Kif tinforza deċiżjoni ta’ qorti

Litwanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?

L-eżekuzzjoni ta’ sentenza hija mifhuma li tfisser it-twettiq tal-obbligi imposti mis-sentenza fuq il-partijiet fil-proċedimenti, jiġifieri l-partijiet iwettqu l-azzjonijiet stabbiliti fis-sentenza biex jeżegwuha. Ċerti sentenzi ma jeħtieġu l-ebda eżekuzzjoni speċjali: sentenzi dwar ir-rikonoxximent u s-sospensjoni, il-modifika jew l-istabbiliment ta’ relazzjoni legali. Is-sentenza tista’ tiġi eżegwita fuq il-bażi tal-bona fide tal-partijiet, jiġifieri mingħajr miżuri ta’ eżekuzzjoni, jew bil-forza. Jekk il-persuna li kontriha tkun inħarġet is-sentenza tonqos milli tikkonforma mas-sentenza in bona fide, il-kreditur li jkun qed jitlob is-sentenza jkun intitolat li jressaq rikors quddiem il-qorti għall-ħruġ ta’ ordni ta’ eżekuzzjoni u li jippreżentaha lil uffiċjal ġudizzjarju.

L-uffiċjali ġudizzjarji huma persuni awtorizzati mill-Istat li, fuq talba tal-kreditur, jistgħu jieħdu azzjonijiet permezz ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni biex jeżegwixxu s-sentenza li ma tkunx qed tiġi eżegwita in bona fide.

L-eżekuzzjoni tas-sentenzi hija rregolata mill-Parti VI (“Proċedura ta’ Eżekuzzjoni”) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja, u mill-Ordni Nru 1R-352 tal-Ministru tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ottubru 2005 li tapprova l-istruzzjoni għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi (“l-Istruzzjoni”). Regoli speċifiċi li jirregolaw l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jistgħu jiġu stabbiliti wkoll minn atti legali oħrajn.

2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?

Is-sentenzi jiġu eżegwiti mill-uffiċjali ġudizzjarji.

3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?

3.1 Il-proċedura

It-titolu eżekuttiv maħruġ abbażi ta’ sentenza jiġi ppreżentat lil uffiċjal ġudizzjarju għall-eżekuzzjoni minn persuna intitolata li tagħmel dan, jiġifieri r-rikorrent jew ir-rappreżentant tiegħu. Jekk it-titolu eżekuttiv jiġi ppreżentat lill-uffiċjal ġudizzjarju mir-rappreżentant tar-rikorrent, il-liġi tirrikjedi li d-drittijiet tar-rappreżentant permezz ta’ assenjazzjoni jiġu stabbiliti fi prokura maħruġa u formalizzata f’konformità mal-liġi, jiġifieri l-prokuri ppreżentati minn persuni fiżiċi jridu jsiru għand nutar, filwaqt li l-prokura ppreżentata mir-rappreżentant ta’ persuna ġuridika tista’ tiġi approvata mill-korp rilevanti tal-persuna ġuridika. Jekk avukat jew l-assistent tiegħu jippreżenta t-titolu eżekuttiv lill-uffiċjal ġudizzjarju, l-avukat jew l-assistent tiegħu jrid jagħti wkoll lill-uffiċjal ġudizzjarju kuntratt bil-miktub mal-klijent jew dokument ieħor li jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tiegħu, inkluż il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. It-titoli eżekuttivi għall-irkupru tal-flus jitqassmu lill-uffiċjali ġudizzjarji permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Uffiċjali Ġudizzjarji skont il-proċedura stabbilita fl-Istruzzjoni: pro rata għall-uffiċjali ġudizzjarji kollha li joperaw fit-territorju ta’ attività, filwaqt li jitqiesu l-kategoriji ta’ titoli eżekuttivi u l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati stabbiliti fl-Istruzzjoni, u jiġi żgurat li titolu eżekuttiv ġdid għall-irkupru mingħand l-istess debitur jiġi assenjat lill-uffiċjal ġudizzjarju li diġà jkun qed jeżegwixxi l-irkupru mingħand dak id-debitur, sakemm it-titolu eżekuttiv il-ġdid ma jkunx applikabbli fit-territorju tal-attività ta’ dak l-uffiċjal ġudizzjarju partikolari. Fi żmien tlett ijiem tax-xogħol minn meta jirċievi t-titolu eżekuttiv jew immedjatament f’każijiet ta’ eżekuzzjoni urġenti, l-uffiċjal ġudizzjarju jrid jivverifika jekk ma jkunx hemm raġunijiet ovvji biex ma jaċċettax it-titolu eżekuttiv u biex ma jinbdewx il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni.

3.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

It-titolu eżekuttiv jista’ jiġi ppreżentat lill-uffiċjal ġudizzjarju għall-eżekuzzjoni mir-rikorrent jew mir-rappreżentant tiegħu, jew mill-awtorità jew mill-uffiċjal li jkun ħareġ it-titolu eżekuttiv. Jekk id-debitur ikun persuna fiżika, l-uffiċjal ġudizzjarju jeżegwixxi t-titolu eżekuttiv skont ir-residenza, il-post tax-xogħol ta’ dik il-persuna jew fejn jinsabu l-assi tagħha. Jekk id-debitur ikun persuna ġuridika, l-uffiċjal ġudizzjarju jeżegwixxi t-titolu eżekuttiv fl-uffiċċju rreġistrat tad-debitur jew fejn jinsabu l-assi tiegħu.

It-titolu eżekuttiv irid jiġi ppreżentat fil-perjodu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-preżentazzjonijiet ta’ talbiet għall-eżekuzzjoni. Titoli eżekuttivi skont is-sentenzi jistgħu jiġu ppreżentati għall-eżekuzzjoni fi żmien ħames snin minn meta s-sentenza ssir effettiva. It-terminu għall-preżentazzjoni ta’ titoli eżekuttivi skont sentenzi li huma eżegwibbli immedjatament jibda mill-ewwel jum wara li tkun ġiet adottata s-sentenza.

It-titolu eżekuttiv jiġi aċċettat għall-eżekuzzjoni meta r-rikorrent iħallas lill-uffiċjal ġudizzjarju l-ispejjeż amministrattivi tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni. Skont is-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrent persuna fiżika, l-uffiċjal ġudizzjarju jista’ jirrinunzja għall-ħlas tal-ispejjeż kollha tal-eżekuzzjoni jew ta’ parti minnhom, jew jipposponi l-ħlas sakemm jitlestew il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni.

4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi

Il-miżuri ta’ eżekuzzjoni jinkludu:

  1. L-irkupru mill-fondi u l-assi jew mid-drittijiet tal-proprjetà tad-debitur;
  2. L-irkupru mill-assi u l-flus tad-debitur miżmuma minn persuni oħra;
  3. Il-projbizzjoni ta’ persuni oħra milli jittrasferixxu flus jew proprjetà lid-debitur, jew li jeżegwixxu obbligi oħra għalih;
  4. Il-konfiska ta’ dokumenti li jattestaw id-drittijiet tad-debitur;
  5. L-irkupru mis-salarju, mill-pensjoni, mill-għotjiet jew minn introjtu ieħor tad-debitur;
  6. Il-konfiska mid-debitur ta’ ċerti oġġetti msemmija fis-sentenza u t-trasferiment tagħhom lir-rikorrent;
  7. L-amministrazzjoni tal-assi tad-debitur u l-użu tar-rikavat għall-finijiet ta’ rkupru;
  8. L-obbligu fuq id-debitur li jwettaq jew joqgħod lura minn ċerti azzjonijiet;
  9. It-tpaċija tal-kontrotalbiet;
  10. Miżuri oħra stabbiliti bil-liġi.

Jistgħu jiġu applikati aktar minn miżura ta’ eżekuzzjoni waħda fl-istess ħin.

4.1 Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għall-eżekuzzjoni?

Jekk id-debitur ikun persuna fiżika, l-assi li ġejjin ikunu suġġetti għall-irkupru:

Ipoteki u kollateral, jekk l-irkupru jkun għall-benefiċċju tal-kreditur ipotekarju jew tad-detentur tal-kollateral;

Flus, drittijiet ta’ proprjetà, titoli, pagi, salarju, għotjiet jew introjtu ieħor jew proprjetà mobbli li jappartjenu għad-debitur;

Proprjetà immobbli li tappartjeni għad-debitur;

Art agrikola tad-debitur, jekk in-negozju ewlieni tad-debitur ikun l-agrikoltura;

Il-post ta’ residenza fejn jgħix id-debitur.

Jekk id-debitur ikun persuna ġuridika, l-assi li ġejjin ikunu suġġetti għall-irkupru:

Ipoteki u kollateral, jekk l-irkupru jkun għall-benefiċċju tal-kreditur ipotekarju jew tad-detentur tal-kollateral;

Flus, drittijiet ta’ proprjetà, titoli, oġġetti manifatturati, u proprjetà mobbli u immobbli oħra mhux użata direttament jew adattata għall-użu dirett fil-proċess tal-produzzjoni, ħlief għal binjiet amministrattivi;

Assi oħrajn;

Proprjetà immobbli meħtieġa għall-produzzjoni, kif ukoll materja prima u provvisti, makkinarju, tagħmir, u oġġetti kapitali oħrajn użati direttament fil-produzzjoni.

4.2 X’inhuma l-effetti tal-miżuri eżekuttivi?

Il-miżuri u l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni ivarjaw skont jekk ikunx qed jiġi eżegwit obbligu monetarju jew mhux monetarju, u skont jekk il-fondi, l-introjtu jew assi oħra tad-debitur ikunux suġġetti għal irkupru.

Jekk ikun qed jiġi eżegwit obbligu monetarju u l-irkupru jkun dirett lejn il-fondi tad-debitur miżmuma minn istituzzjonijiet ta’ kreditu, ta’ ħlas jew ta’ flus elettroniċi, l-uffiċjal ġudizzjarju jibgħat ordni lil dawk l-istituzzjonijiet, permezz tas-sistema ta’ informazzjoni dwar ir-restrizzjonijiet tal-flus, biex jirrestrinġu l-użu tal-fondi tad-debitur jew biex jaddebitaw b’mod obbligatorju l-fondi tad-debitur biex ikopru d-dejn u l-ispejjeż ta’ eżekuzzjoni.

Jekk l-uffiċjal ġudizzjarju jsib li l-fondi tad-debitur jew assi oħra jkunu miżmuma minn partijiet terzi (l-uffiċjal ġudizzjarju jkollu d-dritt jikseb din l-informazzjoni, kif ukoll informazzjoni dwar jekk it-terzi humiex meħtieġa jħallsu l-fondi lid-debitur jew jittrasferixxu assi oħra lid-debitur), dawn il-fondi jiġu maqbuda.

Jekk ikun qed jiġi eżegwit obbligu monetarju u l-irkupru jkun dirett lejn l-introjtu tad-debitur, l-uffiċjal ġudizzjarju jippreżenta t-titolu eżekuttiv lill-impjegatur tad-debitur jew lil persuna oħra li tħallas lid-debitur. Proporzjon fiss tal-introjtu tad-debitur jitnaqqas mis-salarju u mill-benefiċċji ekwivalenti tiegħu sakemm l-ammonti pendenti jiġu rkuprati kollha.

Jekk ikun qed jiġi eżegwit obbligu monetarju u l-irkupru jkun dirett lejn l-assi tad-debitur, l-assi jiġu maqbuda u mibjugħa. L-irkupru ma jistax jiġi dirett lejn l-assi tad-debitur jekk id-debitur jipprovdi evidenza lill-uffiċjal ġudizzjarju li l-flus jistgħu jiġu rkuprati fi żmien sitt xhur jew, fil-każ ta’ rkupru mill-aħħar post ta’ residenza fejn jgħix id-debitur, fi żmien 18-il xahar, billi jsir tnaqqis tal-ammont statutorju mill-introjtu tad-debitur. L-irkupru jista’ jiġi dirett lejn il-post ta’ residenza fejn jgħix id-debitur biss jekk l-ammont li għandu jiġi rkuprat ikun ta’ aktar minn EUR 4 000. Fuq talba tad-debitur jew tal-membri tal-familja tiegħu, wara li appartament jew dar ikunu ġew suġġetti għal ordni ta’ qbid biex jiġu rkuprati l-ammonti mhux imħallsa għall-kontijiet tad-dawl u tal-utilitajiet u għal servizzi oħra, il-qorti tista’ tiddeċiedi li ma jista’ jsir l-ebda rkupru mill-aħħar appartament, dar jew parti minnha li l-persuni inkwistjoni jridu jgħixu fih(a).. Meta tagħmel dan, il-qorti tista’ tqis is-sitwazzjoni finanzjarja u l-interessi ta’ tfal, persuni b’diżabilità u gruppi żvantaġġati.

Il-qbid tal-assi ta’ debitur huwa projbizzjoni temporanja jew restrizzjoni tas-sjieda jew komponent individwali tas-sjieda (ġestjoni, użu jew disponiment) impost fuq l-assi tad-debitur.

Il-qbid jista’ jsir minn qorti jew minn uffiċjal ġudizzjarju.

Qorti twettaq il-qbid ta’ assi permezz ta’ deċiżjoni li tinvolvi l-implimentazzjoni ta’ miżuri kawtelatorji temporanji. Il-fondi maqbuda ma jridux jaqbżu l-ammont tal-pretensjoni. Il-qorti tista’ tirrevoka tali deċiżjoni fuq talba tal-persuni kkonċernati jew, f’ċerti każijiet, fuq inizjattiva tagħha stess. Meta l-qorti tkun eżaminat każ u ċaħdet il-pretensjoni, il-miżuri kawtelatorji temporanji jibqgħu fis-seħħ sakemm id-deċiżjoni tagħha ssir effettiva, u jekk, wara li l-qorti tkun applikat miżuri kawtelatorji temporanji, il-pretensjoni tiġi ssodisfata, il-miżuri kawtelatorji temporanji japplikaw sakemm tiġi implimentata d-deċiżjoni tagħha.

Uffiċjal ġudizzjarju li jkun qed jimplimenta deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni jeħtieġlu jiffirma l-ordni ta’ qbid meta jwettaq il-qbid tal-assi tad-debitur. Uffiċjal ġudizzjarju jista’ jirrevoka ordni ta’ qbid biss jekk ikun wettaq il-qbid. Il-valur tal-proprjetà tad-debitur maqbuda mill-uffiċjal ġudizzjarju ma jistax jaqbeż l-ammont meħtieġ biex ikopri l-ammont li għandu jiġi rkuprat u l-kostijiet tal-eżekuzzjoni b’mod sostanzjali.

Il-likwidazzjoni tal-assi tfisser il-bejgħ furzat tal-assi maqbuda li jappartjenu għad-debitur jew għall-fornitur tal-kollateral permezz ta’ subbasta, permezz ta’ kumpaniji involuti fil-kummerċ jew fil-konverżjoni ta’ assi, it-trasferiment tagħhom lir-rikorrent, il-bejgħ tagħhom lil xerrej issuġġerit mid-debitur, jew kwalunkwe proċedura oħra ta’ likwidazzjoni prevista mil-liġi. Skont ir-raġunijiet għall-qbid u t-tip ta’ assi involuti, l-assi maqbuda jiġu likwidati mill-uffiċjal ġudizzjarju, mill-uffiċċji tal-Ispettorat tat-Taxxa tal-Istat jew minn sensara u minn ditti attivi fin-negozjar pubbliku f’titoli, f’konformità mal-proċedura stabbilita mil-liġi.

L-assi immobbli tad-debitur u assi oħra rreġistrati f’konformità mal-liġi b’valur ta’ aktar minn EUR 2 000, kif ukoll assi mobbli oħra b’valur unitarju ta’ aktar minn EUR 30 000, jiġu likwidati permezz ta’ subbasta. Assi oħrajn jistgħu jiġu likwidati b’modi oħra. Is-subbasta ssir b’mod elettroniku.

Id-debitur għandu d-dritt isib xerrej għall-assi li jridu jinbiegħu qabel ma tibda s-subbasta. Jekk id-debitur isib xerrej għall-assi, l-assi jinbiegħu lix-xerrej misjub mid-debitur. L-assi jistgħu jinbiegħu lix-xerrej misjub mid-debitur għal ammont li ma jkunx inqas mill-valur tal-assi indikat fl-ordni ta’ qbid, jew għal ammont aktar baxx li jkun biżżejjed biex ikopri d-djun u l-kostijiet tal-eżekuzzjoni kollha.

Il-likwidazzjoni tal-assi maqbuda tippreskrivi l-qbid kollu ta’ dawk l-assi.

Jekk jinħarġu titoli eżekuttivi fir-rigward tal-kontrotalbiet tad-debitur u tal-kreditur, l-uffiċjal ġudizzjarju jpaċi l-ammonti f’konformità mal-proċedura stabbilita. Jekk ikun possibbli li jiġi rkuprat l-ammont sħiħ permezz ta’ tpaċija f’konformità mal-proċedura stabbilita, ma tittieħed l-ebda miżura oħra ta’ eżekuzzjoni. It-tpaċija ma tistax tintuża fi proċedimenti ta’ manteniment.

Ir-rekwiżiti speċifiċi applikabbli għall-eżekuzzjoni mhux monetarja tal-obbligi huma stabbiliti mil-liġi.

Meta tiġi eżegwita sentenza dwar it-trasferiment tal-kustodja tat-tfal, l-uffiċjal ġudizzjarju jwettaq l-azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni fil-preżenza tal-persuna li lilha jiġi ttrasferit il-wild minuri u rappreżentant tal-korp responsabbli għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal. Il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal trid tiġi żgurata.

Jekk ir-rikorrent jingħata ċerti oġġetti msemmija fis-sentenza, l-uffiċjal ġudizzjarju jikkonfiska dawk l-oġġetti mingħand id-debitur u jittrasferihom lir-rikorrent.

Huma biss dawk il-persuni msemmija fit-titolu eżekuttiv li jistgħu jiġu ttrasferiti fi (jew jiġu żgumbrati minn) bini residenzjali skont is-sentenza. Tista’ tintalab l-assistenza tal-pulizija, jekk ikun meħtieġ.

Jekk sentenza li tirrikjedi lid-debitur iwettaq jew jittermina ċerti azzjonijiet mhux relatati mat-trasferiment ta’ assi jew fondi ma tiġix eżegwita, l-uffiċjal ġudizzjarju ifassal avviż għal dak il-għan. Id-dokument jintbagħat lill-qorti distrettwali tal-post tal-eżekuzzjoni, li min-naħa tagħha tordna l-applikazzjoni tal-konsegwenzi stabbiliti fis-sentenza (jiġifieri jekk l-intimat ma jkunx implimenta s-sentenza fit-terminu stipulat, ir-rikorrent ikun intitolat li jwettaq azzjonijiet jew jieħu miżuri biex jiżgura t-terminazzjoni tal-azzjonijiet bi spejjeż tal-intimat u, fl-istess ħin, jirkupra l-kostijiet meħtieġa mingħand l-intimat); jekk il-konsegwenzi ma jkunux ġew stabbiliti fis-sentenza, il-qorti tindirizza l-kwistjoni li temenda l-arranġamenti għall-eżekuzzjoni tas-sentenza.

Jekk l-intimat biss jista’ jwettaq jew jittermina l-azzjonijiet imsemmija fis-sentenza u jonqos milli jikkonforma mas-sentenza, l-intimat jista’ jiġi mmultat għall-benefiċċju tar-rikorrent, u tista’ tiġi stabbilita skadenza ġdida għall-konformità mas-sentenza. Il-ħlas tal-multa ma jeħlisx lid-debitur mill-obbligu li jwettaq jew jittermina l-azzjonijiet imsemmija fis-sentenza.

4.3 X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn?

Titoli eżekuttivi skont is-sentenzi jistgħu jiġu ppreżentati għall-eżekuzzjoni fi żmien ħames snin minn meta s-sentenza ssir effettiva. It-terminu għall-preżentazzjoni ta’ titoli eżekuttivi skont sentenzi li huma eżegwibbli immedjatament jibda mill-ewwel jum wara li tkun ġiet adottata s-sentenza. Titoli eżekuttivi li jirrigwardaw ir-riintegrazzjoni fl-impjieg jistgħu jiġu ppreżentati għall-eżekuzzjoni fi żmien xahar mill-ewwel jum wara li tkun ġiet adottata s-sentenza.

Skont id-deċiżjoni inkwistjoni, jekk ikunu qed jintalbu pagamenti perjodiċi, id-dokumenti ta’ eżekuzzjoni jkunu validi għall-perjodu kollu li għalih jingħataw il-pagamenti, u t-terminu biex dawn jiġu ppreżentati għall-eżekuzzjoni jibda fi kwalunkwe data li fiha tiskadi skadenza għall-pagament.

Jistgħu jiġu stabbiliti termini speċifiċi għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ uffiċjali jew awtoritajiet li jistgħu jiġu eżegwiti skont il-proċedura obbligatorja.

Jekk it-terminu għall-preżentazzjoni ta’ titolu eżekuttiv jiġi estiż għal raġunijiet meqjusa mill-qorti bħala importanti, il-qorti tista’ ġġedded l-estensjoni, ħlief fil-każ ta’ eċċezzjonijiet previsti mil-liġi, fejn l-iskadenza ma tkunx tista’ tiġi estiża.

Il-miżuri ta’ eżekuzzjoni meħuda mill-uffiċjal ġudizzjarju jibqgħu fis-seħħ sakemm jitneħħew mill-uffiċjal ġudizzjarju. Jekk il-legalità tal-azzjonijiet tal-uffiċjal ġudizzjarju tiġi kkontestata, u l-qorti ssib li l-appell ikun fondat jew parzjalment fondat, il-miżuri meħuda, jew parti minnhom, jistgħu jiġu annullati mill-qorti li tkun qed tisma’ l-appell.

Il-qbid ta’ assi jew miżuri kawtelatorji temporanji oħra imposti mill-qorti jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġu rrevokati (sostitwiti b’miżura oħra) mill-qorti li tkun imponiethom, jew, fil-każ ta’ appell, sakemm jiġu annullati minn qorti ogħla.

Il-likwidazzjoni tal-assi maqbuda tippreskrivi l-qbid kollu ta’ dawk l-assi.

Ara wkoll it-tweġiba għal 3.2.

5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?

Appell kontra l-azzjonijiet proċedurali meħuda mill-uffiċjali ġudizzjarji jista’ jiġi ppreżentat mhux aktar tard minn 20 jum mid-data li fiha l-persuna li tressaq l-ilment saret jew kellha ssir taf bit-twettiq jew bir-rifjut li titwettaq l-azzjoni inkwistjoni, iżda mhux aktar tard minn 90 jum mid-data li fiha tkun twettqet l-azzjoni inkwistjoni. L-appell jiġi ppreżentat lill-uffiċjal ġudizzjarju. L-uffiċjal ġudizzjarju jrid jeżamina l-appell fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol. Jekk l-uffiċjal ġudizzjarju jirrifjuta li jilqa’ l-appell kollu jew parti minnu, l-appell, akkumpanjat mill-ordni tal-uffiċjal ġudizzjarju, jintbagħat lill-qorti distrettwali fil-ġuriżdizzjoni tal-uffiċċju tal-uffiċjal ġudizzjarju.

Il-miżuri meħuda mill-qorti jistgħu jiġu annullati jew immodifikati mill-istess qorti jew minn qorti ogħla fil-każ ta’ appell.

6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?

Ara wkoll it-tweġiba għal 3.2.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 11/07/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.