- 1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?
- 2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?
- 3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?
- 4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi
- 5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?
- 6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?
Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?
Jekk debitur jonqos milli jikkonforma b’mod volontarju ma’ sentenza, ir-rikorrent jista’ jeżegwixxi l-konformità. Din tissejjaħ eżekuzzjoni obbligatorja.
Sabiex sentenza tkun eżegwibbli, trid tinkludi klawżola ta’ eżekuzzjoni u trid tkun ġiet ikkomunikata jew innotifikata kif xieraq.
L-eżegwibbiltà tas-sentenza tkun sospiża għal ġimgħa mid-data tal-għoti tas-sentenza u/jew bl-eżerċizzju effettiv tad-dritt tal-appell, ħlief jekk id-deċiżjoni tkun proviżorjament eżegwibbli.
L-eżekuzzjoni obbligatorja normalment tintuża sabiex jiġu rkuprati flus, iżda tista’ tiġi applikata sabiex jiġi eżegwit it-twettiq ta’ azzjoni partikolari.
Fil-każ ta’ persuna ordnata tħallas somma flus, il-miżura ta’ eżekuzzjoni tkun immirata lejn l-assi tad-debitur u tissejjaħ mandat ta’ qbid.
Madankollu, hemm miżuri ta’ eżekuzzjoni oħrajn li huma aktar speċifiċi: il-mandat ta’ sekwestru (saisie-arrêt), il-mandat ta’ qbid b’sekwestru tal-għelejjel (saisie-brandon), il-mandat ta’ qbid tad-dħul (saisie des rentes), il-mandat ta’ qbid tal-proprjetà immobbli (saisie immobilière), il-qbid tal-beni mobbli li jinsabu fuq art mikrija (saisie-gagerie), il-mandat ta’ qbid minn barra l-pajjiż (saisie foraine), ir-rivendikazzjoni (saisie-revendication), il-mandat ta’ qbid tal-qligħ (saisie sur salaire), il-mandat ta’ qbid ta’ bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilmijiet interni (saisie des bateaux de navigation intérieure), il-mandat ta’ qbid ta’ inġenji tal-ajru (saisie d'aéronefs) u l-mandat ta’ “qbid-deskrizzjoni” (saisie-description) fil-kuntest tal-protezzjoni tad-drittijiet intellettwali.
L-aktar mandati eżekuttivi użati fil-Lussemburgu huma l-mandat ta’ sekwestru u l-mandat ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza (saisie-exécution).
2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?
L-uffiċjali ġudizzjarji (huissiers de justice) għandhom il-kapaċità esklużiva li jeżegwixxu sentenzi li jkunu ġew iddikjarati eżegwibbli minn qorti tal-Lussemburgu skont il-liġi tal-Lussemburgu jew minn qorti ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea f’materji ċivili jew kummerċjali, ftehimiet li jirriżultaw minn medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali li huma eżegwibbli u strumenti jew drittijiet eżegwibbli oħrajn.
3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?
3.1 Il-proċedura
- Is-sentenzi mogħtija u l-istrumenti mfassla fil-Gran Dukat
Dawn huma eżegwibbli fil-Gran Dukat mingħajr ebda ħtieġa ta’ approvazzjoni uffiċjali jew ta’ ittra ta’ estensjoni (pareatis), anke jekk ikunu qegħdin jiġu eżegwiti barra l-ġuriżdizzjoni tal-qorti li tkun tat is-sentenza jew barra t-territorju fejn tfasslu l-istrumenti.
Il-konsenja tal-istrument jew tas-sentenza lill-uffiċjal ġudizzjarju tikkostitwixxi awtorizzazzjoni għall-eżekuzzjonijiet kollha għajr għall-mandat ta’ qbid ta’ proprjetà immobbli u l-priġunerija, li għalihom tenħtieġ awtorizzazzjoni speċjali.
- Deċiżjonijiet barranin li huma soġġetti għal trattat jew leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea li tirrikjedi proċedura ta’ exequatur.
Is-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali mogħtija fi Stat barrani li huma eżegwibbli f’dak l-Istat u li, skont it-termini ta’
- il-Konvenzjoni ta’ Brussell tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġuriżdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, kif emendata mill-konvenzjonijiet tal-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda għal dik il-konvenzjoni,
- il-Konvenzjoni ta’ Lugano tas-16 ta’ Settembru 1988 dwar il-ġuriżdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali,
- il-Konvenzjoni tad-29 ta’ Lulju 1971 bejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Repubblika tal-Awstrija dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali,
- it-Trattat tal-24 ta’ Novembru 1961 bejn il-Belġju, in-Netherlands u l-Lussemburgu dwar il-ġuriżdizzjoni, il-falliment u l-validità u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi, deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ u strumenti awtentiċi, sakemm ikun fis-seħħ,
- jew il-Konvenzjoni ta’ the Hague tat-2 ta’ Ottubru 1973 dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet relatati mal-obbligi ta’ manteniment,
jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ikunu rikonoxxuti u eżegwiti fil-Lussemburgu, għandhom isiru eżegwibbli fil-forom stabbiliti fl-Artikoli 680 sa 685 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-Ġdid (Nouveau code de procedure civile).
Is-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali mogħtija fi Stat Membru tal-UE li huma eżegwibbli f’dak l-Istat Membru u li, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġuriżdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġu rikonoxxuti u eżegwiti fil-Lussemburgu, għandhom isiru eżegwibbli kif stabbilit f’dak ir-Regolament.
Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, magħruf bħala r-“Regolament Brussell I riformulat”, ħassar ir-Regolament (KE) Nru 44/2001. Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 ikompli japplika għad-deċiżjonijiet mogħtija fl-azzjonijiet legali mressqa, għall-istrumenti awtentiċi mfasslin jew irreġistrati b’mod formali u għat-tranżazzjonijiet legali approvati jew konklużi qabel l-10 ta’ Jannar 2015 li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament.
Is-sentenzi f’materji ċivili mogħtija fi Stat Membru tal-UE li huma eżegwibbli f’dak l-Istat Membru u li, skont ir-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġu rikonoxxuti u eżegwiti fil-Lussemburgu, għandhom isiru eżegwibbli kif stabbilit f’dak ir-Regolament.
Id-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru mhux marbut bil-Protokoll ta’ The Hague dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment konkluż fit-23 ta’ Novembru 2007 fis-sens tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV tar-Regolament (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġu rikonoxxuti u eżegwiti fil-Lussemburgu, għandhom isiru eżegwibbli kif stabbilit f’dak ir-Regolament.
Sentenzi f’materji ċivili mogħtija fi Stat Membru tal-UE li huma eżegwibbli f’dak l-Istat Membru u li, skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1103 tal-24 ta’ Ġunju 2016 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet f'materji ta' reġimi ta' proprjetà matrimonjali u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1104 tal-24 ta’ Ġunju 2016 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji tal-konsegwenzi patrimonjali ta’ sħubijiet reġistrati, jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġu rikonoxxuti u eżegwiti fil-Lussemburgu, isiru eżegwibbli kif stabbilit fir-Regolamenti (UE) 2016/1103 u (UE) 2016/1104 msemmija hawn fuq.
- Deċiżjonijiet barranin soġġetti għal leġiżlazzjoni tal-UE li tabolixxi l-exequatur
Fit-12 ta’ Diċembru 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ “sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, magħruf bħala r-“Regolament Brussell I riformulat”. Skont l-Artikolu 36 ta’ dak ir-Regolament, sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħrajn mingħajr ma tkun meħtieġa l-ebda proċedura speċjali (abolizzjoni tal-exequatur). Dan ir-Regolament applika fl-Istati Membri kollha tal-UE mill-10 ta’ Jannar 2015 skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament.
Id-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru li huwa marbut bil-Protokoll ta’ The Hague dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment konklużi fit-23 ta’ Novembru 2007 fis-sens tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV tar-Regolament (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment huma rikonoxxuti fil-Lussemburgu mingħajr ma tkun meħtieġa xi proċedura speċjali u mingħajr ebda possibbiltà li ssir oġġezzjoni għar-rikonoxximent.
Sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali mogħtija fi Stat Membru tal-UE u li, skont ir-Regolament (UE) Nru 655/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi proċedura ta’ Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru transkonfinali tad-dejn f’materji ċivili u kummerċjali, jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġu rikonoxxuti u eżegwiti fil-Lussemburgu, huma rikonoxxuti u eżegwiti kif stabbilit f’dak ir-Regolament.
Sentenzi mogħtija fi Stat Membru tal-UE li huma eżegwibbli f’dak l-Istat Membru u li, skont ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar jew ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, kif emendat, jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġu rikonoxxuti u eżegwiti fil-Lussemburgu, huma rikonoxxuti u eżegwibbli kif stabbilit f’dawk ir-regolamenti.
3.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin
Ma għandu jitwettaq ebda mandat ta’ qbid ta’ proprjetà mobbli jew immobbli sakemm ma jkunx hemm titolu eżekuttiv maħruġ skont il-liġi tal-Lussemburgu u għal pretensjoni dovuta u ċerta; jekk id-dejn dovut ma jkunx somma ta’ flus, huwa għandu jiġi differit, wara l-mandat ta’ qbid, għall-proċedimenti sussegwenti kollha, sakemm ikun ġie vvalutat.
Is-sentenzi li jirrikjedu rilaxx, tħassir ta’ reġistrazzjoni ta’ ipoteka, pagament jew xi ħaġa oħra li għandha ssir minn terzi jew f’isimhom, huma eżegwibbli biss mit-terzi jew kontrihom, anke wara li jkunu skadew il-perjodi ta’ oppożizzjoni jew tal-appell, abbażi ta’ ċertifikazzjoni mill-avukat tar-rikorrent, li tagħti d-data li fiha ġiet innotifikata s-sentenza fid-dar tal-parti li s-sentenza tkun ingħatat kontriha, u abbażi ta’ ċertifikazzjoni mir-reġistratur tal-qorti li ma hemm ebda oġġezzjoni jew appell kontra s-sentenza.
Jekk iċ-ċertifikat juri li ma hemm ebda oġġezzjoni jew appell, ir-riċevituri, il-kustodji u kwalunkwe persuna oħra jkunu obbligati li jikkonformaw mas-sentenza.
4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi
4.1 Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għall-eżekuzzjoni?
- Beni eliġibbli għal mandat ta’ qbid
Huma biss il-beni mobbli jew immobbli li huma proprjetà tad-debitur li huma eliġibbli għal mandat ta’ qbid, mhux il-beni li jappartjenu lil terzi. Madankollu, ftit li xejn huwa importanti fil-pussess ta’ min ikunu l-beni tad-debitur fil-mument tal-mandat ta’ qbid, għalhekk, huwa possibbli li l-beni jiġu maqbuda fil-bini ta’ terzi.
- Beni mhux eliġibbli għal mandat ta’ qbid
L-Artikolu 728 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili l-Ġdid jistabbilixxi li, minbarra l-oġġetti ddikjarati li huma ineliġibbli għal mandat ta’ qbid skont liġijiet speċifiċi, il-beni li ġejjin ma jistgħux jinqabdu:
- l-oġġetti li l-liġi tal-Lussemburgu tiddikjara bħala immobbli skont l-iskop tagħhom;
- il-proprjetà mobbli, bħal pereżempju l-post fejn torqod, il-ħwejjeġ, l-għamara fejn iżżomm il-ħwejjeġ, il-magna tal-ħasil u l-imwejjed u s-siġġijiet sabiex il-membri tal-familja jkunu jistgħu jieklu ikla flimkien.
Dawn l-oġġetti ma jistgħux jinqabdu, irrispettivament mill-kapaċità tal-kreditur, anke jekk dan ikun l-Istat, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti djun esklużivament elenkati fil-liġi.
Sabiex jiġi evitat li l-kreditur jaqbad il-mezzi ta’ sussistenza kollha tad-debitur, regolament Gran Dukali jistabbilixxi r-rati għaċ-ċessjoni u l-qbid tas-salarji, tal-pensjonijiet u l-annwalitajiet. Il-liġi pprevediet il-qbid ta’ dħul regolari protett (salarji, annwalitajiet, pensjonijiet). Dawn it-tipi ta’ dħul regolari ma jistgħux jiġu maqbuda kompletament, iżda biss sa ċertu limitu, li jiġi ddeterminat skont il-parentesi ffissati mir-regolament Gran Dukali. Għalhekk, id-debituri jibqgħalhom dħul minimu għall-għajxien.
- Delimitazzjoni
Id-delimitazzjoni għandha l-għan li tipproteġi lill-persuna li jinqabdulha l-beni mill-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-assi tagħha fl-intier tagħhom. Hija tippermetti lill-imħallef jillimita l-ammonti ssekwestrati.
4.2 X’inhuma l-effetti tal-miżuri eżekuttivi?
Mill-mument li l-beni jinqabdu, id-debitur jitlef id-dritt li jiddisponi minnhom. Madankollu, il-mandat ta’ qbid ma joħloq ebda dritt ta’ xiri preferenzjali għall-kreditur li jordna l-qbid. L-iskwalifika tad-debitur tfisser li huwa ma jkunx jista’ jbigħ, jittrasferixxi jew joħroġ ipoteka fuq il-beni maqbuda. Il-beni maqbuda jistgħu jiġu elevati immedjatament. Id-debitur jibqa’ sid il-beni maqbuda sakemm issir is-subbasta anke jekk dan ikun tilef il-pussess tiegħu fuqhom. Is-sitwazzjoni ma tinbidilx f’termini prattiċi, iżda pjuttost f’termini legali.
Jekk din l-iskwalifika tinkiser, il-miżuri meħuda mill-persuna li nqabdulha l-oġġetti ma jkunux vinkolanti fuq il-kreditur li jitlob il-qbid.
Jekk dan ikun il-każ, l-iskwalifika tkun relattiva biss, fis-sens li tapplika biss għall-benefiċċju tal-kreditur li jordna l-qbid. Il-kredituri l-oħrajn xorta jeħtieġ li jittolleraw il-varjazzjonijiet fl-assi tad-debitur. Madankollu, huwa sempliċi għalihom li jikkondividu l-mandat ta’ qbid li diġà jkun intlaħaq qbil dwaru.
L-iskwalifika hija l-ewwel fażi fil-proċess tal-bejgħ tal-assi. Il-beni jitpoġġew taħt il-kontroll tal-qorti. Għalhekk, il-mandat ta’ qbid b’eżekuzzjoni tas-sentenza għandu rwol kawtelatorju fil-prim’istanza.
Fir-rigward ta’ sekwestru, irid jiġi speċifikat li din il-forma ta’ mandat ta’ qbid tneħħi l-kontroll kollu minn fuq id-dejn kollu maqbud, irrispettivament mill-valur tiegħu. Madankollu, it-terzi bl-oġġetti maqbuda jistgħu jpoġġu ammont suffiċjenti f’depożitu (delimitazzjoni).
4.3 X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn?
L-istrumenti eżegwibbli maħruġa skont il-liġi tal-Lussemburgu ma jiskadux u ma jintilfux minħabba l-mogħdija taż-żmien.
L-awtorizzazzjonijiet mill-Imħallef li jippresjedi l-qorti tal-kummerċ sabiex jitwettqu l-mandati ta’ qbid kawtelatorji jiskadu jekk il-miżura kawtelatorja ma titteħidx fil-perjodu ta’ żmien stabbilit fl-ordni.
5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?
Ordni maħruġa mill-imħallef li jippresjedi qorti kummerċjali, li jawtorizza mandat ta’ qbid kawtelatorju, hija soġġetta għal oġġezzjoni jew appell.
Fi kwistjonijiet ta’ mandat ta’ qbid b’eżekuzzjoni ta’ sentenza, id-debitur jista’ jiftaħ kawża fejn jinvoka diffikultà fl-eżekuzzjoni (action en difficulté d’exécution) jew joġġezzjona għall-bejgħ tal-oġġetti maqbuda.
It-terzi jistgħu wkoll jippreżentaw oġġezzjoni, jiġifieri għall-bejgħ tal-oġġetti maqbuda, u jitolbu l-esklużjoni ta’ dawn l-oġġetti sabiex jibbenifikaw minnhom huma.
6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?
Skont l-Artikolu 590 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili l-Ġdid, debitur jista’ jimblokka eżekuzzjoni proviżorja jekk tkun ġiet ordnata f’każ għajr għal dawk previsti mil-liġi. Għaldaqstant, id-debitur jista’ jressaq rikors quddiem il-qorti tal-appell għal projbizzjoni ta’ eżekuzzjoni proviżorja. Dan japplika biss f’materji ċivili u huwa eskluż f’materji kummerċjali mill-Artikolu 647 tal-Kodiċi Kummerċjali (Code de commerce).
L-Artikolu 703(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-Ġdid jistabbilixxi l-proċedura għad-delimitazzjoni. Id-delimitazzjoni għandha l-għan li tipproteġi lill-persuna li jinqabdulha l-beni mill-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-assi tagħha fl-intier tagħhom. Hija tippermetti lill-imħallef jillimita l-ammonti ssekwestrati.
Sabiex jiġi evitat li l-kreditur jaqbad il-mezzi ta’ sussistenza kollha tad-debitur, regolament Gran Dukali jistabbilixxi r-rati għaċ-ċessjoni u l-mandat ta’ qbid tas-salarji, il-pensjonijiet u l-annwalitajiet. Il-liġi organizzat il-mandat ta’ qbid ta’ dħul regolari protett (salarji, annwalitajiet, pensjonijiet). Dawn it-tipi ta’ dħul regolari ma jistgħux jiġu maqbuda kompletament, iżda biss sa ċertu limitu, li jiġi ddeterminat skont il-parentesi ffissati mir-regolament Gran Dukali. Għalhekk, id-debituri jibqgħalhom dħul minimu għall-għajxien.
Links relatati
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.