Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Kif tinforza deċiżjoni ta’ qorti

Ġibiltà
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?

L-eżekuzzjoni (enforcement) hija azzjoni sanzjonata mill-qorti li tobbliga lid-debituri kanonizzati biex jikkonformaw mal-ordnijiet tal-qorti. L-għażla tal-metodu ta’ eżekuzzjoni hija totalment f’idejn il-kreditur kanonizzat.

Meta jagħżel liema metodu għandu jintuża, kreditur jeħtieġlu jikkunsidra jekk:

  • huwiex probabbli li jieħu l-flus u t-tariffa tal-qorti mingħand il-konvenut;
  • il-konvenut għandux jagħti flus lil nies oħra jew għandux sentenzi tal-qorti oħra;
  • il-konvenut huwiex is-sid ta’ xi oġġetti jew assi li jistgħu jinqabdu u jinbiegħu b’subbasta;
  • il-konvenut jaħdimx;
  • il-konvenut għandux dħul ieħor, bħal introjtu minn investimenti;
  • il-konvenut għandux kont bankarju, ma’ soċjetà tal-bini jew kont ieħor;
  • il-konvenut huwiex is-sid ta’ proprjetà (dar); jew jekk
  • hemmx ħaddieħor li għandu jagħti flus lill-konvenut.

L-informazzjoni dwar it-tipi differenti ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni ssegwi. Kreditur kanonizzat għandu jagħżel dik li permezz tagħha jkun l-aktar probabbli li jikseb il-flus dovuti lilu.

Qorti ma tistax tiggarantixxi li l-kreditur kanonizzat jieħu flusu lura, u għal kwalunkwe azzjoni meħuda trid titħallas tariffa tal-qorti. Għalkemm il-qorti żżid it-tariffa mal-flus li l-konvenut diġà jkollu jagħti, il-qorti ma tistax tirritorna dak li l-kreditur ikun ħallas jekk huwa ma jiħux il-flus mingħand il-konvenut.

It-tipi differenti ta’ metodi ta’ eżekuzzjoni huma:

Qbid ta’ oġġetti

Qbid (execution) huwa l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi tal-qorti ċivili permezz tal-qbid ta’ oġġetti. Biex tinkiseb l-eżekuzzjoni permezz tal-qbid, jeħtieġ li jitressaq rikors quddiem il-qorti għal mandat ta’ qbid (warrant of execution). Mandat ikun ta’ għajnuna biss jekk il-konvenut ikollu:

  • biżżejjed oġġetti fl-indirizz mogħti mill-kreditur kanonizzat li jistgħu jinbiegħu b’subbasta sabiex jinġabru l-flus; jew
  • il-flus kollha mitluba fil-mandat (sabiex l-oġġetti ma jkunux jistgħu jinbiegħu).

Qabel ma l-qorti tkun tista’ toħroġ il-mandat, il-konvenut jeħtieġlu:

  • ikun naqas milli jħallas l-ammont li kien ordnat iħallas; jew
  • ikun waqa’ lura f’tal-anqas pagament wieħed tiegħu.

L-uffiċjali ġudizzjarji (bailiffs) mhux dejjem ikunu jistgħu jneħħu u jbigħu l-oġġetti tal-konvenut. Pereżempju, ma jistgħux ineħħu oġġetti essenzjali tad-dar u għodod tan-negozju jew oġġetti soġġetti għal ftehimiet ta’ lokazzjoni b’opzjoni ta’ xiri jew ta’ kiri. L-uffiċjal ġudizzjarju ma jiħux l-oġġetti tal-konvenut jekk ma jkunux jiswew biżżejjed sabiex jilħqu l-ammont stipulat fil-mandat wara li jitnaqqsu l-ispejjeż tat-teħid u tal-bejgħ tal-oġġetti. L-oġġetti mibjugħa f’subbasta spiss jiġbru biss sehem mill-valur oriġinali tagħhom. Barra minn hekk, l-oġġetti tal-konvenut jistgħu jkunu diġà ġew maqbuda minn uffiċjali ġudizzjarji li jaġixxu taħt mandat ieħor.

Ordnijiet ta’ dejn ta’ terza persuna

Kreditur kanonizzat jista’ jressaq rikors quddiem il-Qorti Suprema (Supreme Court) biex dejn dovut minn terza persuna lill-konvenut jitħallas minflok lill-kreditur kanonizzat. Fil-prattika dan il-metodu jintuża biex jiġu ssekwestrati fondi li l-konvenut jista’ jkollu f’kontijiet bankarji. Jekk ma jkunx hemm biżżejjed fondi fil-kontijiet bankarji biex ikopru d-dejn, il-fondi li jkunu disponibbli jintużaw biex titħallas lura tal-anqas parti mill-ammont dovut.

Proċedimenti ta’ insolvenza

Jekk l-ammont dovut ikun ta’ aktar minn £750, kreditur kanonizzat iressaq ukoll rikors sabiex il-konvenut jiġi ddikjarat bħala insolventi. Dawn il-proċedimenti jitressqu quddiem il-Qorti Suprema. Madankollu dan jista’ jiġi għali.

Taħrika għal sentenza

Fil-Ġuriżdizzjoni għal Talbiet Żgħar tal-Qorti Suprema (talbiet sa £10000), kreditur kanonizzat jista’ jressaq rikors għal taħrika għal sentenza. Il-qorti mbagħad tista’ timponi l-ħlas tad-dejn dovut b’pagamenti parzjali li jista’, f’ċerti ċirkostanzi limitati, iwassal għal priġunerija f’każ ta’ inadempjenza fil-ħlas.

Ordnijiet biex tinkiseb informazzjoni

Għalkemm fiha nfisha mhijiex metodu ta’ eżekuzzjoni, din il-proċedura tippermetti li d-debituri kanonizzati jiġu interrogati għal informazzjoni dwar l-assi tagħhom, sabiex il-kreditur kanonizzat jkun jista’ jagħmel għażla aktar infurmata dwar il-metodu ta’ eżekuzzjoni li jixtieq juża.

2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?

Il-Qorti Suprema hija kompetenti għall-eżekuzzjoni f’Ġibiltà.

3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?

3.1 Il-proċedura

Il-Qorti Suprema (inkluża l-Ġuriżdizzjoni għal Talbiet Żgħar tagħha tista’ tordna l-eżekuzzjoni f’każijiet fejn tkun tat sentenza.

F’Ġibiltà, l-Uffiċjali Ġudizzjarji huma impjegati tas-Servizz tal-Qorti u għalhekk huma impjegati taċ-ċivil. Huma jieħdu ħsieb l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi u/jew ordnijiet magħmula u rreġistrati fil-qrati. Huma jeżegwixxu l-mandati ta’ qbid, jieħdu mill-ġdid il-pussess ta’ art b’mandati ta’ pussess (warrants of possession) u jirkupraw oġġetti b’mandati għar-ritorn ta’ oġġetti (warrants for return of goods). Barra minn hekk, l-uffiċjali ġudizzjarji jwettqu dmirijiet oħra, inkluż in-notifika personali ta’ dokumenti u mandati għal disprezz tal-qorti (warrants of committal).

Użu ta’ avukati jew professjonisti legali oħra

Ma hemm l-ebda obbligu fuq il-kreditur li jippreżenta r-rikors tiegħu għall-eżekuzzjoni permezz ta’ avukat jew kwalunkwe professjonist legali ieħor.

Ħlief fil-Ġuriżdizzjoni għal Talbiet Żgħar tal-Qorti Suprema, il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni jistgħu jkunu kkumplikati. Il-kredituri jistgħu, għalhekk, jieħdu parir mingħand avukat jew mill-Uffiċċju tal-Pariri għaċ-Ċittadini (Citizens Advice Bureau) qabel ma jibdew proċedura ta’ eżekuzzjoni.

L-iskala tal-ispejjeż għall-eżekuzzjoni

Hemm tariffi tal-qorti differenti għal kull metodu ta’ eżekuzzjoni. Kif imsemmi hawn fuq, għalkemm il-qorti żżid it-tariffa mal-flus li l-konvenut diġà jkollu jagħti, il-qorti ma tistax trodd lura dak li jkun ħallas il-kreditur jekk dan ma jirċevix il-flus mingħand il-konvenut. Għal aktar informazzjoni dwar it-tariffi applikabbli tista’ tikkuntattja lir-Reġistru tal-Qorti Suprema (Supreme Court Registry), 277 Main Street, Ġibiltà, numru tat-telefown (+ 350) 200 75608.

3.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Kif imsemmi iktar’ il fuq, f’Ġibiltà, l-għażla tal-metodu ta’ eżekuzzjoni li għandu jintuża hija kollha kemm hi f’idejn il-kreditur kanonizzat. Kredituri responsabbli li jkunu kisbu sentenza valida permezz tal-qrati u li jkunu għadhom ma tħallsux ikunu intitolati jeżegwixxu dik is-sentenza bil-mezzi l-aktar xierqa disponibbli għalihom. Għalhekk, sakemm tkun fis-seħħ sentenza valida u jsir rikors xieraq, il-qorti hija obbligata ssegwi l-għażla tal-kreditur.

4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi

4.1 Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għall-eżekuzzjoni?

Azzjoni ta’ eżekuzzjoni tista’ tittieħed kontra l-assi li ġejjin:

  • Kontijiet bankarji bl-użu tal-proċedura ta’ ordni ta’ dejn ta’ terza persuna (third party debt order procedure).
  • Proprjetà mobbli tanġibbli bl-użu tal-qbid.
  • Proprjetà immobbli bl-użu tal-proċedura tal-ordni ta’ ħlas (charging order procedure).

Ma hemmx lista fissa ta’ oġġetti li huma eżentati minn azzjoni għall-qbid ta’ assi (distraint action). Madankollu, jeżistu linji gwida. L-uffiċjal ġudizzjarju jista’ jieħu biss oġġetti li jappartjenu lill-konvenut jew li huma proprjetà konġunta.

Kwalunkwe oġġett meħud mill-uffiċjal ġudizzjarju irid ikun kapaċi li aktarx iġib il-flus f’subbasta. L-uffiċjali ġudizzjarji ma jaqbdux oġġetti jekk jaħsbu li ma jkunux se jġibu biżżejjed flus sabiex iħallsu xi ħaġa skont il-mandat wara li jkunu tħallsu l-ispejjeż tat-tneħħija u tal-bejgħ tagħhom f’subbasta.

L-uffiċjali ġudizzjarji ma jistgħux jieħdu:

  • oġġetti li l-konvenut ikollu bżonnhom għax-xogħol jew għan-negozju tiegħu, bħal għodod jew kotba tan-negozjanti;
  • oġġetti essenzjali tad-dar li l-konvenut u l-familja tiegħu jkunu jeħtieġu bħal ħwejjeġ jew friex;
  • oġġetti meħuda b’lokazzjoni jew kiri jew b’kuntratt ta' lokazzjoni b'opzjoni ta' xiri (inklużi karozzi);
  • oġġetti li setgħu diġà nqabdu minn uffiċjali ġudizzjarji li jaġixxu taħt mandat ieħor; jew
  • tagħmir li ma jkunx jappartjeni lil negozju (eż. għamara tal-uffiċċju, makkinarju u vetturi meħuda b’lokazzjoni).

Għal ordnijiet ta’ dejn ta’ terzi persuni, debitur kanonizzat li ma jkunx jista’ jiġbed flus mill-kont tiegħu ma’ bank jew ma’ soċjetà tal-bini u jiddikjara li hu jew il-familja tiegħu qed ibatu sabiex ilaħħqu mal-ispejjeż ordinarji tal-għajxien b’riżultat ta’ hekk, jista’ jressaq rikors quddiem qorti għal ordni ta’ ħlas ta’ tbatija (hardship payment order) li tippermetti li jsir ħlas wieħed jew aktar lil individwi speċifiċi.

4.2 X’inhuma l-effetti tal-miżuri eżekuttivi?

Kemm għad-debituri kif ukoll għal terzi persuni, in-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-ordnijiet tal-qorti jesponihom għal sanzjonijiet minħabba disprezz. Il-pieni li jistgħu jiġu imposti għal disprezz tal-qorti jinkludu “purging contempt” (jiġifieri apoloġija lill-imħallef fil-qorti bil-miftuħ), multi, u fl-aktar każijiet serji sa 14-il jum priġunerija.

Il-banek għandhom ċerti obbligi fir-rigward tal-iżvelar ta’ informazzjoni u l-qbid ta’ kontijiet bankarji. Meta bank jirċievi ordni ta’ dejn ta’ terza persuna imposta fuq wieħed mill-klijenti tiegħu, il-bank ma jkollux għalfejn jiżvela l-ammont ta’ flus miżmuma fil-kont. Jista’ jiddikjara li ma hemmx flus fil-kont, li ma hemmx biżżejjed fondi biex jintlaħaq l-ammont kollu iżda jista’ jħallas parti minnu, jew li hemm biżżejjed fondi biex jitħallas l-ammont kollu mitlub. Hemm kwistjonijiet stretti ħafna dwar il-protezzjoni tad-data li jirregolaw l-informazzjoni li l-bank jista’ jipprovdi lil hinn minn dan.

4.3 X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn?

L-ordnijiet kollha jiddikjaraw it-tul ta’ żmien li jkun qed jingħata biex tiġi pprovduta informazzjoni rilevanti jew biex wieħed jikkonforma mal-ordni tal-qorti, u jiddikjaraw ukoll il-penali massimi li jistgħu jiġu imposti għal nuqqas ta’ konformità ma’ ordni tal-qorti.

5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?

Il-metodi ta’ eżekuzzjoni ibbażati fuq il-qorti (ordnijiet ta’ ħlas, u ordnijiet ta’ dejn ta’ terzi persuni) kollha jinvolvu proċess f’żewġ stadji. L-istadju interim tal-proċess huwa purament funzjoni ġudizzjarja bbażata fuq il-karta, u d-debitur kanonizzat ma jagħti l-ebda kontribut għall-proċess f’dan l-istadju. Madankollu, biex kull metodu jagħmel progress lejn l-istadju finali, għandha ssir seduta li d-debitur kanonizzat jiġi mistieden jattendi fejn hu jkun jista’ jagħti kwalunkwe raġuni l-għala l-metodu ta’ eżekuzzjoni ippjanat ma għandux jipproċedi. Id-data tas-seduta tiġi nnotifikata lill-partijiet kollha minn ħafna qabel, u fil-każijiet kollha jkun hemm ammont minimu ta’ żmien fiss li jrid jgħaddi bejn l-istadju “interim”, in-notifika tas-smigħ “finali”, u s-seduta “finali” nnifisha, sabiex id-debitur (u kwalunkwe terza persuna rilevanti involuta direttament, pereżempju l-bank f’każ ta’ ordni ta’ debitur ta’ terza persuna) jingħata biżżejjed żmien biex iħejji l-każ tiegħu. Jekk id-data tas-seduta “finali” ma tkunx konvenjenti għall-partijiet, jistgħu jitolbu li tiġi ddifferita għal data li tkun aktar konvenjenti għaż-żewġ naħat. Jekk dan iseħħ, l-ordni interim tibqa’ fis-seħħ, iżda l-ordni ma tistax issir “finali” sakemm issir dik is-seduta.

Ma jista’ jsir l-ebda appell kontra d-deċiżjoni ladarba l-qorti toħroġ l-ordni tagħha. F’ċirkustanzi xierqa, appelli jew talbiet għal annullament jistgħu jsiru biss rigward is-sentenza oriġinali li inizjalment tkun tat lill-kreditur l-awtorità li jitlob l-eżekuzzjoni. Huwa biss jekk is-sentenza tiġi kkontestata b’suċċess permezz ta’ appell jew jekk tiġi annullata li l-proċess ta’ eżekuzzjoni jkun jista’ jiġi rrevokat minn qorti. Jekk tiġi ppreżentata oġġezzjoni għas-sentenza wara li qorti tkun awtorizzat talba ta’ kreditur għall-eżekuzzjoni, ordni tista’ tiġi sospiża b’rikors ippreżentat lill-qorti. L-uffiċjali ġudizzjarji (bailiffs) ma jistgħux jieħdu oġġetti, iżda jridu jżommuhom maqbuda (jiġifieri jelenkaw dawk li aktar tard jistgħu jittieħdu biex jinbiegħu).

Sakemm kreditur ikun għamel rikors kif suppost għall-eżekuzzjoni quddiem qorti, dik il-qorti ma tistax tirrifjuta li tawtorizza l-metodu ta’ eżekuzzjoni (magħżul mill-kreditur. Għalhekk, m’hemmx bżonn li l-kreditur ikollu mezz ta’ appell kontra d-deċiżjoni li tilqa’ l-miżura.

6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?

Mandat jew ordni ta’ qbid huwa soġġett għal terminu ta’ preskrizzjoni. Il-mandat u l-ordni huma validi għal 12-il xahar u jistgħu jiġu estiżi għal 12-il xahar oħra b’ordni tal-qorti.

Fil-proċedura ta' teħid tal-kontroll tal-oġġetti, debitur irid jingħata avviż li jispjega li l-oġġetti tiegħu ġew maqbuda u li għandu 5 ijiem biex jikkonkludi ftehim biex l-oġġetti maqbuda jitħallew fuq il-post (“walking possession” agreement) mal-uffiċjali ġudizzjarji. Dan il-ftehim jippermetti li d-debitur iżomm l-oġġetti. Jekk id-debitur ma jiffirmax il-ftehim fi żmien 5 ijiem, l-uffiċjali ġudizzjarji jistgħu jneħħu l-oġġetti u jipproċedu bis-subbasta.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 14/10/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.