Kif tinforza deċiżjoni ta’ qorti

Franza
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?

L-eżekuzzjoni (li timplika eżekuzzjoni obbligatorja, peress li l-konformità volontarja mid-debituri mal-obbligi tagħhom ma teħtieġx proċedimenti) tkopri l-proċedimenti kollha li jagħmluha possibbli li debitur jiġi mġiegħel iwettaq l-obbligi tiegħu skont titolu eżekuttiv. Titoli eżekuttivi huma primarjament sentenzi (Franċiżi jew barranin) u atti notarili li huma ċċertifikati bħala eżekutorji (ara 2. hawn taħt). Fil-liġi Franċiża, dawn it-titoli jistgħu jimponu tliet tipi ta’ obbligi fuq id-debitur: li tħallas, li tagħmel jew li żżomm lura milli tagħmel xi ħaġa, u fl-aħħar nett li tagħti jew tirritorna.

Id-dritt ta’ eżekuzzjoni jikkonċerna biss il-beni tad-debitur. L-eżekuzzjoni kontra persuni ma teżistix. Dan ifisser, pereżempju, li d-debituri ma jistgħux jintbagħtu l-ħabs sempliċement għax naqsu li jħallsu lura d-dejn tagħhom. Madankollu, jekk debitur jirrifjuta li jikkonforma ma’ ċerti obbligi (obbligi ta’ manteniment) dak ikun reat kriminali, li jesponi lid-debitur għal prosekuzzjoni u sentenza ta’ priġunerija. L-istess japplika għall-organizzazzjoni frawdolenti ta’ insolvenza minn debitur.

L-obbligi ta’ ħlas jiġi eżegwiti permezz ta’ qbid jew sekwestri ta’ somom ta’ flus, proprjetà mobbli jew proprjetà immobbli li tappartjeni lid-debitur. Jekk il-qbid jew sekwestru jikkonċerna somma flus, is-somma mehmuża tiġi assenjata lill-kreditur (pereżempju, sekwestru ta’ kont bankarju). Jekk il-qbid jew sekwestru jikkonċerna proprjetà mobbli jew immobbli li tappartjeni lid-debitur, il-qbid jew sekwestru jirriżulta fil-bejgħ obbligatorju tal-beni u r-rikavat mill-bejgħ jingħata lill-kreditur, sal-ammont tal-kreditu tiegħu.

L-obbligi għall-għoti jew għar-ritorn ivarjaw skont in-natura tal-beni. Fil-każ ta’ beni mobbli, il-beni jinqabdu, permezz ta’ qbid, biex jiġu rritornati lis-sid leġittimu. Fil-każ ta’ proprjetà immobbli, il-pussess tal-proprjetà jingħata lura lis-sid billi jitkeċċa l-okkupant.

Peress li huwa pprojbit li persuna tiġi mġiegħla fiżikament teżegwixxi obbligu li tagħmel xi ħaġa jew li toqgħod lura milli tagħmel xi ħaġa, id-debitur jiġi mħeġġeġ jeżegwixxi dawk l-obbligi billi jikseb sentenza tal-qorti li timponi sanzjoni pekunjarja. L-ammont tas-sanzjoni huwa s-somma flus li d-debitur irid iħallas jekk ma jwettaqx l-obbligi tiegħu. Is-somma dovuta tiġi kkalkulata fi proporzjon mal-perjodu ta’ nuqqas ta’ twettiq (fil-każ ta’ obbligi li jsir xi ħaġa) jew skont l-għadd ta’ każijiet ta’ ksur tal-obbligu li wieħed joqgħod lura milli jagħmel xi ħaġa. Peress li l-obbligi ta’ ħlas, ta’ għoti jew ta’ ritorn huma wkoll interpretati bħala obbligi li jsir xi ħaġa, huma jistgħu jiġu kkombinati wkoll ma’ sanzjoni pekunjarja flimkien ma’ miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorji oħrajn li jistgħu jittieħdu.

Ta’ min jinnota wkoll li huma biss l-obbligi stabbiliti minn titolu eżekuttiv li jistgħu, fil-prinċipju, ikunu soġġetti għal miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorji.

2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?

L-uffiċjali ġudizzjarji għandhom monopolju għat-twettiq tal-eżekuzzjoni obbligatorja. Huma uffiċjali pubbliċi u ministerjali, maħtura f’dik il-kariga mill-Ministru għall-Ġustizzja, li jivverifika li jwettqu dmirijiethom f’konformità ma’ regoli etiċi stretti. Huma jitħallsu għas-servizzi tagħhom (ara 3. hawn taħt). Il-kreditur iħallas l-ispejjeż tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja, li d-debitur irid imbagħad jirrimborżahomlu.

Meta titressaq pretensjoni quddiem il-qorti, l-imħallef kompetenti jkun, fil-prinċipju, l-imħallef tal-eżekuzzjoni, li huwa mħallef speċjalizzat fil-qorti ġudizzjarja (tribunal judiciaire).

Fl-aħħar nett, filwaqt li l-miżuri kawtelatorji fil-prinċipju jiġu awtorizzati mill-imħallef tal-eżekuzzjoni, dawn jistgħu wkoll, eċċezzjonalment, jiġu awtorizzati mill-president tal-qorti kummerċjali (tribunal de commerce) meta jkollhom l-għan li jippreservaw pretensjoni li taqa’ fil-ġuriżdizzjoni tal-qorti kummerċjali.

Mhuwiex meħtieġ li jkollok avukat sabiex titlob lil uffiċjal ta’ eżekuzzjoni tal-qorti (commissaire de justice li qabel kien magħruf bħala huissier de justice) jibda l-miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja.

L-avukat huwa obbligatorju tul il-proċedimenti għall-qbid ta’ proprjetà immobbli. Id-debitur jista’, b’mod eċċezzjonali, jitlob awtorizzazzjoni mingħand l-imħallef tal-eżekuzzjoni, mingħajr avukat, biex ibigħ il-proprjetà tiegħu privatament.

Fi proċedimenti oħra, ir-rappreżentanza minn avukat hija fil-prinċipju obbligatorja, sakemm il-miżura ta’ eżekuzzjoni kkontestata ma tkunx tikkonċerna pretensjoni ta’ inqas minn EUR 10 000. Jekk ikunu jixtiequ, il-partijiet jistgħu jidhru personalment jew jiġu assistiti jew irrappreżentati minn avukat, mill-konjuġi, mill-koabitant, mill-persuna li magħha jkollhom ftehim ta’ sħubija ċivili, minn qraba diretti tagħhom, minn qraba kollaterali tagħhom sat-tielet grad (inkluż), jew minn persuni li jkollhom rabta esklużiva mal-persunal personali tagħhom jew mal-kumpanija tagħhom.

3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?

3.1 Il-proċedura

Lista tat-titoli eżekuttivi rikonoxxuti fi Franza hija stabbilita fl-Artikolu L. 111-3 tal-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili tal-Eżekuzzjoni (Code des procédures civiles d’exécution). Dawn huma:

  • id-deċiżjonijiet legalment vinkolanti tal-qrati ordinarji jew tal-qrati amministrattivi u l-ftehimiet eżekutorji b’deċiżjoni ta’ dawn il-qrati;
  • miżuri u sentenzi barranin u deċiżjonijiet arbitrali ddikjarati eżegwibbli b’digriet mhux suġġett ta’ appell li jissospendi l-eżekuzzjoni, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea;
  • id-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Unifikata tal-Privattivi;
  • estratti minn rapporti ta’ konċiljazzjoni ffirmati mill-imħallef u mill-partijiet;
  • atti notarili li fihom klawżola li tagħti awtorità għall-eżekuzzjoni;
  • il-ftehimiet li permezz tagħhom il-konjuġi jagħtu l-kunsens reċiproku tagħhom għad-divorzju permezz ta’ att privat ikkontraffirmat mill-avukati, u ppreżentat fir-reġistri uffiċjali ta’ nutar f’konformità mal-arranġamenti stipulati mill-Artikolu 229-1 tal-Kodiċi Ċivili (Code civil);
  • titolu maħruġ minn uffiċjal ta’ eżekuzzjoni tal-qorti f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ ċekk jew f’każ ta’ ftehim bejn il-kreditur u d-debitur skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu L. 125-1 tal-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili tal-Eżekuzzjoni;
  • titoli maħruġa minn persuni ġuridiċi stabbiliti skont id-dritt pubbliku u deskritti mill-liġi bħala tali, jew id-deċiżjonijiet li l-liġi tagħtihom l-istess effett ta’ sentenza;
  • tranżazzjonijiet u dokumenti li jirreġistraw ftehim li jirriżulta minn proċedimenti ta’ medjazzjoni, konċiljazzjoni jew parteċipazzjoni, meta jkunu kontroffirmati mill-avukati ta’ kull waħda mill-partijiet u approvati mir-reġistru tal-qorti kompetenti.

Id-deċiżjonijiet tal-qrati ordinarji huma eżekuttivi u jistgħu għalhekk jagħtu lok għall-bidu ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja, meta dawn ma jkunux soġġetti għal azzjoni li tissospendi l-eżekuzzjoni, jiġifieri appell jew oppożizzjoni, meta l-eżekuzzjoni proviżorja tkun obbligatorja (li huwa l-każ fil-prinċipju għal deċiżjonijiet fl-ewwel istanza) jew meta l-imħallef ikun ordna l-eżekuzzjoni proviżorja tad-deċiżjoni tiegħu. Id-deċiżjonijiet tal-qrati amministrattivi jkunu eżekuttivi anki meta dawn ikunu soġġetti għal appell.

Il-miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja awtorizzati:

Ġaladarba persuna tibbenefika minn titolu eżekuttiv, fil-prinċipju, tista’ tagħti bidu għall-miżuri kollha ta’ eżekuzzjoni obbligatorja previsti mill-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili tal-Eżekuzzjoni, mingħajr preawtorizzazzjoni mill-imħallef. Bħala eċċezzjoni, żewġ proċeduri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja jistgħu jinbdew biss bi preawtorizzazzjoni mill-imħallef:

  • is-sekwestru tar-rimunerazzjoni, awtorizzat mill-qorti tal-eżekuzzjoni tal-post tar-residenza tad-debitur jew tas-sekwestrat, jekk id-debitur ikun jgħix barra jew ma jkollu l-ebda residenza fissa;
  • il-qbid ta’ proprjetà immobbli, li jitwettaq mill-qorti tal-eżekuzzjoni tal-post li l-proprjetà tkun tinsab fih.

Barra minn hekk, kull qbid ta’ ammont ta’ anqas minn EUR 535 fi kwartieri residenzjali jirrikjedi l-preawtorizzazzjoni mill-imħallef tal-eżekuzzjoni.

Il-miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja previsti mill-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili tal-Eżekuzzjoni huma diversi u jvarjaw skont it-tip ta’ beni kkonċernati (proprjetà immobbli, beni mobbli tanġibbli, flus, eċċ.; ara 4.2. aktar ’l isfel). Fi kwalunkwe każ, dawn iridu jkunu limitati għal dak li hu neċessarju għall-irkupru tal-pretensjoni u ma jridx ikun hemm abbuż fl-għażla tal-miżuri.

B’deroga mill-prinċipju li l-miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja jistgħu jinbdew biss abbażi ta’ titoli eżekuttivi, il-miżuri kawtelatorji jistgħu jiġu applikati qabel ma jkun inħareġ titolu eżekuttiv. Dawn jippermettu lill-kreditur jissalvagwardja d-drittijiet tiegħu sakemm jistenna li joħroġlu titolu eżekuttiv.

Il-miżuri kawtelatorji huma mandati ta’ qbid jew ta’ sekwestru kawtelatorji u garanziji ġudizzjarji. Dawn ikunu awtorizzati mill-imħallef jekk il-pretensjoni tal-attur ikun jidher li tkun ibbażata fuq raġunijiet tajba u jekk l-attur juri ċ-ċirkostanzi li x’aktarx ipoġġu f’riskju l-irkupru tal-pretensjoni. Il-preawtorizzazzjoni mill-imħallef mhijiex meħtieġa f’każijiet li fihom il-kreditur ikollu sentenza favurih li ma tkunx għadha saret eżekuttiva. Fi kwalunkwe każ, il-miżuri meħuda f’dawn il-kundizzjonijiet jintemmu jekk l-uffiċjal ġudizzjarju ma jinnotifikax mill-aktar fis lid-debitur bihom u jekk il-kreditur ma jkunx beda proċedimenti legali dwar il-merti biex jikseb deċiżjoni tal-qorti li tikkonferma l-pretensjoni tiegħu.

Iż-żmien meta jistgħu jittieħdu miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja:

Il-miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja jistgħu jittieħdu biss bejn is-06.00 u d-21.00. Huma pprojbiti nhar ta’ Ħadd u fil-festi pubbliċi, ħlief jekk tkun ingħatat preawtorizzazzjoni mill-imħallef tal-eżekuzzjoni.

L-ispejjeż tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja:

L-uffiċjali ta’ eżekuzzjoni tal-qorti jitħallsu għas-servizzi tagħhom. Il-kreditur iħallas l-ispejjeż tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja, li d-debitur irid imbagħad jirrimborżahomlu, flimkien mad-dejn. Madankollu l-kreditur xorta waħda jħallas parti minn dawn l-ispejjeż.

Ir-rimunerazzjoni tal-uffiċjali ġudizzjarji hija rregolata mid-Digriet Nru 2016-230 tas-26 ta’ Frar 2016 u mill-Ordni tas-26 ta’ Frar 2016 li tistabbilixxi s-somma dovuta lilhom għal kull miżura ta’ eżekuzzjoni. Din l-iskala tat-tariffi tinkludi prinċipalment:

  • għal kull miżura, tariffa fissa, li hija somma stabbilita b’rata fissa mill-Ordni; abbażi tal-ammont tal-pretensjoni, din it-tariffa fissa tiġi mmultiplikata b’0.5 (pretensjoni ta’ mhux aktar minn EUR 128), b’1 (pretensjoni ta’ aktar minn EUR 128 u mhux aktar minn EUR 1 280) jew bi 2 (pretensjoni ta’ aktar minn EUR 1 280);
  • tariffa biex jinfetħu l-proċedimenti li tista’ tiġi imposta darba biss għal kull titolu eżegwibbli; din hija ta’ EUR 4.29 meta t-talba tkun inqas minn EUR 76; ’il fuq minn EUR 76, it-tariffa tkun proporzjonata skont l-ammont tal-pretensjoni sa massimu ta’ EUR 268.13;
  • tariffa għall-irkupru u l-ġbir; din hija tariffa proporzjonalment digressiva li l-uffiċjal ta’ eżekuzzjoni tal-qorti jirċievi biss meta jkun irkupra jew ġabar il-pretensjoni kollha jew parti minnha; fi kwalunkwe każ, il-kreditur xorta waħda jrid iħallas parti minn din it-tariffa (l-Artikolu A. 444-32 tal-Kodiċi Kummerċjali (Code de commerce));
  • it-tariffi tal-ġestjoni tal-każijiet; l-uffiċjal ta’ eżekuzzjoni tal-qorti jimponi EUR 6.37 għal kull pagament rateali li jsir mid-debitur, bl-eċċezzjoni tal-ammont tal-bilanċ pendenti tad-dejn li fuqu m’għandux dritt jimponi din is-somma; dawn it-tariffi ma jistgħux jaqbżu s-somma ta’ EUR 32.74 għal każ wieħed;
  • spejjeż tal-ivvjaġġar ta’ EUR 7.67 (EUR 8.80 f’każ ta’ notifika li tintbagħat esklużivament b’mezzi elettroniċi);
  • il-VAT (20 %);
  • taxxa b’rata fissa ta’ EUR 14.89 (mill-1 ta’ Jannar 2017), li titħallas lill-Istat mill-uffiċjali ta’ eżekuzzjoni tal-qorti, u li tkun soġġetta għal ċerti eċċezzjonijiet;
  • l-ispejjeż tal-posta għall-ittri li jikkostitwixxu formalitajiet proċedurali obbligatorji;
  • l-ispejjeż tas-serraturi, ġarr, garaxxijiet u ħażna tal-għamara (bi preżentazzjoni tal-fattura).

Pereżempju, għal pretensjoni rkuprata ta’ EUR 10 000, it-tariffa minima għal ċerti miżuri ta’ eżekuzzjoni hija kif ġej:

  • sekwestru kawtelatorju ta’ kont bankarju: EUR 129.64 inklużi t-taxxi (tariffa fissa, spejjeż tal-ivvjaġġar u taxxa b’rata fissa)
  • sekwestru/qbid jew bejgħ ta’ beni mobbli: EUR 114.21 inklużi t-taxxi (tariffa fissa, spejjeż tal-ivvjaġġar u taxxa b’rata fissa)
  • qbid ta’ vettura b’dikjarazzjoni fl-uffiċċju reġjonali amministrattiv: EUR 124.50 inklużi t-taxxi (tariffa fissa, spejjeż tal-ivvjaġġar u taxxa b’rata fissa)
  • avviż formali biex isir il-ħlas li jimplika l-qbid ta’ proprjetà immobbli: EUR 178.55 inklużi t-taxxi (tariffa fissa, spejjeż tal-ivvjaġġar u taxxa b’rata fissa).

Barra minn dawn it-tariffi fissi, hemm ukoll it-tariffi proporzjonali li, għall-pretensjoni kollha jammontaw għal EUR 707.52 bit-taxxi inklużi, li minnhom EUR 118.46 jitħallsu mid-debitur u EUR 589.06 mill-kreditur.

3.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Fil-prinċipju, ma hemmx bżonn ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja biex wieħed jipproċedi b’miżuri ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ titoli eżekuttivi (ara 3.1. aktar ’il fuq).

Meta l-kreditur ma jkollux titolu eżekuttiv, ikun jista’, jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, jagħti bidu għal miżuri kawtelatorji (ara 3.1. aktar ’il fuq).

4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi

4.1 Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għall-eżekuzzjoni?

Fil-prinċipju, il-beni kollha li huma l-proprjetà tad-debitur jistgħu jkunu soġġetti għal miżura ta’ eżekuzzjoni obbligatorja.

Madankollu, b’mod eċċezzjonali, il-liġi tipprevedi li ċerti beni ma jistgħux jiġu ssekwestrati jew maqbuda. Dan japplika, b’mod partikolari, fil-każ ta’:

  • somom meħtieġa għall-manteniment; għaldaqstant, mhuwiex possibbli, pereżempju, li jiġi ssekwestrat l-introjtu kollu ggwadanjat minn persuna għaliex dik il-persuna trid iżżomm somma għaliha li tkun biżżejjed biex issostni l-ħtiġijiet ta’ kuljum tagħha; l-ammont ta’ dik is-somma jiġi stabbilit kull sena u jqis l-ammont tal-introjtu ggwadanjat u l-għadd ta’ persuni dipendenti;
  • beni mobbli meħtieġa għall-ħajja ta’ kuljum tad-debitur u għal xogħlu; fil-prinċipju, dawn il-beni jistgħu jinqabdu biss biex jitħallas prezzhom, jew jekk ikunu ta’ valur sinifikanti; lista ta’ dawn il-beni tinsab fl-Artikolu R. 112-2 tal-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili tal-Eżekuzzjoni; pereżempju, mhuwiex possibbli li tinqabad is-sodda jew il-mejda tad-debitur, ħlief jekk il-qbid ikun iġġustifikat min-nuqqas ta’ ħlas tal-prezz tal-akkwist tagħhom jew jekk ikunu beni b’valur għoli;
  • beni li huma essenzjali għall-persuni b’diżabbiltà jew maħsuba għall-kura tal-morda; pereżempju, is-siġġu tar-roti ta’ persuna b’diżabbiltà ma jistax jinqabad.

F’ċerti każijiet, il-kummerċjanti waħdiena jibbenefikaw minn protezzjoni speċjali għall-patrimonju kollu tagħhom jew għal parti minnu.

4.2 X’inhuma l-effetti tal-miżuri eżekuttivi?

Il-miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja fuq il-beni mobbli u t-talbiet ta’ kreditu fi flus huma organizzati f’diversi fażijiet. L-ewwel, l-uffiċjal ta’ eżekuzzjoni tal-qorti jipproċedi bis-sekwestru/qbid tagħhom. Is-sekwestru/qbid ifisser li l-proprjetà ma tistax tiġi ċeduta. Id-debitur ikun ipprojbit milli jissepara ruħu mill-beni mobbli ssekwestrati/maqbudin. Jekk id-debitur ma jikkonformax ma’ dan l-obbligu li jżomm il-proprjetà, ikun qed iwettaq reat. L-ammonti ta’ flus issekwestrati jibqgħu bblukkati fil-kont tad-debitur. Imbagħad l-uffiċjal ta’ eżekuzzjoni tal-qorti jgħarraf lid-debitur bis-sekwestru/qbid. Jekk id-debitur ma jikkontestax is-sekwestru/qbid billi jressaq il-każ quddiem l-imħallef tal-eżekuzzjoni, l-uffiċjal ta’ eżekuzzjoni tal-qorti jista’ jaqbad il-beni mobbli biex jinbiegħu fi rkant pubbliku jew jesiġi li l-ammonti ta’ flus issekwestrati jiġu trasferiti. F’każ ta’ kontestazzjoni, l-imħallef tal-eżekuzzjoni jew jawtorizza t-twettiq tal-miżura ta’ eżekuzzjoni obbligatorja jew inkella jġibha fi tmiemha jekk ma tkunx twettqet b’mod validu.

Il-miżura ta’ eżekuzzjoni obbligatorja fuq il-proprjetà immobbli hija l-proċedura għall-qbid tal-proprjetà immobbli. Din tibda billi l-uffiċjal ta’ eżekuzzjoni tal-qorti joħroġ avviż formali biex isir il-ħlas mid-debitur li jimplika l-qbid ta’ proprjetà immobbli, u li jfisser li wieħed ma jistax jiddisponi mill-proprjetà. Il-kreditur imbagħad iressaq il-każ quddiem l-imħallef tal-eżekuzzjoni sabiex dan jiddeċiedi kif għandu jipproċedi bil-każ. Jekk ikun possibbli li l-proprjetà tinbiegħ privatament u dan jintalab mid-debitur, l-imħallef jirriferi l-każ għall-bejgħ privat u jistabbilixxi l-iskadenza sa meta għandu jsir dan il-bejgħ. Jekk ma jkunx possibbli li l-proprjetà tinbiegħ privatament jew il-bejgħ ma jkunx irnexxa, l-imħallef jordna li l-proprjetà tinbiegħ fi rkant pubbliku. L-irkant pubbliku jsir f’seduta quddiem l-imħallef.

4.3 X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn?

It-titoli eżekuttivi jistgħu jiġu eżegwiti, fil-prinċipju, fi żmien 10 snin (l-Artikolu L. 111-4 tal-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili tal-Eżekuzzjoni). Dak il-perjodu jibda’ jiskorri meta tinbeda miżura ta’ eżekuzzjoni obbligatorja abbażi ta’ dak it-titolu.

5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?

Din il-mistoqsija tapplika biss għal:

  • mandati ta’ sekwestru/qbid meta l-kreditur ma jkunx għad għandu titolu eżekuttiv;
  • ordnijiet biex jiġu kkonsenjati jew tiġi rritornati beni mobbli speċifiċi meta l-persuna li tkun qed titlob il-konsenja jew ir-ritorn tal-beni ma tkunx għadha fil-pussess ta’ titolu eżekuttiv;
  • is-sekwestru tar-rimunerazzjoni;
  • il-qbid ta’ proprjetà immobbli.

Dawn il-proċeduri huma l-uniċi miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja li jridu jiġu awtorizzati minn imħallef tal-eżekuzzjoni. Id-deċiżjoni tal-imħallef tkun soġġetta għal appell jew għal appell quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni (Cour de cassation) skont l-ammont tal-pretensjoni.

6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?

It-titoli eżekuttivi jistgħu jiġu eżegwiti, fil-prinċipju, fi żmien 10 snin (l-Artikolu L. 111-4 tal-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili tal-Eżekuzzjoni). Dak il-perjodu jibda’ jiskorri meta tinbeda miżura ta’ eżekuzzjoni obbligatorja abbażi ta’ dak it-titolu.

Il-miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja jistgħu jittieħdu biss bejn is-06.00 u d-21.00. Huma pprojbiti nhar ta’ Ħadd u fil-festi pubbliċi, ħlief jekk tkun ingħatat preawtorizzazzjoni mill-imħallef tal-eżekuzzjoni.

Barra minn hekk, il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni jridu jkunu limitati għal dak li hu neċessarju għall-irkupru tal-pretensjoni u ma jridx ikun hemm abbuż fl-għażla tal-miżuri.

Ukoll, ċerti beni ma jistgħux jiġu ssekwestrati/maqbudin (ara 4.1. aktar ’il fuq), u kull qbid jew bejgħ ta’ bini residenzjali jrid jiġi preawtorizzat jekk dan ikun għall-irkupru ta’ pretensjoni li mhix manteniment ta’ ammont li jkun anqas minn EUR 535 (l-Artikoli L. 221-2 u R. 221-2 tal-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili tal-Eżekuzzjoni).

Fl-aħħar nett, jekk id-debitur igawdi minn immunità mill-eżekuzzjoni, ma tista’ tittieħed l-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni obbligatorja kontra l-beni tiegħu li huma koperti minn dik l-immunità. Biex tkun tista’ tittieħed miżura ta’ eżekuzzjoni obbligatorja fuq beni li jappartjenu għal tali persuna għar-raġuni li dawn ma jkunux koperti minn immunità mill-eżekuzzjoni, trid tinkiseb preawtorizzazzjoni mill-imħallef (l-Artikoli L. 111-1 sa L. 111-3 u R. 111-1 sa R. 111-5 tal-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili tal-Eżekuzzjoni).

Links relatati

Legifrance

Is-sit tal-Kamra Nazzjonali tal-Uffiċjali ta’ Eżekuzzjoni tal-Qorti

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 22/08/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.