Kif tinforza deċiżjoni ta’ qorti

Olanda
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?

Il-liġi tal-infurzar: ġenerali

Proċedimenti legali jikkonkludu b’sentenza mogħtija mill-qorti. F’din is-sentenza, parti (id-debitur) tista’ tiġi ordnata biex twettaq l-obbligi tagħha lill-parti l-oħra (il-kreditur). Jekk id-debitur jonqos milli jagħmel dan volontarjament, il-kreditur jista’ jinforza t-twettiq billi jieħdu miżuri skont il-liġi tal-infurzar. Dan il-qasam ta’ liġi jirregola l-infurzar (eżekuzzjoni) ta’ sentenza li fiha l-eżekuzzjoni ġiet ordnata mill-qorti. Għal dan l-għan, tistabbilixxi regoli statutorji dwar miżuri koerċittivi u kif dawn jistgħu jiġu applikati. L-uffiċjali ġudizzjarji tal-qorti (gerechtsdeurwaarders), li jissejħu wkoll sempliċiment uffiċjali ġudizzjarji (deurwaarders), huma awtorizzati biex jeżegwixxu s-sentenzi u jingħataw struzzjonijiet biex jagħmlu dan minn kredituri li jixtiequ jirċievu d-dritt tagħhom. Żewġ kundizzjonijiet iridu jiġu ssodisfati jekk tixtieq tieħu l-miżuri koerċittivi previsti taħt il-liġi tal-infurzar: trid tkun fil-pussess ta’ dokument eżekuttiv (executoriale titel), bħal sentenza eżekuttiva, u din trid tkun ġiet notifikata minn qabel fuq il-parti li kontra tagħha tittieħed azzjoni ta’ infurzar. Il-partijiet prinċipali involuti fil-proċedura ta’ infurzar huma l-eżekutur (parti li titlob l-infurzar, il-kreditur), id-debitur (il-parti li kontriha qed tittieħed l-azzjoni ta’ infurzar) u l-uffiċjal ġudizzjarju (l-uffiċjal pubbliku responsabbli għat-teħid ta’ azzjoni ta’ infurzar effettiv skont it-talba tal-eżekutur).

Miżuri koerċittivi

Il-miżura koerċittiva prinċipali hija s-sekwestru eżekutorju (executoriaal beslag). Dan huwa diskuss fid-dettall f’taqsima 2.1.

Miżuri koerċittivi oħrajn huma:

  1. Il-ħlas ta’ penali inkrementali (dwangsom);
  2. rimandar l-ħabs minħabba nuqqas ta’ konformità ma’ ordni ġudizzjarju (lijfsdwang/gijzeling).

1. Il-ħlas ta’ penali inkrementali hija somma monetarja stabbilita f’sentenza tal-qorti li l-parti kkundannata trid tħallas jekk tonqos milli tikkonforma mal-obbligu prinċipali li għandu jitwettaq. Din il-miżura tintuża prinċipalment fi proċedimenti interlokutorji bħala mezz sabiex jeżerċitaw pressjoni. Ħlas ta’ penali inkrimentali tista’ tkun marbuta biss ma’ obbligu prinċipali li ma jinvolvix il-ħlas ta’ somma monetarja.

2. Ir-rimandar il-ħabs għax wieħed jonqos milli jikkonforma ma’ ordni ġudizzjarja hija miżura koerċittiva li tisforza lil xi parti biex tikkonforma ma’ obbligu partikolari. Din il-miżura mhix imposta spiss mill-qrati u anke meta tkun, huwa rari li tiġi tassew infurzata. Huwa biss possibbli jekk ikun ordnat mill-qorti. Il-Qorti tista’ tippermetti tali rimandar biex tinforza sentenzi u deċiżjonijiet fuq talba tal-kreditur, sakemm jirrigwardaw ordni li ma tinvolvix il-ħlas ta’ somma monetarja. Ir-rimandar jista’ jintuża wkoll, pereżempju, fil-każ ta’ sentenzi, deċiżjonijiet u atti awtentiċi li taħthom hu dovut il-pagament ta’ manteniment skont il-Ktieb 1 tal-Kodiċi Ċivili (Burgerlijk Wetboek), bħal pereżempju l-manteniment tat-tfal (l-Artikolu 585 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Wetboek van Burgerlijke Rechtsvordering)).

2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?

3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?

3.1 Il-proċedura

Il-proċedura hija deskritta hawn taħt.

Dokument infurzabbli

Is-sentenzi mogħtija mill-qrati Olandiżi (sentenzi, deċiżjonijiet u ordnijiet), atti awtentiċi (l-atti notarili), kif ukoll ċerti dokumenti oħra huma kkunsidrati bħala dokumenti eżekuttivi. Dokumenti oħra ddikjarati mil-liġi bħala dokumenti eżekuttivi huma: mandati eżekuttivi maħruġa mid-Dipartiment tal-Prosekuzzjoni Pubblika (Openbaar Ministerie), mandati eżekuttivi maħruġa mill-awtoritajiet tat-taxxa, deċiżjonijiet wara arbitraġġ bil-permess għall-infurzar u reġistri uffiċjali ta’ riżoluzzjoni amikevoli.

Ir-Reġistratur tal-qorti jipprovdi lir-rikorrent u lill-konvenut li dehru fil-proċeduri, b’kopja tas-sentenza. Jekk tkun sentenza finali li jkun fiha ordni tal-qorti, il-parti li hija awtorizzata biex tinforza d-deċiżjoni tirċievi kopja f’forma eżekuttiva. Il-partijiet huma maħruġa b’kopja ta’ uffiċjal ġudizzjarju (grosse) tas-sentenza mingħajr ħlas. Din hija kopja awtentika tas-sentenza preċeduta bil-kliem ‘F’isem ir-Re” (‘In naam der Koning’). Il-kopja tal-uffiċjal ġudizzjarju tista’ tiġi identifikata minn dawk il-kliem u għaldaqstant tkun sentenza tal-qorti maħruġa f’forma eżekuttiva. L-azzjoni ta’ infurzar tista’ tittieħed biss jekk tkun inħarġet il-kopja tal-uffiċjal ġudizzjarju. Tista’ tinħareġ ukoll kopja tal-uffiċjal ġudizzjarju, jew l-ewwel kopja awtentikata, ta’ att notarili. Billi tgħaddi dan id-dokument, inti tawtorizza lill-uffiċjal ġudizzjarju biex jieħu azzjoni ta’ infurzar.

Qabel l-infurzar l-uffiċjal ġudizzjarju jinnotifika d-dokument (il-kopja tal-uffiċjal ġudizzjarju/l-ewwel kopja awtentikata) fuq il-parti li kontra tagħha tkun se tittieħed l-azzjoni. L-għan tan-notifika huwa li s-sentenza tinġieb għall-attenzjoni tal-parti l-oħra u tinfurmaha li l-kreditur qed jeżiġi konformità magħha.

Għal informazzjoni dwar in-notifika ta’ dokumenti eżekuttivi minn Stati Membri oħra tal-UE ara r-Regolament tal-UE ta’ Servizz: Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali.

Uffiċjali gudizzjarji tal-qorti

Ir-rwol fl-infurzar

L-uffiċjal ġudizzjarju huwa parti prinċipali involuta fl-eżekuzzjoni tas-sentenzi u dejjem jaġixxi fuq l-istruzzjonijiet tal-parti li titlob l-infurzar. Dawn l-istruzzjonijiet jingħataw permezz tal-għoti tal-kopja tal-uffiċjal ġudizzjarju (kopja awtentika tas-sentenza) lill-uffiċjal ġudizzjarju. B’mod ġenerali, l-uffiċjal ġudizzjarju ma jirrikjedi l-ebda awtorizzazzjoni separata.

L-atti li l-uffiċjal ġudizzjarju jista’ jwettaq fil-kuntest tal-eżekuzzjoni jinkludu:

  1. jinnotika lill-parti li kontriha qed tittieħed l-azzjoni ta’ infurzar bid-dokument infurzabbli;
  2. jitlob għall-konformità mal-obbligu tat-twettiq, eż. jitlob il-ħlas ta’ somma monetarja;
  3. jirċievi l-ħlas jekk id-debitur jissodisfa l-obbligu ta’ ħlas tiegħu;
  4. jikkonfiska l-assi;
  5. jitlob għal għajnuna mingħand il-pulizija, jekk meħtieġ (meta jikkonfiska l-assi, pereżempju).

It-tariffi tal-uffiċjal ġudizzjarju

L-atti uffiċjali mwettqa mill-uffiċjali ġudizzjarji huma soġġetti għal tariffi fissi, li jistgħu jiġu imposti fuq id-debitur. Ma hemm l-ebda spejjeż fissi għall-kreditur, li jfisser li dawn għandhom jiġu nnegozjati mal-uffiċjal ġudizzjarju. It-tariffi imposti mill-uffiċjal ġudizzjarju fuq id-debitur jistgħu jinsabu fid-Digriet tal-4 ta’ Lulju 2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar atti uffiċjali u t-tariffi tal-uffiċjali ġudizzjarji, magħruf ukoll bħala d-Digriet tat-Tariffi tal-Uffiċjali Ġudizzjarji (Besluit tarieven ambtshandelingen gerechtsdeurwaarders). Għal aktar informazzjoni ara l-listi tat-tariffi għal atti uffiċjali (Tarieven ambtshandelingen) at www.kbvg.nl.

3.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Iż-żewġ kundizzjonijiet ġenerali li jridu jiġu ssodisfati biex jipproċedu bl-infurzar huma:

  • il-pussess ta’ dokumenti eżekuttivi;
  • In-notifika ta’ dan id-dokument, qabel l-eżekuzzjoni, lill-parti li kontriha qed tittieħed azzjoni.

Kif imsemmi hawn fuq, is-sekwestru eżekutorju hija l-miżura prinċipali koerċittiva użata.

Hemm ukoll miżuri li jistgħu jittieħdu sakemm jinħareġ dokument eżekuttiv. Dawn jistgħu jintalbu qabel ma tkun ingħatat is-sentenza kif ukoll matul jew anki qabel il-proċedimenti. Dawn huma msemmija bħala miżuri protettivi (conservatoire maatregelen) u jiffunzjonaw bħala miżuri provviżorji ta’ protezzjoni. Miżuri protettivi jinkludu s-sekwestru kawtelatorju (conservatoir beslag), it-twaħħil tas-siġilli (verzegeling) u t-tfassil ta’ inventarju (boedelbeschrijving). Din l-iskeda informattiva tittratta s-sekwestru ordni eżekutorju.

4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi

L-għan u n-natura ta’ miżuri ta' eżekuzzjoni jistgħu jvarjaw. Tista’ ssir distinzjoni bejn il-miżuri intiżi biex jinkiseb il-ħlas ta’ somma monetarja, iċ-ċessjoni tal-assi, l-att jew l-ommissjoni. L-aktar miżura komuni hija ordni għall-irkupru ta’ flus (verhaalsbeslag).

Jekk l-obbligazzjoni tad-debitur tinvolvi azzjoni aktar milli l-ħlas ta’ flus jew ċessjoni ta’ assi, tista’ titlob it-twettiq ta’ “att attwali” (feitelijke handeling, att li jkollu konsegwenza legali, irrispettivament jekk dan kienx maħsub) jew att ġuridiku (rechtshandeling, att b’intenzjoni ta’ konsegwenza legali). Jekk l-att ma jkunx marbut ma’ individwu, il-kreditur innifsu jkun jista’ jitlob lill-qorti għal awtorizzazzjoni biex iġibu s-sitwazzjoni li kienet tirriżulta minn prestazzjoni. Jekk l-obbligazzjoni tad-debitur involviet it-twettiq ta’ att ġuridiku, bħal pereżempju l-aċċetazzjoni ta’ offerta, l-att jista’ jiġi sostitwit b’sentenza tal-qorti. Il-Qorti tista’ wkoll tordna lid-debitur sabiex iżomm lura minn ċerti azzjonijiet.

4.1 Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għall-eżekuzzjoni?

Jista' jiġi ordnat sekwestru eżekutorju:

  1. fuq proprjetà mobbli li ma tkunx suġġetta għal reġistrazzjoni. Proprjetà soġġetta għal reġistrazzjoni tkopri: proprjetà immobbli, bastimenti u inġenji tal-ajru;
  2. fuq drittijiet tal-portaturi jew drittijiet ta’ ordni, drittijiet ta’ ishma reġistrati u drittijiet tat-titoli oħra reġistrati;
  3. kontra parti terza, imsemmija bħala ordni b’sekwestru (executoriaal derdenbeslag);
  4. fuq proprjetà immobbli;
  5. fuq bastimenti;
  6. fuq inġenji tal-ajru.

Bħala regola ġenerali, l-eżekutur huwa liberu li jagħżel l-assi li fuqhom jixtieq jimponi ordni.

Fil-prinċipju, tista’ tiġi imposta ordni fuq il-proprjetà kollha tad-debitur. Madankollu, ċerti assi ma jistgħux ikunu koperti b’ordni, bħal ħtiġijiet bażiċi, eż ħwejjeġ, ikel, għodod tal-ħaddiema, letteratura speċjalizzata u prodotti użati għall-finijiet ta’ edukazzjoni, l-arti u x-xjenza. Porzjon ta’ paga, pagamenti tal-manteniment jew tal-benefiċċji huma eżenti minn ordni. F’dawn il-każijiet japplika livell protett ta’ qligħ sabiex jiġi żgurat dħul suffiċjenti f’idejn id-debitur jipprovdi għal ħtiġijiet bażiċi.

Bl-istess mod, ma tistax tiġi imposta ordni fuq l-assi maħsuba għas-servizzi pubbliċi. L-eżekutur jista’ jimponi ordni fuq assi differenti fl-istess ħin, eż. kemm fuq proprjetà mobbli u kemm fuq immobbli.

4.2 X’inhuma l-effetti tal-miżuri eżekuttivi?

Konsegwenzi legali fuq l-ordni ta’ proprjetà mobbli li ma tkunx suġġetta għal reġistrazzjoni.

Konsegwenza waħda ta’ ordni hi li kull att li d-debitur iwettaq wara l-ordni ma jistax jippreġudika d-drittijiet tal-parti li timponi l-ordni. Jekk, pereżempju, id-debitur ikollu jbigħ l-assi, ix-xerrej ma jistax, fil-prinċipju, jinvoka lill-kreditur li issa jkun is-sid. Konsegwenza oħra hija li kwalunkwe introjtu mill-assi jkun kopert ukoll mill-ordni.

Il-konsegwenzi legali ta’ ordni ta’ ishma, titoli u assi oħrajn

M’hemm l-ebda konsegwenzi legali speċifiċi. Id-dritt tal-vot jibqa’ f’idejn il-persuna kontra min tkun qed tiġi imposta l-ordni għat-tul kollu tal-ordni.

Il-konsegwenzi legali ta’ ordni ta’ sekwestru

F’każ ta’ ordni ta’ sekwestru, il-kreditur (il-parti li timponi l-ordni) jimponi l-ordni fuq parti terza (jiġifieri mhux id-debitur), minħabba li din il-parti terza jkollha d-dejn mad-debitur jew tkun qed iżżomm proprjetà li tkun issejjaħ lid-debitur.

Il-parti li timponi ordni hi protetta kontra l-atti mwettqa mill-parti l-oħra. Wieħed ma jistax jorbot fuq l-atti ġuridiċi mwettqa wara ordni kontra l-parti li timponi l-ordni. Żewġ forom komuni ta’ ordni ta’ sekwestru huma s-sekwestru fuq kont tal-bank jew fuq il-paga ta’ impjegat.

Il-konsegwenzi legali ta’ sekwestru fuq proprjetà immobbli

Is-sekwestru ta’ proprjetà immobbli jiġi rreġistrat fir-reġistri pubbliċi miżmuma mill-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Artijiet (Kadaster). Bastimenti u inġenji tal-ajru huma meqjusa bħala proprjetà immobbli ġaladarba jkunu ġew imdaħħla fir-reġistri. Fuq talba, l-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Artijiet jista’ jfittex fir-reġistri pubbliċi tal-Proprjetà Immbobbli, il-Bastimenti u l-Inġenji tal-Ajru. Is-sekwestru jsir effettiv mill-mument li jiġi rreġistrat. Kwalunkwe rikavat minn proprjetà immobbli li jidħol wara s-sekwestru jkun kopert minnha. Il-parti li timponi s-sekwestru hi protetta kontra l-atti ġuridiċi mwettqa mid-debitur wara s-sekwestru. Wieħed ma jistax jistrieħ fuq id-disponiment (bejgħ) mill-proprjetà immobbli kontra l-persuna li timponi s-sekwestru.

4.3 X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn?

Bħala regola ġenerali, l-awtorità ta’ infurzar ta’ sentenza tal-qorti ssir preskritta 20 sena mill-jum wara dak li fih tingħata s-sentenza. Jekk l-infurzar ta’ sentenza tal-qorti hija soġġetta għal ċerti rekwiżiti, li l-issodisfar tagħhom ma jiddependix mir-rieda tal-persuna li tkun kisbet is-sentenza, allura l-awtorità sabiex tiġi infurzata s-sentenza ssir preskritta wara 20 sena mill-bidu tal-jum ta’ wara dak li fih ir-rekwiżiti kienu ssodisfati.

Madankollu, il-perjodu ta’ preskrizzjoni huwa ta’ ħames snin għal kull somma li s-sentenza tkun ordnat li jitħallsu fi żmien sena jew anqas. Fil-każ tal-imgħax, multi, penali inkrimentali u ordnijiet oħra addizzjonali tal-qorti, il-preskrizzjoni tibda tiddekorri mhux aktar tard mill-mument meta l-awtorità sabiex jinforza s-sentenza prinċipali ssir preskritta, sakemm il-perjodu ta’ preskrizzjoni ma jkunx interrott jew estiż.

5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?

Kwistjonijiet ta’ infurzar

L-Artikolu 438 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili fih regoli ġenerali dwar l-infurzar tat-tilwim (executiegeschillen). F’tali tilwima id-debitur jista’ jipprova jevita l-infurzar. It-tilwim jista’ jirrelata, pereżempju, mas-sinjifikat u l-portata tad-dokument eżekuttiv, l-impatt ta’ fatti li rriżultaw wara s-sentenza (id-dokument eżekuttiv), il-validità ta' sekwestru jew il-kwistjoni dwar min huwa s-sid tal-assi ssekwestrati. Tilwima dwar l-infurzar tikkonċerna biss kwistjoni ta’ infurzar. Is-sustanza tal-azzjoni prinċipali li fiha tkun diġà ingħatat sentenza ma terġax tiġi vvalutata.

F’tilwima ta’ infurzar id-debitur jista’ jargumenta li l-eżekutur qed jabbuża mid-drittijiet tiegħu jew li l-ordni tkun sproporzjonata għas-sentenza, pereżempju. Id-debitur (il-parti li kontriha qed tittieħed l-azzjoni) ma jista jressaq l-ebda oġġezzjonijiet sostantivi ulterjuri għas-sentenza f’dan l-istadju. Biex jagħmel dan, irid jistitwixxi oppożizzjoni (verzet), appell (hoger beroep) jew proċedimenti ta’ kassazzjoni (cassatie), li huma rimedji legali.

Ġurisdizzjoni territorjali

Il-Qorti li għandha ġuriżdizzjoni territorjali hija l-qorti li hija kompetenti skont ir-regoli ġenerali tad-dritt dwar il-ġurisdizzjoni.

Din hija jew il-qorti fil-ġuriżdizzjoni territorjali li fi ħdana jkun ġie impost jew jkun se jiġi impost is-sekwestru, il-qorti fil-ġuriżdizzjoni territorjali li fiha tinsab il-proprjetà kkonċernata jew il-qorti fil-ġurisdizzjoni territorjali fejn ikun se jsir l-infurzar. Trid tinsab qorti kompetenti Olandiża għal kull azzjoni ta’ infurzar li sseħħ fin-Netherlands.

Il-qorti kompetenti

Il-Qorti Distrettwali (arrondissementsrechtbank) għandha l-ġuriżdizzjoni biex tisma’ t-tilwimiet kollha tal-infurzar, irrispettivament mill-qorti li tat is-sentenza li għandha tiġi infurzata. Il-Qorti Distrettwali hija kompetenti anki jekk il-Qorti tal-Appell (gerechtshof) jew il-Qorti Suprema tan-Netherlands (Hoge Raad der Nederlanden) tat is-sentenza.

It-tilwim tal-infurzar ġeneralment jiġi solvut fil-proċedimenti interlokutorji (kort geding). Il-Qorti tista’ tiddeċiedi li tissospendi l-infurzar għal ċertu żmien jew tneħħi s-sekwestru.

6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 10/05/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.