitos.fi/sv/index/informationomutsokningen/informationtillborgenarer/utsokningsansokan_1.html

Formola ta’ rikors għall-eżekuzzjoni għar-rikorrenti barranin (bl-Ingliż) https://oikeus.fi/en/index/oikeuslaitos/forms/enforcement.html

Rikorsi permezz tal-posta elettronika minn barra l-pajjiż: uloosotto.uo(AT)oikeus.fi

Struzzjonijiet biex tintbagħat posta elettronika sigura (bl-Ingliż): https://oikeus.fi/en/index/oikeuslaitos/submittingdocuments.html


L-uffiċċjali ġudizzjarji għandhom id-dmir li jikkonformaw mas-sentenzi tal-qrati jew titoli eżekuttivi oħrajn previsti fil-leġiżlazzjoni u ma jistgħux jeżaminaw il-kontenut tagħhom. Sabiex jibdew il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, ir-rikorrent irid ikollu titolu eżekuttiv kif definit fil-leġiżlazzjoni, b’obbligu impost fuq l-intimat. L-uffiċċjali ġudizzjarji jivverifikaw li d-dejn ma jkunx skada minn meta tkun ingħatat is-sentenza tal-qorti, pereżempju minħabba li jkun tħallas jew ġie preskritt. Id-dritt tad-detenturi ta’ drittijiet kollaterali (eż. ipoteka) li għandhom jitħallsu huwa previst f’dispożizzjoni separata.

3.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, l-eżekuzzjoni ġeneralment tkun ibbażata fuq sentenza jew deċiżjoni mogħtija minn qorti ġenerali. Ma hemmx l-ebda ħtieġa għal ordni speċifika ta’ eżekuzzjoni mill-qorti. Il-qrati ġenerali jinkludu l-qrati distrettwali bħala qrati tal-Prim’istanza u, fil-livell tal-appell, il-qrati tal-appell u l-Qorti Suprema. Anke deċiżjoni tal-arbitraġġ tista’ tikkostitwixxi titolu eżekuttiv. Fil-prattika, bażi importanti għall-eżekuzzjoni hija ftehim ta’ manteniment ikkonfermat minn awtorità muniċipali rilevanti. Min-naħa l-oħra, il-Finlandja ma tirrikonoxxix dokumenti konklużi bejn partijiet privati bħala titoli eżekuttivi.

Is-sentenzi li jkunu ġew appellati jistgħu jiġu eżegwiti jekk ir-rikorrent jipprovdi l-garanzija speċifikata mill-uffiċjal ġudizzjarju għal kull dannu li jista’ jġarrab il-konvenut. Madankollu, il-fondi ma jistgħux jitpoġġew għad-dispożizzjoni tar-rikorrent sakemm isiru finali kemm it-titoli eżekuttivi kif ukoll kull deċiżjoni ta’ qbid u ta’ sekwestru.

Id-dispożizzjonijiet ewlenin dwar l-eżegwibbiltà ta’ sentenzi maħruġa barra mill-Finlandja jistgħu jinstabu fid-dritt tal-Unjoni (eż. ir-Regolament Brussell I [Nru 44/2001] u r-Regolament Brussell IIa [2201/2003]) u l-konvenzjoni dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fil-pajjiżi Nordiċi. Aktar informazzjoni dwar l-eżekuzzjoni transfruntiera tista’ tinstab fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja bil-Finlandiż, bl-Iżvediż u bl-Ingliż.

4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi

4.1 Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għall-eżekuzzjoni?

Meta jibdew il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, jintbagħtu lid-debitur kemm notifika tal-proċedimenti kif ukoll talba għall-ħlas. Jekk id-debitur ma jagħmilx il-ħlas mitlub fit-talba u ma jikkuntattjaw b’mod volontarju lill-uffiċċju tal-eżekuzzjoni fir-rigward tal-ħlas, l-uffiċċju tal-eżekuzzjoni jibda investigazzjoni biex jistabbilixxi l-introjtu u l-assi tad-debitur abbażi tad-data fir-reġistru.

It-twettiq ta’ inkjesti bankarji huwa parti essenzjali minn dan ix-xogħol investigattiv. Ħafna drabi, jiġu ssekwestrati l-introjtu minn impjieg u l-fondi fil-kontijiet bankarji. Minflok ma tinżamm somma mill-pagi mħallsa f’intervalli regolari, huwa possibbli wkoll li jitfassal pjan ta’ ħlas lura. Il-miżuri għall-istabbiliment tal-introjtu u l-assi tad-debitur, kif ukoll ta’ kull investigazzjoni ulterjuri, huma rregolati bil-liġi. L-uffiċjali ġudizzjarji għandhom drittijiet estensivi skont il-liġi li jippermettulhom jaċċessaw informazzjoni dwar il-qagħda finanzjarja tad-debitur minn varjetà ta’ reġistri. L-uffiċjali ġudizzjarji huma obbligati wkoll li jfittxu l-assi li jappartjenu lid-debitur. Il-miżuri ta’ eżekuzzjoni iridu jitwettqu mingħajr dewmien żejjed. Pereżempju, jekk id-debitur jirċievi dħul regolari mill-impjieg, l-ewwel pagament normalment jiġi rilaxxat lill-kreditur fi żmien xahrejn mill-bidu tal-proċedimenti. Id-debitur għandu d-dritt li jappella, iżda l-ġbir tal-ħlas ma jiġix interrott sakemm dan ma jiġix ordnat b’mod separat minn qorti.

Ir-rikorsi jistgħu jkunu għal eżekuzzjoni totali jew għal eżekuzzjoni limitata. Jekk ma jkunx possibbli li d-dejn jiġi rkuprat minnufih, il-kredituri jistgħu jitolbu wkoll lill-Awtorità Nazzjonali tal-Eżekuzzjoni sabiex timmonitorja dejn għal perjodu ta’ sentejn, permezz ta’ reġistrazzjoni passiva. Ma hemmx għalfejn jiġi inkarigat avukat jew konsulent legali għall-iskop tal-eżekuzzjoni.

Kwalunkwe assi mobbli u immobbli tad-debitur li ma jkunux protetti jew li ma jkunux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt għall-esklużjoni jistgħu jiġu maqbuda, bħalma jistgħu jiġi maqbuda wkoll id-drittijiet, ir-riċevibbli jew l-oġġetti ta’ valur finanzjarju. Jekk il-kreditur ikun talab eżekuzzjoni limitata, jistgħu jiġu maqbuda biss l-assi verifikabbli mir-reġistri u li ma jkollhomx għalfejn jiġu llikwidati. Jekk l-assi maqbuda jeħtieġu li jiġu likwidati, dawn normalment jinbiegħu b’subbasta, li normalment titħabbar f’gazzetti lokali u online.

Links għan-noti tal-bejgħ:

https://www.ulosottolaitos.fi/myynti-ilmoitukset/fi/index.html (bil-Finlandiż u bl-Iżvediż)

https://huutokaupat.com/ulosotto/

L-Att dwar l-Eżekuzzjoni tal-Finlandja jinkludi wkoll dispożizzjoni speċjali, li biha l-uffiċjal ġudizzjarju distrettwali jista’ jiddeċiedi li ma jagħtix każ tal-arranġament artifiċjali tal-assi. Il-pretensjoni li l-assi jappartjenu lil terzi ma għandhiex tipprekludi l-qbid tal-assi jekk:

  1. jinstab li l-istatus tat-terzi huwa bbażat fuq assi jew arranġamenti oħra bi status legali li ma jikkorrispondux għan-natura jew l-iskop reali tagħhom, meta jitqies li l-awtorità tad-debitur hija komparabbli ma’ dik ta’ sid, li l-atti tad-debitur huma komparabbli ma’ dawk ta’ sid, kif ukoll il-benefiċċji tal-arranġament lid-debitur u fatturi simili oħrajn, u
  2. l-istatus legali qiegħed jintuża b’mod ċar biex tiġi evitata l-eżekuzzjoni jew sabiex jiġi żgurat li l-assi jkunu inaċċessibbli għall-kredituri, u
  3. ma jkunx probabbli li d-dejn dovut lir-rikorrent jista’ jiġi rkuprat mingħand id-debitur f’terminu ta’ żmien raġonevoli.

Madankollu, il-proċedimenti tal-qbid ma jistgħux jiġu eżegwiti jekk it-terza persuna involuta fl-arranġament tippreżenta każ raġonevoli li l-qbid jista’ jikser id-drittijiet ġenwini tagħha. L-uffiċjal ġudizzjarju jeħtieġlu jikkonsulta lid-debitur u lit-terza persuna, kif ukoll lill-kreditur jekk dan ikun meħtieġ u b’mod xieraq, ħlief jekk dan jirrendi l-eżekuzzjoni aktar diffiċli b’mod konsiderevoli.

4.2 X’inhuma l-effetti tal-miżuri eżekuttivi?

Filwaqt li l-bidu tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni għandu xi effetti, huma s-sekwestru u l-qbid li jipproduċu konsegwenzi legali sinifikanti. Ladarba l-assi jkunu ġew maqbuda, id-debitur ma jistax jeqred, jiddisponi jew jirhan dawk l-assi jew jieħu deċiżjonijiet oħra dwarhom għad-detriment tal-kreditur. Kull azzjoni adottata bi ksur ta’ din l-inibizzjoni ma jkollha l-ebda setgħa legali fil-konfront tal-kreditur. Madankollu, iċ-ċessjonarju jew terza persuna tista’ tgawdi minn protezzjoni bona fide. L-uffiċjali ġudizzjarji igawdu minn aċċess estensiv għall-informazzjoni miksuba, mhux biss min-naħa tad-debitur iżda wkoll minn terzi, bħal pereżempju l-banek. Hekk kif bank jiġi informat li l-fondi tad-debitur ikunu ġew iffriżati, il-bank ma jistax jirrilaxxa l-fondi mill-kont bankarju tad-debitur lil xi ħadd ħlief lill-uffiċjal ġudizzjarju. Il-ħlas ta’ riċevibbli jew ta’ pagi jew salarji bi ksur ta’ din l-inibizzjoni huwa reat kriminali.

Is-sjieda tal-oġġetti tinbidel bħala riżultat tal-bejgħ tal-assi mwettaq matul proċedura ta’ eżekuzzjoni. Il-fondi rikavati mill-prezz tax-xiri jiġu ttrasferiti lill-kreditur kemm jista’ ikun malajr.

L-assi jinqabdu sal-ammont meħtieġ biex jitħallas id-dejn lir-rikorrent. F’każijiet fejn l-eżekuzzjoni tintalab minn diversi kredituri jew fejn l-assi maqbuda jkunu soġġetti għal ipoteki, pereżempju, il-fondi jinqasmu bejn il-kredituri skont l-ordni ta’ prijorità kif stipulat fil-leġiżlazzjoni. It-tariffi tal-eżekuzzjoni pagabbli lill-Istat normalment jiġu imposti fuq id-debitur. Jekk it-tentattiv ta’ eżekuzzjoni ma jirnexxix, il-kreditur ikollu jħallas tariffa żgħira għall-ipproċessar. Bl-istess mod, tiġi imposta tariffa fuq il-kreditur għat-trasferiment tal-fondi. F’każijiet ta’ benefiċċju tal-manteniment ma tiġi imposta l-ebda tariffa, u l-benefiċċji tal-manteniment jieħdu prijorità. Il-pagamenti ttrasferiti lir-rikorrent jistgħu jvarjaw kull xahar abbażi tal-varjazzjonijiet fid-dħul tad-debitur u l-ammont tad-dejn.

Aktar informazzjoni dwar it-tariffi tal-eżekuzzjoni bil-Finlandiż, bl- Iżvediż u bl-Ingliż.

4.3 X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn?

F’konformità mal-leġiżlazzjoni, l-uffiċjali ġudizzjarji jeħtieġilhom iwettqu dmirijiethom b’mod tempestiv u mingħajr dewmien żejjed. Jekk id-debitur ma jkollu l-ebda assi jew introjtu li jkun jista’ jinqabad jew jiġi ssekwestrat, il-każ jintbagħat lura lill-kreditur bħala mblukkat għal waħda mir-raġunijiet li ġejjin: nuqqas ta’ assi, nuqqas ta’ assi u mhux magħruf, jew impediment ieħor għall-irkupru kif speċifikat separatament. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, l-informazzjoni dwar l-introjtu u l-assi dejjem tintalab mir-reġistri prinċipali. Il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jintemmu, iżda l-kreditur jista’ jitlob eżekuzzjoni f’data aktar tard, u f’dak il-każ is-sitwazzjoni finanzjarja tad-debitur terġa’ tiġi investigata. Pereżempju, il-kreditur jista’ jitlob l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni billi jissottometti rikors ġdid f’waqtu, sabiex jiġi żgurat is-sekwestru minn sors bħar-rifużjoni tat-taxxa ta’ tmiem is-sena tad-debitur. Ir-rikorrent jista’ jitlob ukoll li d-dejn jiddaħħal fl-hekk imsejjaħ reġistru passiv. Jekk, matul l-investigazzjoni ta’ każ ieħor, jinstab li d-debitur għandu dħul sekwestrabbli jew assi li jistgħu jinqabdu, jew li jista’ jirċievi rifużjoni tat-taxxa, id-dejn imdaħħal fir-reġistru passiv jittieħed inkunsiderazzjoni fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni. Ir-reġistrazzjoni passiva tibqa’ fis-seħħ għal sentejn mid-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ impediment li juri nuqqas ta’ mezzi.

5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?

Il-miżuri jew id-deċiżjonijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ uffiċjal ġudizzjarju jistgħu jiġu appellati minn kwalunkwe persuna li d-drittijiet tagħha jkunu affettwati minn dik il-miżura jew deċiżjoni. L-appelli jiġu ppreżentati quddiem il-qorti distrettwali. Il-perjodu ta’ appell huwa ta’ tliet ġimgħat, ikkalkulat normalment mid-data tad-deċiżjoni jew mid-data li fiha l-parti inkwistjoni tkun ġiet innotifikata bid-deċiżjoni.

Il-possibbiltà li jitressaq appell normalment ma tinterrompix il-proċedura tal-eżekuzzjoni, sakemm il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor. Jekk l-appell jintlaqa’, il-qorti tannulla jew temenda d-deċiżjoni tal-uffiċjal ġudizzjarju. F’ċerti każijiet, l-uffiċjali ġudizzjarji jistgħu wkoll jikkoreġu huma stess kwalunkwe żbalji ovvji.

Jekk is-soluzzjoni ta’ argument jew pretensjoni ppreżentati b’rabta mal-eżekuzzjoni tkun tirrikjedi s-smigħ estensiv ta’ xhieda orali, il-kawża jaf tkun trid tiġi deċiża fi proċedimenti ċivili f’qorti (eżekuzzjoni kkontestata).

6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?

Il-leġiżlazzjoni tipprevedi projbizzjonijiet fuq l-eżekuzzjoni, pereżempju għal raġunijiet soċjali. Hemm għadd ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali li ma jistgħux jiġu ssekwestrati. Jekk id-debitur fil-proċedimenti jkun persuna fiżika, allura l-oġġetti, il-benefiċċji u d-drittijiet previsti separatament fil-leġiżlazzjoni ma jkunux jistgħu jinqabdu. Barra minn hekk, l-assi ma jistgħux jinqabdu jekk, minħabba l-valur tagħhom u ċirkostanzi oħra, ir-rikorrent jew ir-rikorrenti jirċievu biss somma negliġibbli wara l-ħlas tal-ispejjeż tal-eżekuzzjoni, it-tariffi tal-uffiċjal ġudizzjarju, u d-djun dovuti fuq l-assi.

Il-porzjon tal-introjtu u l-assi tad-debitur li huwa protett bil-liġi dejjem irid jittieħed inkunsiderazzjoni fl-azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni u fil-pjanijiet ta’ pagament. Din hija s-somma li jifdal biex tkopri l-ispejjeż tal-għajxien. Ġeneralment, ma jistax jiġi ssekwestrat aktar minn terz tal-paga jew salarju nett tad-debitur. Il-porzjonijiet protetti stabbiliti tal-introjtu u l-assi, b’eżempji, jistgħu jinstabu fuq is-sit web tal-Awtorità Nazzjonali tal-Eżekuzzjoni tal-Finlandja bil-Finlandiż, bl-Iżvediż u bl-Ingliż.

It-titoli eżekuttivi, fejn obbligu ta’ ħlas ikun ġie impost fuq persuna fiżika, jibqgħu eżegwibbli għal 15-il sena (il-perjodu ta’ preskrizzjoni għat-titoli eżekuttivi). Il-perjodu ta’ preskrizzjoni huwa ta’ 20 sena jekk il-kreditur speċifikat fit-titoli eżekuttivi jkun persuna fiżika jew jekk il-pretensjoni tkun ibbażata fuq reat li għalih id-debitur ikun ġie kkundannat għal priġunerija jew servizz komunitarju.

Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għad-djun monetarji bbażati fuq ftehim ma’ persuna fiżika huwa ta’ 20 jew 25 sena. Il-perjodu ta’preskrizzjoni jiġi applikat irrispettivament minn jekk hemmx raġunijiet għall-irkupru tat-talba jew le. Id-dispożizzjoni tapplika biss għad-djun monetarji ta’ persuni fiżiċi. Dejn monetarju jiġi preskritt mhux aktar tard minn 20 snin wara li d-dejn ikun sar dovut. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni huwa ta’ 25 sena jekk il-kreditur ikun persuna fiżika.

Jekk persuna fiżika jkollha wkoll titolu eżekuttiv biex tirkupra pretensjoni monetarja abbażi ta’ ftehim, il-perjodu ta’ preskrizzjoni jiġi kkalkolat skont il-perjodu ta’ preskrizzjoni li jintemm l-ewwel.

Sentenza tal-qorti jew titoli eżekuttivi oħrajn ma jkunux jistgħu jiġu eżegwiti aktar jekk id-dritt mogħti minnhom ikun ġie estint minħabba li d-dejn ikun tħallas jew ġie preskritt, jew għal xi raġuni oħra.

Għal aktar informazzjoni:

Is-sit web tal-Awtorità Nazzjonali tal-Eżekuzzjoni tal-Finlandja bil-Finlandiż, bl- Iżvediż u bl-Ingliż.

Sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja - Eżekuzzjoni tas-Sentenzi Ċivili: bil-Finlandiż, bl-Iżvediż u bl-Ingliż

Kodiċi tal-Eżekuzzjoni bil-Finlandiż u bl-Iżvediż

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 08/12/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.