Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna it-Taljan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Kif tinforza deċiżjoni ta’ qorti

Italja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?

L-infurzar huwa l-fażi tal-implimentazzjoni furzata tas-sentenzi tal-qorti u titoli eżegwibbli oħra (strumenti ta’ dejn, atti pubbliċi u atti privati awtentikati għal servizzi speċifiċi). F’dan l-istadju, li għadu suġġett għal proċedimenti ġudizzjarji, jistgħu jintervjenu l-forzi tal-ordni jekk id-debitur jonqos milli jikkonforma b’mod spontanju mal-obbligu tiegħu.

2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?

Il-qrati ordinarji huma kompetenti għall-infurzar. Huwa wkoll quddiem il-qrati ordinarji li għandu jiġi ppreżentat ir-rikors għal rifjut ta’ infurzar imsemmija fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 1215/2012 (ir-Regolament Brussell I - riformulat).

3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?

Il-pussess ta’ titolu eżegwibbli huwa kundizzjoni neċessarja u suffiċjenti biex tinbeda azzjoni ta’ infurzar. It-titoli eżegwibbli huma normalment previsti mil-liġi mill-Artikolu 474 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u jinqasmu f’żewġ tipi: titoli ġudizzjarji u titoli extra-ġudizzjarji. Tal-ewwel jinkludu s-sentenza u l-atti u l-ordnijiet maħruġa minn qorti matul proċedimenti tal-qorti jew fi tmiemhom. Tat-tieni jinkludu strumenti ta’ dejn, atti pubbliċi u atti privati awtentikati li l-partijiet jistgħu jagħmlu indipendentement.

3.1 Il-proċedura

L-infurzar jibda meta jiġu nnotifikati lid-debitur it-titolu eżegwibbli, li jrid ikun il-kopja eżegwibbli skont l-Artikolu 476 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, u l-ordni ta’ infurzar (precetto), li hija ordni lid-debitur biex jikkonforma fi skadenza ta’ mhux anqas minn għaxart ijiem u twissija li jekk dan ma jseħħx, ikun hemm eżekuzzjoni sfurzata skont l-Artikolu 480 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. It-tielet paragrafu tal-istess Artikolu jistipula li fl-ordni ta’ infurzar il-kreditur għandu jagħżel id-domiċilju fil-muniċipalità li fiha tkun tinsab il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq l-infurzar. Fin-nuqqas ta’ għażla ta’ domiċilju, l-oġġezzjonijiet kontra l-ordni tal-infurzar jridu jsiru quddiem l-imħallef tal-post fejn tkun ġiet innotifikat l-ordni, u n-notifiki lill-kreditur isiru fir-reġistru tal-iskrivan tal-istess qorti. Wara dawn il-formalitajiet, jistgħu jibdew il-proċedimenti ta’ infurzar bis-sekwestru mill-uffiċjal ġudizzjarju, li l-ewwel irid jippreżenta d-dokumenti meħtieġa msemmija aktar ‘il fuq. Is-sekwestru jrid isir fi żmien l-iskadenza ta’ 90 jum mid-data tan-notifika tal-ordni ta’ eżekuzzjoni u, f’kull każ, mhux qabel l-iskadenza indikata fiha; jekk dan ma jsirx, l-ordni tiskadi (Artikolu 481). F’dan l-istadju hija meħtieġa rappreżentanza legali.

Is-sekwestru isir null jekk wara t-twettiq tiegħu jgħaddu 45 jum mingħajr ma jintalbu l-assenjazzjoni jew il-bejgħ.

L-infurzar għandu l-għan li jiżgura l-eżekuzzjoni sfurzata ta’ obbligi mhux rispettati permezz tal-użu tal-forzi tal-ordni. Dan jista’ jintuża kemm għal djun finanzjarji kif ukoll għall-obbligi ta’ konsenja ta’ proprjetà mobbli, ta’ rilaxx ta’ proprjetà immobbli u għal obbligi pożittivi mhux funġibbli.

3.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Kundizzjoni neċessarja u suffiċjenti biex tinbeda proċedura ta’ rkupru hija l-pussess ta’ titolu eżegwibbli li jinkorpora dritt “ċert, ta’ ammont fiss u dovut” (certo, liquido ed esigibile (l-Artikolu 474). Il-livell ta’ “ċertezza” jvarja skont it-titolu: naturalment hemm grad akbar ta’ ċertezza b’sentenza fl-ewwel istanza (eżegwibbli provviżorjament) milli bi strument tad-dejn jew tranżazzjonijiet irreġistrati f’atti pubbliċi jew atti privati awtentikati.

4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi

Hemm diversi miżuri, normalment ordnijiet (ordinanze), li l-imħallef tal-eżekuzzjoni joħroġ matul il-proċedura. Dawn ivarjaw minn miżuri meħtieġa biex jiġu stabbiliti r-regoli għat-twettiq kif suppost tal-proċedimenti sa miżuri li jassenjaw l-utilità, jiġifieri d-digriet (decreto) li jassenja l-proprjetà kkonfiskata lill-persuna li xtrata fis-subbasta jew li tefgħet l-ogħla offerta.

4.1 Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għall-eżekuzzjoni?

Dawn li ġejjin jistgħu jkunu soġġetti għall-esproprjazzjoni: (a) proprjetà mobbli (b) proprjetà immobbli (c) il-pretensjonijiet tad-debitur u proprjetà mobbli li dan ikun qed iżomm għand terzi u (d) ishma f’kumpaniji.

Minbarra dan, jistgħu jiġu wkoll infurzati obbligi ta’ kunsinna ta’ proprjetà mobbli, ir-rilaxx ta’ proprjetà immobbli u obbligi funġibbli pożittivi u negattivi.

4.2 X’inhuma l-effetti tal-miżuri eżekuttivi?

L-infurzar fil-każ ta’ somom ta’ flus, li jibda bis-sekwestru, ifisser li l-flus sekwestrati ma jkunux disponibbli għad-debitur li fuqu tkun ġiet eżegwita l-ordni ta’ infurzar. Għalhekk, l-atti kollha ta’ aljenazzjoni ta’ dawk il-flus ikunu bla effett u ma jistgħux jintużaw biex iwaqqfu l-infurzar.

4.3 X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn?

Il-miżuri huma miżuri ta’ infurzar għall-finijiet tal-issodisfar ta’ pretensjonijiet; għalhekk, ma jistgħux jintużaw bħala evidenza f’investigazzjonijiet.

5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?

Is-sistema ġuridika tippermetti appelli mid-debitur (u/jew partijiet terzi suġġetti għall-infurzar) kontra l-atti u s-sentenzi relatati mal-proċeduri tal-infurzar. L-appelli jistgħu jagħtu lok għal żewġ tipi differenti ta’ sentenza:

- appell kontra l-infurzar (opposizione all’esecuzione) skont l-Artikoli 615 u 616 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili; fejn huwa kkontestat id-dritt ta’ infurzar (jew l-eżistenza tad-dritt tal-kreditur biex iwettaq l-infurzar);

- appell kontra atti eżegwibbli (opposizione agli atti esecutivi) (l-Artikoli 617 u 618 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) fejn jiġu kkontestati żbalji proċedurali (jiġifieri l-legalità tad-dokumenti involuti fil-proċedura tal-infurzar).

Appelli kontra l-infurzar jew atti eżegwibbli, ippreżentati qabel ma’ tibda l-eżekuzzjoni sfurzata, huma ddefiniti bħala appelli kontra l-ordni tal-infurzar (precetto) għaliex jiddependu fuq li d-dokument jagħti notifikaminn qabel tal-infurzar: l-appell jinġieb kontra l-ordni tal-infurzar billi jsir rikors quddiem il-qorti b’ġuriżdizzjoni fil-kwistjoni jew fuq l-ammont jew iż-żona, skont id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Kodiċi.

Jekk l-infurzar diġà jkun beda jew l-ordni ta’ sekwestru diġà tkun ġiet notifikata, l-appell kontra l-infurzar jew kontra l-istrumenti eżegwibbli jsir billi jiġi ppreżentat appell speċifiku mal-qorti tal-infurzar.

Partijiet terzi li jkollhom pretensjoni ta’ drittijiet in rem fuq il-proprjetà kkonfiskata jistgħu jappellaw lill-qorti tal-infurzar sakemm il-proprjetà tinbiegħ jew tiġi assenjata.

Id-dispożizzjonijiet ġuridiċi li jirregolaw il-kwistjoni huma l-Artikoli 615, 616, 617, 618 u 619 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?

Minbarra l-oġġetti ddikjarati li ma jistgħux jiġu ssekwestrati b’dispożizzjonijiet ġuridiċi speċjali, dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu ssekwestrati:

1) oġġetti sagri u oġġetti użati fil-prattika ta’ reliġjon;

2) ċrieket tat-tieġ, ħwejjeġ, lożor tad-dar, sodod, imwejjed tal-pranzu u siġġijiet, gwardarobbi, gradenzi, friġis, kuċinieri u fran, kemm tal-gass kif ukoll tal-elettriku, magni tal-ħasil, attrezzaturi tad-dar u tal-kċina u biċċa għamara biex jinżammu fiha, biżżejjed biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tad-debitur u tal-unità domestika tiegħu; madankollu, dan ma jinkludix għamara ta’ valur sinifikanti (minbarra sodod), inklużi antikitajiet prezzjużi u elementi ta’ valur artistiku kkonfermat;

3) l-ikel u l-karburant neċessarji biex isostnu lid-debitur u lill-persuni l-oħra msemmija il-paragrafu preċedenti għal xahar;

L-għamara (minbarra sodod) ta’ valur finanzjarju sinifikanti (inklużi antikitajiet prezzjużi u oġġetti ta’ valur artistiku kkonfermat) huma wkoll esklużi.

Armi u oġġetti oħra li d-debitur irid iżomm sabiex iwettaq servizz pubbliku, dekorazzjonijiet, ittri, rekords u dokumenti tal-familja b’mod ġenerali, kif ukoll manuskritti, għajr fejn jiffurmaw parti minn kollezzjoni, ma jistgħux jiġu ssekwestrati.

Il-liġi tiddikjara wkoll bħala mhux konfiskabbli, fost l-oħrajn dawn li ġejjin: proprjetà li hi sjieda tal-Istat, assi mhux disponibbli li huma proprjetà tal-Istat jew ta’ korp pubbliku ieħor, proprjetà koperta mir-reġimi tal-proprjetà matrimonjali, il-proprjetà ta’ istituzzjonijiet ekkleżjastiċi u binjiet reliġjużi.

L-azzjoni tal-infurzar ma tistax tirnexxi jekk il-perjodu ta’ preskrizzjoni tal-pretensjoni jkun skada għal kollox. Il-perjodi ta’ preskrizzjoni ivarjaw skont id-dritt ikkonċernat. Madankollu, huwa importanti li wieħed jinnota li xi kultant il-liġi tistabbilixxi perjodu ta’ preskrizzjoni differenti skont it-tip ta’ strument li jipprova l-pretensjoni li fuqha l-infurzar ikun bbażat. Pereżempju, il-perjodu ta’ preskrizzjoni għal pretensjoni stabbilita f’sentenza tal-qorti huwa ta’ 10 snin, minkejja li għal dan it-tip ta’ pretensjoni, il-liġi normalment tagħti perjodu ta’ preskrizzjoni aqsar.

Il-liġi reċentement inbidlet sabiex il-qorti tal-post ta’ residenza permanenti jew temporanja, id-domiċilju jew l-uffiċċju ewlieni tad-debitur tkun tista’, fuq talba tal-kreditur, tawtorizza l-proprjetà għall-konfiska biex tiġi segwita b’metodi elettroniċi (l-Artikolu 492-bis tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, kif emendata minn dawn li ġejjin: id-Digriet-Liġi Nru 83 tas-27 Ġunju 2015 (ikkonvertit, b’emendi, mil-Liġi Nru 132 tas-6 ta’ Awissu 2015)); forom ta’ ħlasijiet bin-nifs ukoll ġew introdotti fil-każ ta’ infurzar ta’ oġġetti mobbli, bħala parti mill-miżuri ta’ proprjetà ssekwestrata (conversione del pignoramento).

Annessi relatati

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (474 - 482) PDF (64 Kb) it

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 22/12/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.