

Sib informazzjoni għal kull reġjun
L-eżekuzzjoni (li timplika l-eżekuzzjoni obbligatorja, peress li eżekuzzjoni volontarja, tad-debitur tal-obbligi tiegħu ma tirrikjedix proċedimenti) tkopri l-proċedimenti kollha li jippermettu li debitur jiġi mġiegħel iwettaq l-obbligi tiegħu/tagħha skont titolu eżegwibbli. It-titoli eżegwibbli huma prinċipalment sentenzi (Franċiżi jew barranin) u atti notarili ċċertifikati bħala eżegwibbli (ara 2. aktar ’l isfel). Fid-dritt ta’ Franza, dawn it-titoli jistgħu jimponu tliet tipi ta’ obbligi fuq id-debitur: l-obbligu tal-ħlas, li jsir jew ma jsirx xi ħaġa u fl-aħħar nett l-għotja jew ir-radd lura.
Id-dritt tal-eżekuzzjoni jirrigwarda biss l-assi tad-debitur. Ma teżisti l-ebda eżekuzzjoni kontra persuni. Dan ifisser, pereżempju, li d-debituri ma jistgħux jintbagħtu l-ħabs għall-unika raġuni li ma jkunux jistgħu jħallsu lura d-dejn tagħhom. Madankollu, ir-rifjut li wieħed jaderixxi ma’ ċerti obbligi (obbligi ta’ manteniment) huwa reat kriminali, li jesponi lid-debitur għal prosekuzzjoni u għal sentenza ta’ ħabs. L-istess japplika għall-organizzazzjoni frawdolenti ta’ insolvenza minn debitur.
L-obbligi ta’ ħlas huma eżegwibbli permezz ta’ sekwestri ta’ somom ta’ flus, proprjetà mobbli jew immobbli li jippossjedi d-debitur. Jekk is-sekwestru jkun ta’ somma flus, l-ammont issekwestrat jiġi assenjat lill-kreditur (pereżempju: sekwestru ta’ kont bankarju). Jekk is-sekwestru jkun ta’ assi mobbli jew immobbli tad-debitur, is-sekwestru jwassal għall-bejgħ obbligatorju tal-assi u r-rikavat mill-bejgħ jintradd lura lill-kreditur, fil-limitu tal-ammont tal-pretensjoni tiegħu.
L-obbligi ta’ għotja jew li wieħed irodd lura jvarjaw skont in-natura tal-assi. Fil-każ ta’ proprjetà mobbli, l-assi jinqabad permezz ta’ mandat ta’ sekwestru sabiex jingħata lura lis-sid leġittimu tiegħu. Fil-każ ta’ proprjetà immobbli, il-pussess tal-proprjetà jingħata lura lis-sid billi jiġi żgumbrat l-okkupant.
Billi huwa projbit li persuna tiġi fiżikament imġiegħla li twettaq obbligu li tagħmel jew tonqos milli tagħmel xi ħaġa, id-debitur jiġi mħeġġeġ jirrispetta dawk l-obbligi billi, l-qorti, tagħti penali pekunjarja. L-ammont tal-penali pekunjarja huwa l-ammont ta’ flus li d-debitur irid iħallas jekk ma jirrispettax l-obbligi tiegħu. L-ammont dovut jiġi kkalkulat b’mod proporzjonali għall-perjodu tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni (fil-każ ta’ obbligi li wieħed jagħmel xi ħaġa) jew skont l-għadd ta’ ksur tal-obbligu li wieħed jonqos milli jagħmel xi ħaġa. Peress li l-obbligi ta’ ħlas, ta’ għotja u li wieħed irodd lura huma wkoll interpretati bħala obbligi li wieħed jagħmel xi ħaġa, dawn jistgħu jiġu kkombinati wkoll ma’ penali pekunjarja apparti miżuri oħra ta’ eżekuzzjoni obbligatorja li jistgħu jittieħdu.
Ta’ min wieħed jinnota wkoll li huma biss l-obbligi stabbiliti b’titolu eżegwibbli li, fil-prinċipju, jistgħu jkunu soġġetti għal miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja.
Il-marixxalli tal-qorti jgawdu minn monopolju biex iwettqu eżekuzzjoni obbligatorja. Dawn huma uffiċjali pubbliċi u ministerjali, maħtura mill-Ministeru għall-Ġustizzja, li jivverifika li dawn iwettqu d-doveri tagħhom f’konformità ma’ regoli stretti tad-deontoloġija. Dawn jitħallsu għas-servizzi tagħhom (ara 8. aktar ’l isfel). Il-kreditur iħallas l-ispejjeż tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja, li d-debitur irid imbagħad jirrimborżahomlu.
Meta titressaq pretensjoni quddiem il-qorti, l-imħallef kompetenti huwa, fil-prinċipju, l-imħallef tal-eżekuzzjoni, li huwa mħallef speċjalizzat tal-Qorti Reġjonali (tribunal de grande instance).
Is-sekwestru tal-introjtu ggwadanjat huwa eċċezzjonalment trattat mill-qrati distrettwali (juges d’instance).
Fl-aħħar nett, filwaqt li l-miżuri ta’ konservazzjoni huma fil-prinċipju awtorizzati mill-imħallef tal-eżekuzzjoni, dawn jistgħu wkoll, eċċezzjonalment, jiġu awtorizzati mill-president tal-qorti kummerċjali (tribunal de commerce) meta jkollhom l-għan li jippreservaw pretensjoni li taqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-qorti kummerċjali.
Ma hemmx bżonn ta’ avukat biex marixxall tal-qorti jintalab jibda l-miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja.
L-avukat huwa obbligatorju matul il-proċedimenti għas-sekwestru ta’ proprjetà immobbli. Id-debitur jista’, b’mod eċċezzjonali, jitlob awtorizzazzjoni mingħand l-imħallef tal-eżekuzzjoni, mingħajr avukat, biex ibigħ il-proprjetà tiegħu privatament.
Fi proċedimenti oħra ta’ eżekuzzjoni obbligatorja, avukat mhuwiex obbligatorju meta titressaq pretensjoni quddiem il-qorti. Għaldaqstant il-partijiet jistgħu jidhru personalment quddiem il-qorti. Jekk ikunu jixtiequ, jistgħu jiġu assistiti jew irrappreżentati minn avukat, mill-konjuġi, mill-koabitant, mill-persuna li magħha jkollhom ftehim ta’ sħubija ċivili, mill-qraba diretti tagħhom, mill-qraba kollaterali tagħhom sat-tielet grad (inkluż), jew minn persuni li jkollhom rabta esklużiva mal-persunal personali tagħhom jew mal-kumpanija tagħhom.
Lista tat-titoli eżegwibbli rikonoxxuti fi Franza hija stabbilita fl-Artikolu L. 111-3 tal-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili tal-Eżekuzzjoni (Code des procédures civiles d’exécution). Dawn huma:
Id-deċiżjonijiet tal-qrati ordinarji huma eżegwibbli u jistgħu għalhekk jagħtu lok għall-bidu ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja, meta dawn ma jkunux soġġetti għal azzjoni li tissospendi l-eżekuzzjoni, jiġifieri appell jew oppożizzjoni, jew meta l-imħallef ikun ordna l-eżekuzzjoni proviżorja tad-deċiżjoni tiegħu. Id-deċiżjonijiet tal-qrati amministrattivi huma eżegwibbli anki meta dawn ikunu soġġetti għal appell.
Il-miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja awtorizzati:
Ġaladarba persuna tibbenefika minn titolu eżegwibbli, fil-prinċipju, tista’ tagħti bidu għall-miżuri kollha ta’ eżekuzzjoni obbligatorja previsti mill-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili tal-Eżekuzzjoni, mingħajr preawtorizzazzjoni mill-imħallef, bl-eċċezzjoni ta’ żewġ proċeduri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja li jistgħu jinbdew biss bi preawtorizzazzjoni mill-imħallef:
Barra minn hekk, kull sekwestru ta’ ammont anqas minn EUR 535 fi kwartieri residenzjali jirrikjedi l-preawtorizzazzjoni mill-imħallef tal-eżekuzzjoni.
Il-miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja previsti mill-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili tal-Eżekuzzjoni huma diversi u jvarjaw skont it-tip ta’ assi kkonċernat (proprjetà immobbli, proprjetà mobbli tanġibbli, flus, eċċ.; ara 4.2. aktar ’l isfel). Fi kwalunkwe każ, dawn iridu jkunu limitati għal dak li hu neċessarju għall-irkupru tal-pretensjoni u ma jridx ikun hemm abbuż fl-għażla tal-miżuri.
Permezz ta’ deroga mill-prinċipju li l-miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja jistgħu jinbdew biss abbażi ta’ titoli eżegwibbli, il-miżuri ta’ konservazzjoni jistgħu jiġu applikati qabel ma jkun inħareġ titolu eżegwibbli. Dawn jippermettu lill-kreditur li jissalvagwardja d-drittijiet tiegħu jew tagħha sakemm jistenna li joħroġ titolu eżegwibbli.
Il-miżuri ta’ konservazzjoni huma mandati ta’ sekwestru u garanziji ġudizzjarji. Dawn huma awtorizzati mill-imħallef jekk il-pretensjoni tal-applikant tkun tidher li hija bbażata fuq raġunijiet tajba u jekk l-applikant juri ċ-ċirkostanzi li x’aktarx ipoġġu f’riskju l-irkupru tal-pretensjoni. Il-preawtorizzazzjoni mill-imħallef mhijiex meħtieġa f’każijiet li fihom il-kreditur ikollu sentenza favurih li ma tkunx għadha saret eżegwibbli. Fi kwalunkwe każ, il-miżuri meħuda f'dawn il-kundizzjonijiet jintemmu jekk il-marixxall tal-qorti ma jinnotifikax mill-aktar fis lid-debitur bihom u jekk il-kreditur ma jkunx beda proċedimenti legali dwar il-merti biex jikseb deċiżjoni tal-qorti li tikkonferma l-pretensjoni tiegħu.
Iż-żmien meta jistgħu jittieħdu miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja:
Il-miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja jistgħu jittieħdu biss bejn is-06.00 u d-21.00. Huma projbiti l-Ħdud u l-festi pubbliċi, ħlief jekk tkun ingħatat preawtorizzazzjoni mill-imħallef tal-eżekuzzjoni.
L-ispejjeż tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja:
Il-marixxalli tal-qorti jitħallsu għas-servizzi tagħhom. Il-kreditur iħallas l-ispejjeż tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja, li d-debitur irid imbagħad jirrimborżahomlu, apparti d-dejn. Madankollu l-kreditur xorta waħda jħallas parti minn dawn l-ispejjeż.
Ir-remunerazzjoni tal-marixxalli tal-qorti hija rregolata mid-Digriet Nru 2016-230 tas-26 ta’ Frar 2016 u mill-Ordni tas-26 ta’ Frar 2016 li tistabbilixxi s-somma dovuta lilhom għal kull miżura ta’ eżekuzzjoni. Din l-iskala tat-tariffi tinkludi prinċipalment:
- għal kull miżura, tariffa fissa, li hija somma stabbilita b’rata fissa mill-Ordni; abbażi tal-ammont tal-pretensjoni, din it-tariffa fissa tiġi mmultiplikata b’0.5 (pretensjoni li tammonta għal mhux aktar minn EUR 128), b’1 (pretensjoni ta’ aktar minn EUR 128 u anqas minn jew ugwali għal EUR 1 280) jew bi 2 (pretensjoni li tammonta għal aktar minn EUR 1 280);
- tariffa biex jinbdew il-proċedimenti li tista’ tiġi imposta darba biss għal kull titolu eżegwibbli; f’każ li l-pretensjoni tkun tammonta għal anqas minn EUR 76, din tkun ta’ EUR 4.29; ’il fuq minn EUR 76, it-tariffa tkun proporzjonata skont l-ammont tal-pretensjoni sa massimu ta’ EUR 268.13;
- tariffa għall-irkupru u l-ġbir; din hija tariffa proporzjonalment digressiva li l-marixxall tal-qorti jirċievi biss meta jkun irkupra jew ġabar il-pretensjoni kollha jew parti minnha; fi kwalunkwe każ, il-kreditur xorta waħda jrid iħallas parti minn din it-tariffa (l-Artikolu A. 444-32 tal-Kodiċi Kummerċjali (Code de commerce));
- it-tariffi tal-ġestjoni tal-każijiet; il-marixxall tal-qorti jimponi EUR 6.42 għal kull pagament rateali li jsir mid-debitur, bl-eċċezzjoni tal-ammont tal-bilanċ pendenti tad-dejn li fuqu m’għandux dritt jimponi din is-somma; dawn it-tariffi ma jistgħux jaqbżu s-somma ta’ EUR 33 għall-istess każ;
- spejjeż tal-ivvjaġġar ta’ EUR 7.68 (EUR 8.80 f’każ ta’ notifika li tintbagħat esklużivament b’mezzi elettroniċi);
- il-VAT (20 %);
- taxxa b’rata fissa ta’ EUR 14.89 (mill-1 ta’ Jannar 2017), li titħallas lill-Istat mill-marixxalli tal-qorti, u li tkun soġġetta għal ċerti eċċezzjonijiet;
- l-ispejjeż tal-posta għall-ittri li jikkostitwixxu formalitajiet proċedurali obbligatorji;
- l-ispejjeż tas-serraturi, ġarr, garaxxijiet u ħażna tal-għamara (bi preżentazzjoni tal-fattura).
Pereżempju, għal pretensjoni rkuprata ta’ EUR 10 000, it-tariffa minima għal ċerti miżuri ta’ eżekuzzjoni hija kif ġej:
Barra minn dawn it-tariffi fissi, hemm ukoll it-tariffi proporzjonali li, għall-pretensjoni kollha jammontaw għal EUR 707.52 bit-taxxi inklużi, li minnhom EUR 118.46 jitħallsu mid-debitur u EUR 589.06 mill-kreditur.
Fil-prinċipju, ma hemmx bżonn ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja biex wieħed jipproċedi b’miżuri ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ titoli eżegwibbli (ara 3.1. aktar ’il fuq).
Meta l-kreditur ma jkollux titolu eżegwibbli, jista’, jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, jagħti bidu għall-miżuri ta’ konservazzjoni (ara 3.1. aktar ’il fuq).
Fil-prinċipju, l-assi kollha li jippossjedi d-debitur jistgħu jkunu soġġetti għal miżura ta’ eżekuzzjoni obbligatorja.
Madankollu, b’mod eċċezzjonali, il-liġi tipprevedi li ċerti assi ma jistgħux jiġu ssekwestrati. Dan japplika, b’mod partikolari, fil-każ ta:
Is-sidien uniċi jibbenefikaw, f’ċerti każijiet, minn protezzjoni speċjali għall-patrimonju kollu tagħhom jew għal parti minnu.
Il-miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja fuq il-proprjetà mobbli u t-talbiet ta’ kreditu fi flus huma organizzati f’diversi fażijiet. L-ewwel li ma jsir hu li l-marixxall tal-qorti jipproċedi bis-sekwestru tagħhom. Is-sekwestru jfisser li wieħed ma jistax jiddisponi mill-proprjetà. Id-debitur ikun projbit milli jissepara ruħu mill-proprjetà mobbli ssekwestrata. Jekk id-debitur ma jikkonformax ma’ dan l-obbligu li jżomm il-proprjetà, ikun qed iwettaq reat. L-ammonti ta’ flus issekwestrati jibqgħu bblukkati fil-kont tad-debitur. Imbagħad il-marixxall tal-qorti jgħarraf lid-debitur bis-sekwestru. Jekk id-debitur ma jikkontestax is-sekwestru billi jressaq il-każ quddiem l-imħallef tal-eżekuzzjoni, il-marixxall tal-qorti jista’ jissekwestra l-proprjetà mobbli biex din tinbiegħ fi rkant pubbliku jew jesiġi li l-ammonti ta’ flus issekwestrati jiġu trasferiti. F’każ ta’ kontestazzjoni, l-imħallef tal-eżekuzzjoni jagħti sentenza u jawtorizza t-twettiq tal-miżura ta’ eżekuzzjoni obbligatorja jew inkella jġibha fi tmiemha jekk ma tkunx twettqet b’mod validu.
Il-miżura ta’ eżekuzzjoni obbligatorja fuq il-proprjetà immobbli hija l-proċedura għas-sekwestru tal-proprjetà immobbli. Din tibda billi l-marixxall tal-qorti joħroġ avviż formali biex isir il-ħlas mid-debitur li jimplika s-sekwestru ta’ proprjetà immobbli, u li jfisser li wieħed ma jistax jiddisponi mill-proprjetà. Il-kreditur imbagħad iressaq il-każ quddiem l-imħallef tal-eżekuzzjoni sabiex dan jiddeċiedi kif għandu jipproċedi bil-każ. Jekk ikun possibbli li l-proprjetà tinbiegħ privatament u dan jintalab mid-debitur, l-imħallef jirriferi l-każ għall-bejgħ privat u jistabbilixxi l-iskadenza sa meta għandu jsir dan il-bejgħ. Jekk ma jkunx possibbli li l-proprjetà tinbiegħ privatament jew il-bejgħ ma jkunx irnexxa, l-imħallef jordna li l-proprjetà tinbiegħ fi rkant pubbliku. L-irkant pubbliku jsir f’seduta quddiem l-imħallef.
It-titoli eżegwibbli jistgħu jiġu eżegwiti, fil-prinċipju, fi żmien 10 snin (l-Artikolu L. 111-4 tal-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili tal-Eżekuzzjoni (Code des procédures civiles d’exécution)). Dak il-perjodu jibda’ jiskorri meta tinbeda miżura ta’ eżekuzzjoni obbligatorja abbażi ta’ dak it-titolu.
Din il-mistoqsija tapplika biss għal:
- mandati ta’ sekwestru meta l-kreditur ma jkunx għad għandu titolu eżegwibbli,
- is-sekwestru ta’ introjtu ggwadanjat,
- is-sekwestru tal-proprjetà immobbli.
Dawn il-proċeduri huma l-uniċi miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja li jridu jiġu awtorizzati minn imħallef tal-eżekuzzjoni. Id-deċiżjoni tal-imħallef hija soġġetta għall-appell jew għal appell quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni (Cour de cassation) skont l-ammont tal-pretensjoni.
It-titoli eżegwibbli jistgħu jiġu eżegwiti, fil-prinċipju, fi żmien 10 snin (l-Artikolu L. 111-4 tal-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili tal-Eżekuzzjoni. Dak il-perjodu jibda’ jiskorri meta tinbeda miżura ta’ eżekuzzjoni obbligatorja abbażi ta’ dak it-titolu.
Il-miżuri ta’ eżekuzzjoni obbligatorja jistgħu jittieħdu biss bejn is-06.00 u d-21.00. Huma projbiti l-Ħdud u l-festi pubbliċi, ħlief jekk tkun ingħatat preawtorizzazzjoni mill-imħallef tal-eżekuzzjoni.
Barra minn hekk, il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni jridu jkunu limitati għal dak li hu neċessarju għall-irkupru tal-pretensjoni u ma jridx ikun hemm abbuż fl-għażla tal-miżuri.
Barra minn hekk, ċerti assi ma jistgħux jiġu ssekwestrati (ara 4.1. aktar ’il fuq), u kull sekwestru jew bejgħ ta’ kwartieri residenzjali jrid jiġi preawtorizzat jekk dan ikun għall-irkupru ta’ pretensjoni lil hinn mill-manteniment ta’ ammont li jkun anqas minn EUR 535 (l-Artikoli L. 221-2 u R. 221-2 tal-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili tal-Eżekuzzjoni).
Fl-aħħar nett, jekk id-debitur igawdi minn immunità mill-eżekuzzjoni, ma tista’ tittieħed l-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni obbligatorja kontra l-assi tiegħu koperti minn dik l-immunità. Biex tkun tista’ tittieħed miżura ta’ eżekuzzjoni obbligatorja fuq assi li jappartjenu għal tali persuna għar-raġuni li dawn ma jkunux koperti minn immunità mill-eżekuzzjoni, trid tinkiseb preawtorizzazzjoni mill-imħallef (l-Artikoli L. 111-1 sa L. 111-3 u R. 111-1 sa R. 111-5 tal-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili tal-Eżekuzzjoni).
Ħoloq relatati
Is-sit web tal-Kamra Nazzjonali tal-Marixxalli tal-Qorti
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.