Kif tinforza deċiżjoni ta’ qorti

Polonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?

Ir-regoli dwar kif għandhom jiġu eżegwiti s-sentenzi fil-proċedimenti ċivili, inklużi l-kwistjonijiet kummerċjali, huma speċifikati fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tal-Polonja (Kodeks postępowania cywilnego) tas-17 ta’ Novembru 1964 (Il-Ġurnal tal-Liġijiet tal-2021, il-punt 1805, kif emendat).

L-eżekuzzjoni hija l-użu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ miżuri koerċittivi sanċiti fil-liġi sabiex jiġu rkuprati pagamenti dovuti lill-kredituri abbażi ta’ titolu eżegwibbli. Il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jibdew meta jiġi ppreżentat rikors għal eżekuzzjoni.

It-titolu eżegwibbli iservi bħala l-bażi għall-eżekuzzjoni. Bħala regola, it-titolu eżegwibbli huwa ordni ta’ eżekuzzjoni li jinkludi klawżola ta’ eżegwibbiltà (l-Artikolu 776 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Din il-klawżola ma hijiex rikjesta għal xi ordnijiet mill-qrati maħruġa fil-livell ta’ Stat Membru jew għal ftehimiet ta’ soluzzjoni u għal dokumenti uffiċjali msemmijin fl-Artikolu 1153(14) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Jekk dawn is-sentenzi, il-ftehimiet ta’ soluzzjoni u d-dokumenti uffiċjali jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti hawn fuq, dawn jikkostitwixxu titolu eżegwibbli, li permezz tiegħu l-kredituri jkunu jistgħu jirrikorru direttament għand l-awtorità ta’ eżekuzzjoni.

Hemm żewġ tipi ta’ awtoritajiet li huma involuti fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni:

  • korpi ġudizzjarji – fi proċedimenti sabiex tiġi inkorporata klawżola ta’ eżegwibbiltà fl-ordni ta’ eżekuzzjoni (l-imħallef li jippresjedi; qrati distrettwali (sąd rejonowy), qrati reġjonali (sąd okręgowy) u qrati tal-appell (sąd apelacyjny), uffiċjali ġudizzjarji (referendarz sądowy));
  • awtoritajiet eżekuttivi – fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni rilevanti, dawn huma qrati distrettwali u uffiċjali ġudizzjarji (l-Artikolu 758 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Il-partijiet għad-dikjarazzjoni ta’ proċedimenti ta’ eżegwibbiltà kif ukoll għall-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni huma d-debitur u l-kreditur.

Il-liġi Pollakka tiddistingwi bejn it-tipi ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni li ġejjin:

Eżekuzzjoni ta’ pretensjonijiet pekunarji li jirriżultaw minn:

  • assi mobbli
  • remunerazzjoni għax-xogħol
  • kontijiet bankarji
  • pretensjonijiet oħrajn
  • drittijiet tal-proprjetà oħrajn
  • proprjetà immobbli
  • opri tal-baħar

Eżekuzzjoni ta’ pretensjonijiet mhux pekunarji:

  • ċediment ta’ proprjetà mobbli;
  • trasferiment ta’ proprjetà immobbli;
  • eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet li jeħtieġu dikjarazzjoni ta’ intenzjoni, inkluża l-konklużjoni ta’ kuntratt (l-Artikolu 1047 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
  • l-eżekuzzjoni ta’ atti u ta’ omissjonijiet sostitwibbli u mhux sostitwibbli (l-Artikoli 1049-1056 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
Eżekuzzjoni ta’ pretensjonijiet dwar il-manteniment - il-qorti tinkorpora b’mod awtomatiku klawżola ta’ eżegwibbiltà fit-titolu eżegwibbli. F’każijiet bħal dawn, it-titolu eżegwibbli jiġi nnotifikat lill-kreditur b’mod awtomatiku. F’każijiet li fihom jiġi ordnat manteniment, il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jistgħu jinbdew fuq it-talba tal-qorti tal-prim’istanza li semgħet il-kawża. Din it-talba tiġi ppreżentata lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni li jkollha l-ġuriżdizzjoni. L-uffiċjal ġudizzjarju huwa obbligat, skont l-operat tal-liġi, iwettaq inkjesta sabiex jiddetermina l-qligħ, l-assi u l-post ta’ residenza tad-debitur. Jekk dan ma jkunx effettiv, il-pulizija, filwaqt li taġixxi fuq talba tal-uffiċjal ġudizzjarju, tieħu passi xierqa sabiex tiddetermina l-post ta’ residenza u tax-xogħol tad-debitur. L-investigazzjoni jenħtieġ li titwettaq f’intervalli ta’ mhux aktar minn 6 xhur. F’każ li l-investigazzjoni tonqos milli tiddetermina l-introjtu jew l-assi tad-debitur, l-uffiċjal ġudizzjarju jitlob lill-qorti sabiex tordna lid-debitur jiżvela l-assi tiegħu. Jekk id-debitur ikun waqa’ lura fil-pagamenti għal aktar minn 6 xhur, l-uffiċjal ġudizzjarju jitlob fuq bażi ex officio lir-Reġistru tal-Qorti Nazzjonali ( Krajowy Rejestr Sądowy) sabiex id-debitur jiġi inkluż fil-lista ta’ debituri insolventi. In-nuqqas li tiġi implimentata l-miżura ta’ eżekuzzjoni ma jikkostitwixxix bażi għal sospensjoni tal-proċedimenti.

2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?

Skont l-Artikolu 758 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, kwistjonijiet marbutin ma’ eżekuzzjoni jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ qrati distrettwali u tal-uffiċjali ġudizzjarji li jaġixxu f’isimhom.

3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?

Skont l-Artikolu 803 tal-Proċedura ta’ Kodiċi Ċivili, titolu eżegwibbli jservi bħala bażi għall-eżekuzzjoni ta’ pretensjoni fl-intier tagħha rigward il-kategoriji kollha tal-assi tad-debitur, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor. L-awtorità li teżegwixxi ma hijiex awtorizzata teżamina l-validità u l-applikabbiltà tat-titolu eżegwibbli, li għalih japplika dan l-obbligu. Madankollu, hija meħtieġa teżamina l-kontestabilità ta’ pretensjoni koperta mit-titolu eżegwibbli.

Bħala regola, il-klawżola ta’ eżegwibbiltà hija inkorporata fit-titolu eżegwibbli.

Skont l-Artikolu 777 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, dawn li ġejjin huma meqjusa bħala titoli eżegwibbli:

  • is-sentenza tal-qorti finali jew eżegwibbli immedjatament u ftehimiet ta’ soluzzjoni li jintlaħqu fil-qorti;
  • deċiżjoni finali jew eżegwibbli immedjatament minn uffiċjal ġudizzjarju (referendarz sądowy);
  • is-sentenzi oħrajn, ftehimiet ta’ soluzzjoni u strumenti legali, li jiġu eżegwiti permezz eżekuzzjoni ġudizzjarja;
  • l-att notarili li permezz tiegħu d-debitur jikkonforma b’mod volontarju ma’ miżura ta’ eżekuzzjoni, li jeħtieġlu jħallas ammont jew jagħti oġġetti speċifikati skont it-tip, fil-kwantità indikata fl-att, jew jagħti oġġetti speċifikati b’mod individwali, bil-kundizzjoni li l-att jiffissa data sa meta l-obbligu għandu jkun ġie sodisfatt jew jidentifika l-avveniment li għandu jseħħ sabiex titwettaq l-eżekuzzjoni;
  • l-att notarili li permezz tiegħu d-debitur jikkonforma b’mod volontarju ma’ miżura ta’ eżekuzzjoni, li teħtieġlu jħallas l-ammont speċifikat fl-att jew speċifikat bil-klawżola ta’ konnessjoni mal-indiċi, fejn l-att jidentifika l-avveniment li għandu jseħħ sabiex dan l-obbligu jiġi osservat u d-data sa meta l-kreditur jista’ japplika sabiex klawżola ta’ eżegwibbiltà tiġi inkorporata fl-att;
  • l-att notarili speċifikat fil-paragrafi 4 u 5, li permezz tiegħu l-persuna li ma hijiex debitur personali, u li l-proprjetà, il-pretensjoni jew id-dritt tagħha huma ggravati minn ipoteka jew minn rahan, ikkonformat b’mod volontarju mal-azzjoni ta’ eżekuzzjoni rigward il-proprjetà ipotekata jew mirhuna bl-għan li tissodisfa l-pretensjoni pekunarja tal-kreditur garantit.

Dikjarazzjoni tad-debitur ta’ sottomissjoni volontarja għal eżekuzzjoni tista’ ssir ukoll f’att notarili separat.

Ordnijiet tal-qorti validi li jinkorporaw klawżola ta’ eżegwibbiltà jew huma eżegwibbli immedjatament biss (permezz ta’ ordni ta’ eżegwibbiltà immedjata maħruġa fuq bażi ex officio jew fuq talba ta’ kwalunkwe parti għall-proċedimenti) jistgħu jikkostitwixxu titolu eżegwibbli. Att notarili huwa meqjus ekwivalenti għal titolu eżegwibbli, jekk ikun konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u r-regoli notarili.

Titoli eżegwibbli oħrajn jinkludu: estratt mil-lista ta’ pretensjonijiet fi proċeduri ta’ falliment; ħlas bankarju validu u legali; pjan sabiex jiġu allokati somom miksuba minn preklużjoni; titolu bankarju eżegwibbli kif previst fil-liġi bankarja, iżda biss wara li l-qorti tkun inkorporat klawżola ta’ eżegwibbiltà; sentenzi mogħtijin minn qrati barranin u ftehimiet ta’ soluzzjoni milħuqin f’dawn il-qrati wara li jkunu ġew iddikjarati eżegwibbli mill-qorti Pollakka. Sentenzi mogħtijin mill-qrati ta’ pajjiżi oħrajn fi kwistjonijiet ċivili li huma eżegwibbli permezz ta’ eżekuzzjoni ġudizzjarja jitqiesu bħala titoli eżegwibbli wara li jkunu ġew iddikjarati eżegwibbli mill-qorti Pollakka. Sentenza titqies eżegwibbli jekk tkun eżegwibbli fil-pajjiż ta’ oriġini u jekk ma jirriżulta l-ebda wieħed mill-ostakli speċifikati fl-Artikolu 1146(1) u (2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

3.1 Il-proċedura

It-titolu eżegwibbli iservi bħala l-bażi sabiex jibdew il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni. Bħala regola ġenerali, il-qorti tal-prim’istanza li tisma’ l-kawża tinkorpora l-klawżola ta’ eżegwibbiltà f’titoli eżegwibbli mogħtijin minn qorti (l-Artikolu 781(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

It-talbiet għal klawżola ta’ eżegwibbiltà li għandha tiġi inkorporata jiġu eżaminati mill-qorti mingħajr dewmien, iżda mhux aktar tard minn tlett ijiem wara s-sottomissjoni lill-korp li jkollu l-ġuriżdizzjoni (l-Artikolu 781(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Klawżola ta’ eżegwibbiltà hija inkorporata ex officio f’titoli maħruġin fil-proċedimenti li bdew jew setgħu bdew ex officio. Il-qorti tinkorpora klawżola ta’ eżegwibbiltà f’ordnijiet ta’ ħlas maħruġa fi proċedimenti b’rikors ġuramentat, li jsiru b’mod elettroniku fuq bażi ex officio immedjatament wara li jsiru finali (l-Artikolu 782 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Bħala regola, azzjoni ta’ eżekuzzjoni tista’ tinbeda fuq talba. Fil-proċedimenti li jistgħu jinbdew ex officio, il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tista’ tinbeda ex officio fuq talba tal-qorti tal-prim’istanza li tisma’ l-kawża ppreżentata quddiem il-qorti li għandha l-ġuriżdizzjoni jew l-uffiċjal ġudizzjarju (l-Artikolu 796(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Talba sabiex jibdew proċedimenti ta’ eżekuzzjoni tista’ tiġi ppreżentata mill-kreditur quddiem il-qorti distrettwali li għandha l-ġuriżdizzjoni jew l-uffiċjal ġudizzjarju assenjat f’dik il-qorti. Din tista’ tiġi ppreżentata wkoll minn awtoritajiet oħrajn (qorti jew prosekutur pubbliku fi kwistjonijiet marbutin ma’ eżekuzzjoni ta’ multi, penali finanzjarji, tariffi tal-qorti u spejjeż proċedurali dovuti lit-Teżor).

Bħala regola, it-talbiet sabiex jibdew proċedimenti ta’ eżekuzzjoni isiru bil-miktub. Għandu jiġi mehmuż titolu eżegwibbli.

Ir-regoli li jirregolaw il-ġbir tat-tariffi u l-ammont tagħhom huma rregolati bl-Att dwar l-Ispejjeż tal-Uffiċjali Ġudizzjarji tat-28 ta’ Frar 2018 (Il-Ġurnal tal-Liġijiet tal-2023, il-punt 1357).

It-tariffi tal-eżekuzzjoni li ġejjin jinġabru:

(1) it-tariffi tal-eżekuzzjoni għat-twettiq tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, għall-eżekuzzjoni ta’ ordni sabiex jinkiseb il-ħlas ta’ pretensjoni pekunarja jew ta’ ordni ta’ preżervazzjoni ta’ kont bankarju Ewropew jew għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-konservazzjoni ta’ prodott ta’ evidenza jew għall-ordni tat-trasferiment ta’ prodott ta’ evidenza fi kwistjonijiet relatati mal-proprjetà intellettwali: fi kwistjonijiet li jinvolvu l-eżekuzzjoni ta’ pretensjonijiet pekunarji, l-uffiċjal ġudizzjarju jitlob tariffa proporzjonali ekwivalenti għal 10 % tal-pretensjoni eżegwita lid-debitur. Jekk, fi żmien xahar mid-data meta ssir in-notifika tal-bidu tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, id-debitur iħallas lill-uffiċjal ġudizzjarju jew lill-kont bankarju tiegħu, il-pretensjoni kollha li għandha tiġi eżegwita jew parti minnha, l-uffiċjal ġudizzjarju jitlob lid-debitur tariffa proporzjonali ekwivalenti għal 3 % tal-pretensjoni eżegwita b’dan il-mod. B’hekk, it-tariffa minima għal pretensjoni eżegwita b’dan il-mod hija ta’ PLN 150. Jekk il-pretensjoni ġiet eżegwita unikament b’riżultat ta’ eżekuzzjoni kontra pretensjoni oħra, kont tal-bank, remunerazzjoni għal xogħol jew benefiċċji tas-sigurtà soċjali, jew b’riżultat tal-ħlas mid-debitur tal-pretensjoni lill-uffiċjal ġudizzjarju jew lill-kont bankarju tal-uffiċjal ġudizzjarju wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahar mid-data meta d-debitur ġie nnotifikat dwar il-bidu tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, it-tariffa minima hija ta’ PLN 200.

Jekk it-talba ġiet eżegwita b’mod li jkun differenti minn kif deskritt hawn fuq, it-tariffa minima tkun ta’ PLN 300.

It-tariffa fissa għal rikors għat-trasferiment ta’ proprjetà mobbli hija ta’ PLN 400. It-tariffa fissa għal rikors għat-trasferiment ta’ proprjetà immobbli li tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ akkomodazzjoni tad-debitur jew għat-tneħħija ta’ kwalunkwe proprjetà mobbli mill-bini li jintuża mid-debitur sabiex jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ akkomodazzjoni tiegħu hija ta’ PLN 1500. It-tariffa fissa għal rikors għat-teħid ta’ pussess ta’ oġġett ieħor ta’ proprjetà immobbli jew għat-tneħħija ta’ kwalunkwe assi mobbli minn bini ieħor hija ta’ PLN 2000. Jekk il-proprjetà immobbli, il-bini jew il-kamra tintuża mid-debitur esklużivament għall-finijiet ta’ twettiq ta’ attivitajiet tan-negozju, it-tariffa ta’ PLN 2000 tiżdied b’PLN 1000 għal kull kamra għat-tieni u għal kwalunkwe kamra ulterjuri li tagħmel parti mill-proprjetà immobbli jew mill-bini li se jkun soġġett għall-eżekuzzjoni. It-tariffa totali ma tistax taqbeż PLN 30 000.

It-tariffa fissa:

  • għat-trasferiment ta’ assi lil amministratur ta’ insolvenza jew lil maniġer tal-proprjetà;
  • għat-trasferiment tal-ġestjoni tal-proprjetà lil maniġer tal-proprjetà;
  • għall-konservazzjoni ta’ element ta’ prova fi kwistjonijiet ta’ proprjetà intellettwali; jew
  • għat-trasferiment ta’ element ta’ prova fi kwistjonijiet ta’ proprjetà intellettwali, hija ta’ PLN 400.

It-tariffa fissa għall-involviment sabiex tingħeleb ir-reżistenza fiżika min-naħa tad-debitur u għall-eżekuzzjoni tal-istruzzjonijiet tal-qorti sabiex id-debitur jitqiegħed taħt kustodja hija ta’ PLN 1000.

Jekk id-debitur iħallas il-pretensjoni indikata fit-titolu eżegwibbli sa mhux aktar tard minn 3 ijiem qabel ma tkun se ssir l-eżekuzzjoni tat-titolu eżegwibbli, l-uffiċjal ġudizzjarju jrodd lura 50 % tat-tariffa mħallsa lill-kreditur. Jekk id-debitur iħallas il-pretensjoni qabel ma jiġi nnotifikat bin-notifika tal-bidu tal-eżekuzzjoni jew bl-istedina għal ħlas volontarju, l-uffiċjal ġudizzjarju jrodd lura lill-kreditur dik il-parti tal-ammont imħallas li taqbeż PLN 200.

(2) it-tariffi għat-twettiq ta’ proċedimenti oħrajn jew għat-twettiq ta’ attivitajiet oħrajn – Tariffa fissa fuq rikors:

  • għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni għall-kisba ta’ wirt; jew
  • għall-formulazzjoni ta’ inventarju tal-patrimonju, hija ta’ PLN 400.

It-tariffa fissa għan-notifika diretta u personali ta’ dokumenti, jekk ordnata mill-qorti jew mitluba mir-rikorrent, hija ta’ PLN 60. It-tariffa tintalab għan-notifika f’indirizz wieħed tad-dokument speċifikat fil-każ, irrispettivament min-numru ta’ destinatarji li jirresjedu f’dak l-indirizz u min-numru ta’ tentattivi ta’ notifiki li saru. It-tariffa fissa fuq rikors għal miżuri sabiex jiġi stabbilit l-indirizz kurrenti tad-destinatarju hija ta’ PLN 40. It-tariffa fissa għall-formulazzjoni tas-sejbiet uffiċjali tal-fatt hija ta’ PLN 400.

3.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Azzjoni ta’ eżekuzzjoni tinbeda permezz ta’ rikors ippreżentat mill-kreditur b’titolu eżegwibbli mehmuż miegħu. Huwa importanti li d-debitur jissemma fir-rikors b’ismu. Il-kreditur jista’ jindika kif għandha titwettaq l-eżekuzzjoni, jiġifieri billi jidentifika d-drittijiet ta’ proprjetà inkwistjoni. Għall-eżekuzzjoni ta’ pretensjonijiet marbuta ma’ proprjetà, għandu jiġi indikat ukoll ir-Reġistru tal-Artijiet. Fil-każ ta’ eżekuzzjoni li tinvolvi assi mobbli, ma hemmx il-ħtieġa ta’ identifikazzjoni dettaljata ta’ kull assi mobbli, minħabba li l-eżekuzzjoni tapplika għall-assi mobbli kollha tad-debitur.

4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi

4.1 Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għall-eżekuzzjoni?

Kull oġġett jew tagħmir li jifforma parti mill-assi tad-debitur jistgħu jkunu soġġetti għal azzjoni ta’ eżekuzzjoni, inkluża l-proprjetà mobbli, il-proprjetà immobbli, ir-remunerazzjoni għax-xogħol, il-kontijiet bankarji, sehem minn propjetà immobbli, inġenji tal-baħar u pretensjonijiet oħra u drittijiet tal-proprjetà tad-debitur.

L-Artikoli 829 sa 831 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jimponu ċerti restrizzjonijiet dwar it-tip ta’ oġġett jew ta’ tagħmir li jistgħu jkunu soġġetti għall-eżekuzzjoni. Taħt dawn id-dispożizzjonijiet, l-oġġetti jew it-tagħmir li ġejjin huma eżentati: oġġetti tad-dar, bjankerija, ħwejjeġ ta’ taħt u ħwejjeġ ta’ kuljum kif jista’ jkun meħtieġ b’mod raġonevoli sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi domestiċi tad-debitur u l-membri tal-familja dipendenti tiegħu, kif ukoll ħwejjeġ li jistgħu jkunu meħtieġa mid-debitur sabiex iwettaq id-dmirijiet professjonali jew pubbliċi tiegħu; ikel u provvisti ta’ fjuwil kif jista’ jkun meħtieġ sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tad-debitur u l-membri dipendenti tal-familja tiegħu għal perjodu ta’ xahar; għodod u strumenti oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa għad-debitur sabiex iwettaq ix-xogħol bi ħlas, u materja prima kif jista’ jkun meħtieġ għall-proċess ta’ produzzjoni għal perjodu ta’ ġimgħa, minbarra vetturi bil-mutur.

Minbarra l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, hemm regoli nazzjonali oħrajn li jiddefinixxu t-tipi ta’ pretensjonijiet li huma eżentati mill-azzjoni ta’ eżekuzzjoni u sa liema punt din l-eżenzjoni tapplika (eż. il-Kodiċi tax-Xogħol (Kodeks pracy) jiddefinixxi sa liema punt jista’ jiġi eżegwit pagament ta’ remunerazzjoni għax-xogħol).

4.2 X’inhuma l-effetti tal-miżuri eżekuttivi?

It-titolu eżegwibbli iservi bħala bażi għall-eżekuzzjoni tat-talba fl-intier tagħha, rigward l-assi kollha tal-assi tad-debitur, sakemm mhux stipulat mod ieħor.

Id-debituri huma intitolati sabiex jamministraw l-assi tagħhom, sakemm il-qorti ma ċċaħħadhomx minn dak id-dritt.

Ġaladarba l-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni ikunu bdew kontra proprjetà mobbli, l-uffiċjal ġudizzjarju jissekwestra l-proprjetà u jirreġistra ordni ta’ sekwestru. L-effett tas-sekwestru huwa tali li l-ġestjoni tal-proprjetà immobbli sekwestrata ma taffettwax il-proċess tal-proċedimenti u l-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni rigward il-proprjetà immobbli ssekwestrata jistgħu jsiru kontra x-xerrej. Madankollu, għal raġunijiet importanti, f’kull stadju tal-proċedimenti, l-uffiċjal ġudizzjarju jista’ jċedi l-kontroll tal-assi mobbli ssekwestrati lil persuna oħra, li tista’ tkun ukoll il-kreditur.

Jekk titressaq azzjoni ta’ eżekuzzjoni għal proprjetà immobbli, l-uffiċjal ġudizzjarju l-ewwel jitlob lid-debitur sabiex iħallas id-dejn fi żmien ġimagħtejn, u fil-każ li jonqos li jagħmel dan l-uffiċjal ġudizzjarju jipproċedi bid-deskrizzjoni u bil-istima tal-valur tal-proprjetà. Il-ġestjoni tal-proprjetà immobbli wara s-sekwestru ma għandix impatt fuq l-andament futur tal-proċedimenti. Ix-xerrej jista’ jieħu sehem fil-proċedimenti bħala debitur.

Meta d-debitur ikun meħtieġ jastjeni milli jieħu ċerta azzjoni jew ikun meħtieġ ma jinterferix f’azzjoni meħuda mill-kreditur, fuq talba mill-kreditur il-qorti timponi multa fuq id-debitur jekk dan tal-aħħar jonqos milli jikkonforma ma’ dan l-obbligu; id-debituri li jonqsu milli jħallsu l-multa huma soġġetti għal priġunerija.

4.3 X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn?

Il-kodiċi tal-Proċedura Ċivili ma tissuġġettax ir-rikorsi għal eżekuzzjoni għal limiti ta’ żmien. Madankollu, skont il-liġi Pollakka, pretensjonijiet stabbiliti b’sentenza finali tal-qorti jew ta’ korp ieħor maħtur sabiex jisma’ kawżi bħal dawn, jew b’deċiżjoni tal-qorti ta’ arbitraġġ, jew pretensjonijiet stabbiliti permezz ta’ ftehim milħuq quddiem qorti jew qorti ta’ arbitraġġ, jew ftehim milħuq quddiem medjatur u approvat mill-qorti, ikunu preskritti wara perjodu ta’ sitt snin, anke jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni għal pretensjonijiet bħal dawn ikun iqsar (l-Artikolu 125(1) tal-Kodiċi Ċivili (Kodeks cywilny)). Jekk it-talba approvata tkopri l-obbligi perjodiċi, kull pretensjoni futura fir-rigward ta’ obbligi perjodiċi tkun soġġetta għal preskrizzjoni ta’ tliet snin.

Ir-rikorsi għal eżekuzzjoni jiġu eżaminati mill-awtorità kompetenti sabiex jiġi stabbilit jekk ikunux konformi mar-rekwiżiti formali u l-kriterji ta’ ammissibilità. In-nuqqas ta’ konformità ma’ rekwiżiti speċifiċi jista’ jwassal għar-rifjut tar-rikors jew ta’ twaqqif tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni.

5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?

Il-partijiet fil-proċedimenti jistgħu jappellaw kontra l-ordni tal-qorti sabiex tinkorpora klawżola ta’ eżegwibbiltà.

Dawn ir-rimedji li ġejjin huma disponibbli fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni:

  • ilment kontra l-azzjonijiet tal-uffiċjal ġudizzjarju (li jrid jitressaq quddiem il-qorti distrettwali; dan jikkonċerna wkoll sitwazzjoni li fiha l-uffiċjal ġudizzjarju jonqos milli jaġixxi. Ilment jista’ jiġi ppreżentat minn parti jew minn persuna li d-drittijiet tagħha nkisru jew ġew mheddin minn att jew minn ommissjoni min-naħa tal-uffiċjal ġudizzjarju. It-terminu għall-preżentazzjoni ta’ lment huwa ta’ ġimgħa mill-jum tal-att jew mill-jum li fih il-parti jew il-persuna saret taf bin-nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni);
  • appell kontra ordni tal-qorti (appell kontra d-deċiżjoni ta’ uffiċjal ġudizzjarji) sabiex tiġi inkorporata klawżola ta’ eżegwibbiltà (l-Artikolu 795 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili; it-terminu sabiex jiġi ppreżentat l-appell jiġi kkalkulat, fil-każ ta’ kreditur, mid-data meta l-kreditur ikun ingħata t-titolu eżegwibbli jew meta tkun nħarġet id-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ eżekuzzjoni, jew, fil-każ ta’ debitur, mid-data meta tkun waslet in-notifika li nbdew il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni);
  • appell kontra ordni tal-qorti li tiddikjara li l-ordni ta’ ħlas Ewropea tkun eżegwibbli (l-Artikolu 795(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
  • appell kontra ordni tal-qorti għal sospensjoni jew twaqqif tal-proċedimenti (l-Artikolu 828 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
  • appell kontra ordni tal-qorti għal-limitazzjoni tal-eżekuzzjoni (l-Artikolu 839 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
  • ordni tal-qorti li tillimita l-eżekuzzjoni u appell kontra din l-ordni (l-Artikolu 839 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
  • azzjonijiet mibdija mid-debitur sabiex jikkontesta l-miżuri ta’ eżekuzzjoni (l-Artikoli 840 sa 843 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
  • appelli kontra ordni tal-qorti għal rimborż tan-nefqa tal-persuna li tieħu ħsieb (l-Artikolu 859 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
  • appell kontra ordni tal-qorti dwar attivitajiet ta’ deskrizzjoni u ta’ valutazzjoni matul il-preklużjoni (l-Artikolu 950 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
  • ilment orali kontra azzjonijiet meħuda mill-uffiċjal ġudizzjarju fil-proċess ta’ subbasta, ippreżentat quddiem il-korp superviżorju (l-Artikolu 986 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
  • appell kontra ordni tal-qorti għall-għoti ta’ kuntratt (l-Artikolu 997 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
  • petizzjonijiet li joġġezzjonaw għall-pjan ta’ allokazzjoni għal ammonti rkuprati permezz ta’ eżekuzzjoni (fi żmien ġimagħtejn min-notifika lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni li fformulat il-pjan (l-Artikolu 998 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili));
  • appell dwar ordni tal-qorti rigward petizzjonijiet li joġġezzjonaw għall-pjan ta’ allokazzjoni (l-Artikolu 1028 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
  • appell dwar ordni tal-qorti għal sospensjoni jew għal twaqqif tal-proċedimenti (l-Artikolu 1055 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
  • appell kontra deċiżjoni tal-qorti li teskludi assi mill-qbid fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni li jinvolvu lit-Teżor tal-Istat (l-Artikolu 1061(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?

Skont l-Artikolu 829 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, dawn li ġejjin huma eżenti:

  1. tali oġġetti tad-dar, bjankerija, ħwejjeġ ta’ taħt u ħwejjeġ ta’ kuljum kif jista’ jkun meħtieġ b’mod raġonevoli sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi domestiċi tad-debitur u tal-membri tal-familja dipendenti tiegħu, b’mod partikolari friġġ, magna tal-ħasil, vacuum cleaner, forn jew forn microwave, heating plate għat-tisħin u għall-preparazzjoni ta’ ikliet, sodod, mejda u siġġijiet f’numri neċessarji għad-debitur u għall-membri tal-familja tiegħu, u sors tad-dawl wieħed għal kull kamra, sakemm dawn l-oġġetti li l-valur tagħhom jisboq b’mod sinifikanti l-valur medju ta’ oġġetti ġodda tat-tip rilevanti;
  2. ilbies tali kif jista’ jkun meħtieġ mid-debitur sabiex iwettaq id-dmirijiet pubbliċi jew professjonali tiegħu;
  3. ikel u provvisti ta’ fjuwil kif jista’ jkun meħtieġ sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tad-debitur u l-membri dipendenti tal-familja tiegħu għal perjodu ta’ xahar;
  4. baqra waħda, żewġ mogħżiet jew tliet nagħġiet meħtieġa għas-sussistenza tad-debitur u tad-dipendenti tiegħu, bi provvista suffiċjenti ta’ għalf u ta’ marqad għas-sopravivenza sal-ħsad li jmiss;
  5. għodod u strumenti oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa għad-debitur sabiex iwettaq ix-xogħol bi ħlas, u materja prima kif jista’ jkun meħtieġ għall-proċess ta’ produzzjoni għal perjodu ta’ ġimgħa, minbarra vetturi bil-mutur.
  6. fil-każ li debitur jirċievi remunerazzjoni fissa fuq bażi perjodika – ammont ta’ remunerazzjoni li jikkorrispondi għall-parti mir-remunerazzjoni li ma hijiex soġġetta għal eżekuzzjoni għall-perjodu sad-data tal-pagament li jmiss u, fil-każ li debitur li ma jirċevix remunerazzjoni fissa – ammont li jikkorrispondi għal mezzi ta’ sussistenza għad-debitur u għall-membri tal-familja tiegħu għal perjodu ta’ ġimagħtejn;
  7. oġġetti jew tagħmir neċessarji għal finijiet edukattivi, dokumenti personali, oġġetti tad-tiżjin u oġġetti użati għal prattika reliġjuża, kif ukoll oġġetti ta’ kuljum li jistgħu jinbiegħu biss bi prezz ħafna anqas mill-valur oriġinali tagħhom, iżda b’valur għoli ta’ utilità għad-debitur;
  8. 8) prodotti mediċinali fit-tifsira tal-Att dwar il-Farmaċewtika tas-6 ta’ Settembru 2001 (Prawo farmaceutyczne) (Il-Ġurnal tal-Liġijiet tal-2008, Nru 45, il-punt 271, kif emendat) neċessarji sabiex jiżguraw il-funzjonament tajjeb ta’ entità tal-kura tas-saħħa skont it-tifsira tad-dispożizzjonijiet dwar l-attività medika għal perjodu ta’ 3 xhur, u l-apparat mediku neċessarju sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tagħha skont it-tifsira tal-Att dwar it-Tagħmir Mediku tal-20 ta’ Mejju 2010 (Ustawa o wyrobach medycznych) (Il-Ġurnal tal-Liġijiet Nru 107, il-punt 679; 2011/102, il-punt 586; u 2011/113, il-punt 657);
  9. oġġetti jew tagħmir ieħor neċessarju minħabba diżabilità tad-debitur jew tal-membri tal-familja tiegħu.

Skont l-Artikolu 831(1), dawn li ġejjin huma eżenti:

  1. il-ħlasijiet u l-benefiċċji in natura mwarrba sabiex ikopru l-ispejjeż jew l-ispejjeż tal-ivvjaġġar minħabba xogħol;
  2. is-somom allokati mit-Teżor għal skopijiet speċjali (b’mod partikolari boroż ta’ studju u skemi ta’ appoġġ), sakemm il-pretensjoni eżegwita ma tkunx stabbilita għal dawn l-għanijiet jew tkun ir-riżultat ta’ obbligi ta’ manteniment;
  3. ir-riżorsi mill-programmi ffinanzjati mill-fondi msemmija fl-Artikolu 5(1)(2) u (3) tal-Att dwar il-Finanzi Pubbliċi tas-27 ta’ Awwissu 2009 (Ustawa o finansach publicznych) (Il-Ġurnal tal-Liġijiet tal-2013, il-punti 885, 938 u 1646), sakemm il-pretensjoni eżegwita ma tkunx ġiet stabbilita għall-implimentazzjoni tal-proġett li għalih ġew allokati dawn il-fondi;
  4. drittijiet inaljenabbli, sakemm ma jsirux trasferibbli skont il-ftehim, u s-servizzi pprovduti jistgħu jiġu eżegwiti jew l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jista’ jiġi fdat lil entità oħra;
  5. benefiċċji tal-assigurazzjoni personali u pretensjonijiet tal-assigurazzjoni tal-proprjetà, fil-limiti definiti, permezz ta’ regolament, mill-Ministru tal-Finanzi u mill-Ministru tal-Ġustizzja; dan ma japplikax għal miżuri ta’ eżekuzzjoni li jissodisfaw il-pretensjonijiet li jirriżultaw minn obbligi ta’ manteniment;
  6. assistenza soċjali skont it-tifsira tal-Att dwar l-Assistenza Soċjali tat-12 ta’ Marzu 2004 (Ustawa o pomocy społecznej) (Il-Ġurnal tal-Liġijiet 2013, il-punt 182, kif emendat);
  7. ammonti pagabbli lid-debitur mill-baġit tal-Istat jew mill-Fond Nazzjonali tas-Saħħa għall-għoti ta’ benefiċċji tal-kura tas-saħħa skont it-tifsira tal-Att dwar il-Kura tas-Saħħa Ffinanzjata Pubblikament tas-27 ta’ Awwissu 2004 (Ustawa o świadczeniach opieki zdrowotnej finansowanych ze środków publicznych) (Il-Ġurnal tal-Liġijiet 2008/164, il-punt 1027, kif emendat) qabel it-terminazzjoni ta’ tali benefiċċji, f’ammont li jikkorrispondi għal 75 % ta’ kull pagament, sakemm dawn ma jkunux pretensjonijiet mill-impjegati tad-debitur jew minn fornituri tal-kura tas-saħħa kif imsemmi fl-Artikolu 5(41)(a) u (b) tal-Att dwar il-Kura tas-Saħħa Ffinanzjata Pubblikament tas-27 ta’ Awwissu 2004;
  8. ammonti mogħtijin b’deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jekk il-pretensjoni tkun dovuta lit-Teżor tal-Istat;
  9. benefiċċji ta’ riabilitazzjoni skont it-tifsira tal-Att dwar l-Impjiegi Soċjali tat-13 ta’ Ġunju 2003 (Ustawa o zatrudnieniu socjalnym) (Il-Ġurnal tal-Liġijiet 2020, il-punt 176);
  10. ammonti pagabbli lil kooperattiva tal-akkomodazzjoni mill-membri tagħha u minn dawk li ma humiex membri li għandhom drittijiet kooperattivi għall-bini jew li huma sidien ta’ bini, fir-rigward tat-tariffi msemmijin fl-Artikolu 4 tal-Att dwar il-Kooperattivi tal-Akkomodazzjoni tal-15 ta’ Diċembru 2000 (Il-Ġurnal tal-Liġijiet tal-2021, il-punt 1208), kif ukoll ir-riżorsi għad-dispożizzjoni tal-kooperattiva b’rabta mal-pagament ta’ dawk it-tariffi, sakemm il-pretensjoni soġġetta għall-eżekuzzjoni ma tkunx irriżultat minħabba l-ħlas mill-kreditur tal-pretensjonijiet li għandhom jiġu eżegwiti mit-tariffi msemmijin fl-Artikolu 4 ta’ dak l-Att.

Skont l-Artikolu 833(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, ir-remunerazzjoni għax-xogħol hija eżegwibbli kif speċifikat fil-Kodiċi tax-Xogħol tas-26 ta’ Ġunju 1974 (Il-Ġurnal tal-Liġijiet tal-2020, il-punt 1320). Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw mutatis mutandis għal benefiċċji tal-qgħad, għall-ħlas ta’ inċentivi, għal boroż ta’ studju u għal benefiċċji għal taħriġ pagabbli fil-kuntest ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw il-promozzjoni tal-impjiegi u l-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol.

Skont l-Artikolu 87(1)(1) tal-Kodiċi tax-Xogħol, l-ammonti ta’ remunerazzjoni li ġejjin ma humiex soġġetti għal kwalunkwe tnaqqis:

(1) il-paga minima stabbilita skont dispożizzjonijiet separati, pagabbli lil persuni impjegati full-time, wara t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tat-taxxi minn ras l-għajn, nieqes l-ammonti eżegwiti minn titoli eżegwibbli sabiex jiġu saldati pretensjonijiet għajr ħlasijiet ta’ manteniment;

(2) 75 % tar-remunerazzjoni speċifikata fil-paragrafu 1 – wara t-tnaqqis ta’ avvanzi ta’ flus mogħtijin lill-impjegat;

(3) 90 % tar-remunerazzjoni speċifikata fil-paragrafu 1 – wara t-tnaqqis tal-multi previsti fl-Artikolu 108 tal-Kodiċi tax-Xogħol.

Jekk l-impjegat jaħdem fuq bażi part-time, l-ammonti jitnaqqsu b’mod proporzjonali għas-sigħat tax-xogħol.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 25/06/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.