- 1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?
- 2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?
- 3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?
- 4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi
- 5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?
- 6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?
Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?
Ma hemm l-ebda definizzjoni preċiża ta’ eżekuzzjoni fl-Irlanda. F’termini prattiċi tammonta għall-att ta’ twettiq ta’ sentenza jew ordni ta’ qorti. Din l-azzjoni ta’ eżekuzzjoni normalment hija sanzjonata mill-qorti qabel ma titwettaq.
Dawn li ġejjin huma l-aktar mezzi komuni li bihom jiġu eżegwiti sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali fl-Irlanda:
Eżekuzzjoni
Din it-tip ta’ azzjoni tinvolvi s-sekwestru ta’ oġġetti tad-debitur tas-sentenza. Il-Qorti toħroġ ordni fuq talba mingħand il-kreditur tas-sentenza li tordna lir-Reġistratur tal-Kontea (jew ix-Sheriff fil-każ ta’ Dublin jew Cork) jissekwestra oġġetti sal-valur tad-dejn tas-sentenza (inkluż kull spiża legali mġarrba). Dawn l-oġġetti jistgħu imbagħad jinbiegħu sabiex jiġi ssodisfat id-dejn.
Reġistrazzjoni
L-eżistenza ta’ sentenza tista’ tiddaħħal fid-dominju pubbliku bir-reġistrazzjoni tagħha fir-Reġistru tas-Sentenzi fil-Qorti Superjuri. Ir-Reġistru fih kull sentenza, irrispettivament minn jekk inkisbitx fil-Qorti Distrettwali, Superjuri jew fis-Circuit Court, li l-kreditur ikun talab li tiddaħħal. L-isem u l-indirizz tad-debitur flimkien mad-dettalji tas-sentenza jiġu ppubblikati f’xi gazzetti u f’pubblikazzjonijiet kummerċjali bħal Stubbs Gazette. Apparti minn hekk, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jirreġistraw din l-informazzjoni u sentenza mhux imħallsa tista’ taffettwa l-aċċess tad-debitur għal finanzjament.
Affidavit ta’ Ipoteka Ġudizzjarja
Il-kreditur ta’ sentenza jista’ jagħmel affidavit ġuramentat u hekk kif is-sentenza tiġi ċċertifikata mill-qorti rilevanti din tiġi rreġistrata kontra l-proprjetà tad-debitur. Ir-rikavati mill-bejgħ tal-proprjetà, fid-dawl tal-prijorità ta’ ipoteki oħra, iridu jiġu applikati biex jirrilaxxaw id-dejn qabel ma jingħataw lid-debitur. Jista’ jittieħed pass ieħor u jsir rikors quddiem qorti għal ordni ta’ sekwestru u ordni għall-bejgħ tal-proprjetà.
Ordnijiet ta’ Ħlasijiet Parzjali / Mandati ta’ Arrest
Jista’ jsir rikors quddiem il-Qorti Distrettwali biex issir ordni għall-pagament ta’ sentenza permezz ta’ ħlasijiet parzjali skont l-Atti dwar l-Eżekuzzjoni ta’ Ordnijiet tal-Qorti mill-1926 sal-2009. Mħallef jiddeċiedi, fid-dawl tal-mezzi tad-debitur, l-ammont tal-ħlasijiet parzjali li jridu jitħallsu. Mandat ta’ arrest huwa disponibbli biss kontra persuni fiżiċi u mhux kontra persuni ġuridiċi, jiġifieri kumpaniji. Nuqqas ta’ pagament wara ordni ta’ ħlas parzjali jista’ jwassal għal rikors għal mandat ta’ arrest. Dan effettivament ifisser li tista’ tispiċċa l-ħabs jekk taffordja tħallas imma tirrifjuta li tagħmel dan.
Sekwestru fuq id-Dħul
Kreditur ta’ sentenza jista’ jingħata l-ordni li jsir tnaqqis direttament mill-pagi / salarju tad-debitur. L-effett ta’ dan huwa li l-pagament isir direttament mingħand l-impjegatur tad-debitur għand il-kreditur.
Ordni ta’ Sekwestru
Meta kreditur ta’ sentenza jkun konxju ta’ dejn dovut mingħand parti terza għad-debitur ta’ sentenza, jista’ jsir rikors quddiem il-qorti biex tingħata ordni biex il-parti terza tħallas ċertu ammont direttament lill-kreditur. Dan huwa fuq diskrezzjoni tal-Qorti jekk tingħatax din l-ordni jew le.
Ħatra ta' amministratur mill-qorti
Din il-miżura tinvolvi l-ħatra ta’ amministratur mill-qorti, pereżempju, għal rikavati mill-bejgħ ta’ ass mid-debitur bil-ħsieb li jiġi ssodisfat id-dejn. Id-deċiżjoni li jinħatar amministratur hija fuq diskrezzjoni tal-Qorti.
Importanti li wieħed jinnota li huwa f’idejn kreditur ta’ sentenza u l-konsulenti legali biex jeżegwixxu sentenza. Is-Servizz tal-Qrati ma jissuġġerixxix x’tip ta’ azzjoni għandha tittieħed. Il-lista mhijiex maħsuba biex tkun eżawrjenti iżda sempliċiment tenfasizza l-proċeduri komuni użati.
2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?
Għal sentenza domestika, jista’ jkun meħtieġ li tinkiseb l-awtorizzazzjoni tal-qorti li tkun qatgħet is-sentenza sabiex tiġi eżegwita s-sentenza (ara hawn fuq). F’ċerti każijiet, bħal eżekuzzjoni u reġistrazzjoni ta’ sentenza, mhuwiex meħtieġ rikors quddiem il-qorti u jista’ jsir rikors għal eżekuzzjoni fl-uffiċċju tal-qorti kkonċernat.
Fil-każ ta’ sentenzi minn ġuriżdizzjonijiet oħra tal-UE, il-qorti kompetenti hija l-Qorti Superjuri. Madankollu, fil-każ ta’ pagamenti ta’ manteniment perjodiċi ċċertifikati bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar f’ġuriżdizzjonijiet oħra tal-UE, il-qorti kompetenti hija l-Qorti Distrettwali.
3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?
3.1 Il-proċedura
Id-deċiżjonijiet ġudizzjarji u ċerti deċiżjonijiet mhux ġudizzjarji huma eżegwibbli. Flimkien ma’ ordnijiet tal-qorti, dawn jinkludu sentenzi fi proċeduri mħaffa mdaħħla minn Reġistratur fil-Qorti Superjuri jew ir-Reġistratur fis-Circuit Court.
Ta’ spiss jeħtieġ li tinkiseb l-awtorizzazzjoni tal-qorti li tkun qatgħet is-sentenza sabiex tiġi eżegwita s-sentenza. Madankollu, f’ċerti każijiet, bħal eżekuzzjoni u reġistrazzjoni ta’ sentenza, mhuwiex meħtieġ rikors quddiem il-qorti. Tista’ tingħata l-awtorizzazzjoni mill-uffiċċju tal-qorti kkonċernata.
Fil-każ ta’ sentenzi minn ġuriżdizzjonijiet oħra li għandhom jiġu eżegwiti skont ir-Regolamenti tal-UE, il-qorti kompetenti tkun il-Qorti Superjuri. (jew fil-każ ta’ pagamenti ta’ manteniment perjodiċi ċċertifikati bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar, il-Qorti Distrettwali). Il-funzjonijiet fir-rigward tar-Regolament (KE) 44/2001 (sostitwit bir-Regolament (UE) Nu 1215/2012 li japplika għal tranżazzjonijiet ġudizzjarji approvati jew konklużi fl-10 ta’ Jannar 2015 jew aktar tard) ġew delegati lill-Master of the High Court u jista’ jsir rikors f’seduta pubblika għal dikjarazzjoni li sentenza hija eżegwita fl-Irlanda u tingħata Ordni sussegwenti għall-eżekuzzjoni tagħha.
Sentenza ċċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar maħruġa skont ir-Regolament (KE) 805/2004 hija rikonoxxuta u għandha l-istess effett bħal sentenza tal-Qorti Superjuri u hija eżegwibbli kif xieraq. Il-qorti kompetenti għall-eżekuzzjoni ta’ pagament ta’ manteniment perjodiku ċċertifikat bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar hija l-Qorti Distrettwali. Ir-regolamenti domestiċi li jirregolaw dan il-proċess jinsabu f’S.I. 274 tal-2011.
Fil-każ ta’ sentenza li tinqata’ fuq pretensjoni mhux kontestata biex tiġi eżegwita f’ġuriżdizzjoni oħra tal-UE, il-qorti li tkun qatgħet is-sentenza għandha ġuriżdizzjoni għar-rikorsi fir-rigward tal-eżekuzzjoni tagħha skont ir-Regolament 805/2004 rigward Ordnijiet Ewropej ta’ Infurzar.
Ir-rikors għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza normalment isir quddiem il-qorti (jew l-uffiċċju tal-qorti) permezz ta’ prattikant fil-qasam tal-ġustizzja għalkemm mhuwiex meħtieġ li kreditur ikun rappreżentat ġuridikament. Ir-rikorsi kollha quddiem il-qorti jridu jsiru minn prattikant lokali u ma jistgħux isiru bil-posta. Ċerti rikorsi quddiem l-uffiċċju tal-qorti, bħal rikorsi għal eżekuzzjoni, reġistrazzjoni u ċertifikazzjoni ta’ sentenza għall-finijiet ta’ affidavit ta’ ipoteka ġudizzjarja, jistgħu jsiru bil-posta. Wieħed jista’ jikseb konsulenza dwar il-prattika u l-proċedura involuta billi jikkuntattja t-Taqsima dwar is-Sentenzi fil-Qorti Superjuri fuq dan l-indirizz: HighCourtCentralOffice@Courts.ie.
L-ispejjeż (il-miżati) imposti mis-Servizz tal-Qorti u l-miżati attwali jinsabu fl-Ordnijiet tal-Miżatifuq is-sit web tas-Servizzi tal-Qrati. L-ispejjeż imġarrba b’riżultat ta’ qbid ta’ avukati u konsulenti legali huma kwistjoni ta’ bejn il-kredituri u r-rappreżentanti legali tagħhom. L-ispejjeż kollha, jew parti minnhom, involuti fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni jistgħu jingħataw mill-Qorti.
3.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin
It-Taqsima 15 tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni tal-Ordnijiet tal-Qorti tal-1926 (kif sostitwita bit-Taqsima 1 tal-Att2 (Nru 2) dwar il-Qrati tal-1986) tipprevedi li meta dejn ikun dovut minħabba ordni ta’ sentenza jew digriet, il-kreditur jista’ jirrikorri quddiem il-Qorti Distrettwali għal ċitazzjoni li titlob li d-debitur jattendi għal eżaminazzjoni tal-mezzi tiegħu minn Imħallef tal-Qorti Distrettwali. Rikors għal Ordni ta’ Eżekuzzjoni irid isir fi żmien sitt snin mid-data tal-ordni tas-sentenza jew digriet. Il-kreditur irid jipprovdi evidenza tad-dejn oriġinali u d-debitur irid jimla dikjarazzjoni dwar il-mezzi. It-Taqsima 16 tal-Att tal-1926 kif emendata bit-Taqsima 9 tal-Att tal-1986 tippermetti li tiġi ppreżentata evidenza u ssir kontroeżami tad-debitur jew kreditur. Ordni ta’ eżekuzzjoni tista’ tibqa’ fis-seħħ għal perjodu ta’ tnax-il sena mid-data tal-ordni tas-sentenza jew digriet rilevanti.
4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi
4.1 Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għall-eżekuzzjoni?
It-tipi kollha ta’ assi, bl-eċċezzjoni ta’ oġġetti li jitħassru jew oġġetti miżmuma mid-debitur fuq bażi ta’ bejgħ jew ritorn, jistgħu jkunu soġġetti għal eżekuzzjoni.
4.2 X’inhuma l-effetti tal-miżuri eżekuttivi?
Nuqqas ta’ konformità ma’ Ordni tal-Qorti tista’ twassal biex il-kontumaċi jirċievi sanzjonijiet għal disprezz. Il-pieni li jistgħu jiġu imposti minn Qorti jinkludu multi jew priġunerija sakemm jitneħħa d-disprezz. Għaldaqstant, ma hemm l-ebda limitu fuq it-tul ta’ żmien li persuna tista’ tinżamm il-ħabs. Dan japplika wkoll għal kull parti terza li tikser it-termini ta’ Ordni tal-Qorti.
Huwa importanti li wieħed jinnota li, skont it-Taqsima 20 tal-Att dwar l-eżekuzzjoni tal-Ordnijiet tal-Qorti tal-1926, il-kundanna għal ħabs ta’ debitur minħabba nuqqas ta’ konformità ma ordni ta’ ħlasijiet parzjali ma taħdimx bħala soddisfazzjon jew riżoluzzjoni tad-dejn jew xi parti minnu u ma ċċaħħadx lill-kreditur minn rimedji oħra biex jirkupra d-djun tiegħu.
Il-banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra għandhom l-istess obbligi bħal partijiet oħra fir-rigward tal-konformità mal-Ordnijiet tal-Qorti. F’ċirkustanzi mhux speċifikament koperti minn Ordni tal-Qorti, wieħed għandu jqis il-leġiżlazzjoni u r-regolamenti dwar l-informazzjoni personali miżmuma minn din l-istituzzjoni (pereżempju l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Dejta tal-1988)).
4.3 X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn?
Ċerti ordnijiet dejjem jiddikjaraw it-tul ta’ żmien li fih il-parti kkonċernata jkollha biex tikkonforma mat-termini tal-ordni għalkemm dan mhux dejjem jista’ jkun il-każ. Sentenza hija valida għal perjodu ta’ tnax-il sena għalkemm uħud mill-miżuri ta’ eżekuzzjoni li jistgħu jingħataw għandhom termini preskrittivi stabbiliti fir-Regoli tal-Qorti jew fil-leġiżlazzjoni. Eżempju ta’ dan huwa Ordni ta’ Eżekuzzjoni tal-Qorti Superjuri li hija valida għal sena mill-ħruġ tagħha. Wara dan il-perjodu tenħtieġ ordni ta’ eżekuzzjoni ġdida.
5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?
Normalment appell ma jmurx kontra l-miżura ta’ eżekuzzjoni nnifisha kif awtorizzat mill-uffiċċju tal-qorti iżda kontra s-sentenza sostantiva jew l-ordni li fuqha tkun ibbażata. Parti affettwata tista’ tirrikori quddiem il-qorti tal-appell biex tiġi rilaxxata mis-sentenza jew mill-ordni. Id-dati preskrittivi sa meta jista’ jsir rikors ivarjaw u huma kif ġej
- Qorti Distrettwali għal Circuit Court: 14-il jum mis-sentenza jew l-ordni
- Circuit Court għal Qorti Superjuri: 10 ijiem mid-data tal-ordni
- Master’s Court għal Qorti Superjuri: sitt ijiem mid-data ta’ perfezzjoni tal-ordni jew jekk l-ordni tkun saret ex parte, min-notifika tal-imsemmija ordni jew jekk irrifjutata, mid-data ta’ dan ir-rifjut (xahar mis-servizz tal-ordni fil-każ ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza barranija skont ir-Regolament 44/2001)
- Qorti Superjuri għal Qorti tal-Appell: 10 ijiem jew 28 jum mid-data tal-perfezzjoni tal-ordni, skont in-natura tal-kawża
- Qorti Superjuri jew Qort tal-Appell għal Qorti Suprema: 28 jum mid-data ta’ perfezzjoni tal-ordni
6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?
Sentenza hija valida għal perjodu ta’ tnax-il sena u ma tista' tittieħed l-ebda azzjoni rigward is-sentenza wara l-iskadenza ta’ 12-il sena mid-data li fiha tkun ġiet eżegwita. Barra minn hekk, uħud mill-miżuri ta’ eżekuzzjoni li jistgħu jingħataw għandhom termini preskrittivi stabbiliti fir-Regoli tal-Qorti jew fil-leġiżlazzjoni. Eżempju ta’ dan huwa Ordni ta’ Eżekuzzjoni tal-Qorti Superjeuri li hija valida għal sena mill-ħruġ tagħha. Wara dan il-perjodu tenħtieġ ordni ta’ eżekuzzjoni ġdida. Eżempju ieħor huwa li jenħtieġ permess tal-qorti biex tinħareġ ordni ta’ eżekuzzjoni tal-Qorti Superjuri meta jkunu għaddew aktar minn sitt snin mill-ordni ta’ eżekuzzjoni tal-qorti.
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.