Kif tinforza deċiżjoni ta’ qorti

Portugall
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?

L-eżekuzzjoni f’materji ċivili u kummerċjali tikkonsisti f’azzjoni legali mressqa minn kreditur jew parti li titlob l-eżekuzzjoni kontra debitur jew persuna li kontriha qed tintalab l-eżekuzzjoni, fejn il-kreditur jitlob lill-qorti sabiex teżegwixxi l-konformità ma’ obbligu dovut lilu.

L-eżekuzzjoni jista’ jkollha tliet għanijiet: il-ħlas ta’ somma flus; il-konsenja ta’ oġġett speċifiku; jew it-twettiq jew in-nuqqas ta’ twettiq ta’ att.

L-eżekuzzjoni tista’ tieħu l-forma ta’ proċedimenti legali standard (li jistgħu jkunu ordinarji, sommarji jew singulari) jew proċedimenti speċjali.

Il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni kollha għall-ħlas ta’ somma flus jieħdu l-forma ta’ proċedimenti legali standard ordinarji bl-eċċezzjoni ta’ dawk elenkati hawn taħt, li jieħdu l-forma ta’ proċedimenti sommarji, u proċedimenti ta’ eżekuzzjoni relatati mal-manteniment, li jieħdu l-forma ta’ proċedimenti speċjali.

Il-proċedimenti sommarji jintużaw fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni għall-ħlas ta’ somma flus ibbażat fuq dawn li ġejjin:

  • deċiżjoni ta’ arbitraġġ jew sentenza tal-qorti f’każijiet fejn tali deċiżjoni jew sentenza ma tkunx tista’ tiġi eżegwita fl-azzjoni legali stess;
  • rikors għal ordni ta’ ħlas li jkollu titolu eżekuttiv anness miegħu;
  • titolu eżekuttiv ekstraġudizzjarju relatat ma’ obbligu pekunjarju dovut, iggarantit permezz ta’ ipoteka jew rahan;
  • titolu eżekuttiv ekstraġudizzjarju relatat ma’ obbligu pekunjarju dovut, li l-valur tiegħu ma jaqbiżx id-doppju tal-valur li l-qorti tal-prim’istanza għandha l-ġuriżdizzjoni fuqu.

Anke meta jkun involut wieħed mit-titoli eżekuttivi msemmija hawn fuq, tkun applikabbli l-forma ordinarja aktar milli l-forma sommarja fil-każijiet li ġejjin:

  • l-eżekuzzjoni ta’ obbligu alternattiv, li jkun dipendenti fuq opzjoni jew kundizzjoni;
  • meta l-obbligu li jkun irid jiġi eżegwit ikun jeħtieġ saldu fl-istadju tal-eżekuzzjoni u s-saldu ma jiddependix fuq kalkolu aritmetiku sempliċi;
  • meta jkun hemm titolu eżekuttiv li ma jkunx sentenza kontra wieħed biss mill-konjuġi, u l-parti li tkun qed titlob l-eżekuzzjoni fir-rikors għall-eżekuzzjoni ssostni li d-dejn ikun konġunt;
  • fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni mibdija kontra debitur sussidjarju biss li ma jkunx irrinunzja l-eċċezzjoni tal-eskussjoni (benefício da excussão prévia).

Il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni relatati mal-konsenja ta’ oġġett speċifiku u għat-twettiq ta’ att jieħdu l-forma ta’ proċediment standard uniku.

L-eżekuzzjoni għall-konsenja ta’ oġġett speċifiku tista’ tiġi kkonvertita f’eżekuzzjoni għall-ħlas ta’ somma flus meta l-oġġett li l-parti li tkun qed titlob l-eżekuzzjoni tiegħu ma jkunx jista’ jinstab. F’dak il-każ, il-parti li titlob l-eżekuzzjoni tista’, fl-istess proċedimenti, titlob il-ħlas tal-valur tal-oġġett li kellu jiġi kkonsenjat u t-telf li jirriżulta min-nuqqas ta’ konsenja tiegħu.

L-eżekuzzjoni tat-twettiq ta’ att tista’ tiġi kkonvertita f’eżekuzzjoni għall-ħlas ta’ somma flus jekk il-parti li titlob l-eżekuzzjoni titlob indennizz u l-ħlas tal-ammont inkwistjoni.

L-eżekuzzjoni fir-rigward ta’ manteniment isegwi forma ta’ proċedimenti speċjali billi:

  • il-parti li titlob l-eżekuzzjoni tista’ titlob li tingħata parti mill-ammonti, is-salarju jew il-ħlasijiet tal-pensjoni li tirċievi l-persuna li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni, jew li tiġi allokata l-kirjiet li jappartjenu lid-debitur għall-ħlasijiet dovuti jew li jsiru dovuti, u l-għoti jew iċ-ċessjoni tagħhom huma indipendenti mill-qbid;
  • meta l-parti li titlob l-eżekuzzjoni titlob li tingħata l-ammonti, is-salarju jew il-ħlasijiet tal-pensjoni msemmija hawn fuq, l-entità responsabbli sabiex tħallashom jew għall-ipproċessar tal-pagi rispettivi tiġi nnotifikata li trid tħallas l-ammont mogħti direttament lill-parti li tkun qed titlob l-eżekuzzjoni;
  • meta parti li titlob l-eżekuzzjoni titlob iċ-ċessjoni tal-kirjiet, hija għandha tindika l-assi li tapplika għalihom, u l-aġent tal-eżekuzzjoni jwettaqha fir-rigward tal-assi li jqis li jkunu biżżejjed sabiex jiġu ssodisfati l-ħlasijiet dovuti u li jkunu se jsiru dovuti. Il-persuna li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni tista’ tinstema’ għal dan l-għan;
  • il-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni dejjem titħarrek wara li jkun twettaq il-qbid, u l-oġġezzjoni tagħha għall-eżekuzzjoni jew għall-qbid ma tissospendix l-eżekuzzjoni.

Il-proċedura tal-eżekuzzjoni hija stabbilita fl-Artikoli 550 u 551 (Forom tal-Proċedura - Proċedura tal-eżekuzzjoni), 703 sa 877 (Proċedura tal-eżekuzzjoni) u l-Artikoli 933 sa 937 (Eżekuzzjoni speċjali fir-rigward tal-manteniment) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Código de Processo Civil), li jistgħu jiġu kkonsultati permezz ta’ din il-link.

2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?

L-awtoritajiet kompetenti għall-eżekuzzjoni huma l-qrati u l-aġenti tal-eżekuzzjoni.

L-eżekuzzjoni innifisha sseħħ permezz ta’ proċess ta’ eżekuzzjoni ġudizzjarja fejn il-qrati jkunu l-awtoritajiet kompetenti u jkunu assistiti minn aġenti tal-eżekuzzjoni. Minbarra l-proċess ġudizzjarju, il-liġi tipprevedi wkoll għal “proċedura ekstraġudizzjarja ta’ qabel l-eżekuzzjoni” (procedimento extrajudicial pré-executivo), li hija fakultattiva u li l-kreditur jista’ juża meta jiġu ssodisfati ċerti rekwiżiti. L-awtoritajiet kompetenti għall-proċedura ekstraġudizzjarja ta’ qabel l-eżekuzzjoni huma aġenti tal-eżekuzzjoni.

Proċedura ta’ Eżekuzzjoni Ġudizzjarja

L-eżekuzzjoni tibda bil-preżentata tar-rikors għall-eżekuzzjoni fil-qorti. Il-mudell u t-termini tal-preżentata tar-rikors għall-eżekuzzjoni huma stabbiliti f’Ordni tal-Gvern, jiġifieri l-Ordni tal-Gvern Nru 282/2013 tad-29 ta’ Awwissu 2013 (fl-2020, meta din l-iskeda informattiva ġiet riveduta), li tista’ tiġi kkonsultata permezz ta’ din il-link.

Il-formoli li jridu jintużaw mill-parti li titlob l-eżekuzzjoni għal eżekuzzjoni li ma tkunx teħtieġ rappreżentanza legali minn avukat, avukat apprendist jew aġent legali jinsabu fil-Portal CITIUS

L-aġent tal-eżekuzzjoni għandu jinħatar mill-parti li titlob l-eżekuzzjoni. Jekk il-parti msemmija ma tagħmilx hekk, ir-reġistratur tal-qorti jaħtar aġent tal-eżekuzzjoni awtomatikament u b’mod aleatorju. F’każijiet eċċezzjonali previsti fil-liġi, id-dmirijiet ta’ aġent tal-eżekuzzjoni jistgħu jitwettqu minn uffiċjal ġudizzjarju.

B’mod ġenerali, it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qorti u l-aġent tal-eżekuzzjoni huwa kif ġej:

  • Hija r-responsabbiltà tal-aġent tal-eżekuzzjoni li jwettaq il-formalitajiet kollha tal-eżekuzzjoni li ma humiex assenjati lir-reġistratur jew li ma humiex fil-kompetenza tal-imħallef, inkluż b’mod aktar speċifiku, it-taħrik, in-notifiki, il-pubblikazzjoni, il-konsultazzjoni tal-bażi tad-data, il-qbid u r-reġistru tal-qbid, tas-saldi u tal-ħlasijiet.
  • Anke meta kawża ma tasalx għal sentenza, l-aġent tal-eżekuzzjoni għandu jiżgura li l-atti li jirriżultaw mill-kawża li jirrikjedu l-intervent tiegħu jitwettqu.
  • Minbarra l-kompetenzi espressament attribwiti mil-liġi, hija r-responsabbiltà tar-reġistratur tal-qorti li jiżgura l-andament bla xkiel tal-kwistjonijiet amministrattivi u t-trattament tal-proċess u li jimplimenta l-ordnijiet ġudizzjarji, kemm fir-rigward tal-fażi preliminari kif ukoll tal-proċedimenti dikjaratorji jew tal-passi relatati mat-taħrika, li hija r-responsabbiltà tal-aġent tal-eżekuzzjoni.
  • Hija wkoll ir-responsabbiltà tar-reġistratur tal-qorti li jinnotifika lill-aġent tal-eżekuzzjoni b’mod mhux uffiċjali bil-proċeduri jew bil-passi dikjaratorji pendenti u l-att rispettiv imwettaq li jista’ jinfluwenza l-proċedimenti.

B’mod partikolari,

hija r-responsabbiltà tal-imħallef li:

  • joħroġ mandat ta’ inibizzjoni preliminari, jekk ikun meħtieġ;
  • jiddeċiedi dwar l-oġġezzjoni għall-eżekuzzjoni u l-qbid u jivverifika u jikklassifika l-pretensjonijiet fi żmien massimu ta’ tliet xhur minn dakinhar li tkun ġiet ippreżentata l-oġġezzjoni jew il-pretensjoni;
  • jiddeċiedi, mingħajr ebda appell possibbli, dwar kontestazzjonijiet għall-miżuri u d-deċiżjonijiet tal-aġent tal-eżekuzzjoni;
  • jiddeċiedi dwar kwistjonijiet oħra mqajma mill-aġent tal-eżekuzzjoni, minn partijiet jew minn terzi li jintervjenu.

Hija r-responsabbiltà tal-aġent tal-eżekuzzjoni li:

  • jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiġi vverifikata l-legalità tat-titolu eżekuttiv u jikkonsulta r-reġistru kompjuterizzat tal-eżekuzzjonijiet u l-bażijiet ta’ data online li jistgħu jiġu kkonsultati direttament sabiex jiġu stabbiliti l-assi li jistgħu jinqabdu;
  • jinnotifika taħrika lill-persuna li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni, inklużi każijiet fejn il-persuna kkonċernata titħarrek sabiex tindika l-assi għall-qbid meta ma jkunu ġew identifikati l-ebda assi li jistgħu jinqabdu;
  • iwettaq il-qbid u l-kwotazzjonijiet li jseħħu wara li jkun sar il-qbid;
  • iwettaq il-bejgħ, is-saldu u l-ħlas.

Għall-proċeduri ta’ eżekuzzjoni istigati fil-Portugall, il-ġuriżdizzjoni ratione materiae tal-qrati hija kif ġej:

(L-Artikoli 111 sa 131 tal-Liġi Nru 62/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013, li jistgħu jiġu kkonsultati permezz ta’ din il-link)

  • L-awli tal-eżekuzzjoni tal-Qorti Distrettwali ċentrali (Instância Central do Tribunal de Comarca) għandhom il-ġuriżdizzjoni għal proċedimenti ta’ eżekuzzjoni ċivili, bl-eċċezzjoni ta’: kompetenzi mogħtija lill-qorti tal-proprjetà intellettwali, lill-qorti għall-kompetizzjoni, ir-regolazzjoni u s-superviżjoni, lill-qorti marittima, lill-qrati tal-familja u tal-minorenni, lill-qrati industrijali, lill-qrati kummerċjali, kif ukoll l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija mill-qorti kriminali li, skont il-proċedimenti kriminali, ma jistgħux jitressqu quddiem qorti ċivili.
  • Meta ma jkun hemm l-ebda qorti tal-eżekuzzjoni jew qorti differenti jew qorti speċjalizzata li jkollha l-ġuriżdizzjoni, il-qrati b’ġuriżdizzjoni ġenerali (jew, meta jkun hemm, il-qorti ċivili rispettiva) tal-Qorti Distrettwali lokali (Instância Local do Tribunal de Comarca) ikollhom il-ġuriżdizzjoni.

Il-ġuriżdizzjoni territorjali tal-qrati Portugiżi sabiex jinbdew proċedimenti ta’ eżekuzzjoni hija kif ġej (l-Artikoli 85 sa 90 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, li jistgħu jiġu kkonsultati permezz ta’ din il-link)

  • Bħala regola ġenerali, il-qorti tad-domiċilju tal-persuna li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni għandha l-ġuriżdizzjoni għall-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dispożizzjoni legali speċifika jew fir-regoli li ġejjin.
  • Il-parti li titlob l-eżekuzzjoni tista’ tagħżel il-qorti tal-post fejn irid jiġi ssodisfat l-obbligu meta l-persuna li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni tkun persuna ġuridika jew meta d-domiċilju tal-parti li titlob l-eżekuzzjoni ikun f’żona metropolitana ta’ Lisbona jew Porto u l-persuna li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni tkun domiċiljata fl-istess żona metropolitana.
  • Jekk l-eżekuzzjoni tkun tikkonċerna t-trasferiment ta’ ċertu oġġett jew ta’ dejn b’garanzija in rem, ikollha l-ġuriżdizzjoni l-qorti tal-post fejn jinsab l-oġġett jew il-post fejn jinsabu l-assi gravati, rispettivament.
  • Meta l-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jkunu jridu jinbdew fil-qorti tal-post tad-domiċilju tal-persuna li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni, u dik il-persuna ma tkunx residenti fil-Portugall iżda jkollha xi assi hemmhekk, ikollha l-ġuriżdizzjoni l-qorti tal-post fejn jinsabu dawk l-assi.
  • Il-qorti tal-post fejn jinsabu l-assi jkollha l-ġuriżdizzjoni wkoll meta: l-eżekuzzjoni trid tinbeda f’qorti Portugiża peress li hija marbuta mal-validità tat-twaqqif/l-istralċ ta’ kumpaniji/persuni ġuridiċi oħra b’uffiċċju reġistrat fil-Portugall, jew il-validità tad-deċiżjonijiet tal-korpi korporattivi tagħhom; u ma tirriżulta l-ebda waħda mis-sitwazzjonijiet previsti fir-regoli preċedenti jew li ġejjin dwar l-eżekuzzjoni.
  • F’każijiet li jinvolvu diversi proċeduri ta’ eżekuzzjoni li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni territorjali ta’ qrati differenti, għandha ġuriżdizzjoni l-qorti tal-post tad-domiċilju tal-parti li kontriha qed tintalab l-eżekuzzjoni.
  • Fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mill-qrati Portugiżi, ir-rikors għall-eżekuzzjoni jsir bħala parti mill-proċedimenti li fihom ingħatat id-deċiżjoni, u l-eżekuzzjoni tiġi rreġistrata fl-istess atti tal-kawża. Jekk il-kawża tkun sussegwentement marret għall-appell, tiġi trasferita kopja tal-atti. Meta qorti speċjalizzata jkollha ġuriżdizzjoni għall-eżekuzzjoni, jeħtieġ li kopja tas-sentenza, ir-rikors li wassal għall-eżekuzzjoni u d-dokumenti ta’ akkumpanjament jintbagħtu lil din it-taqsima speċjalizzata kemm jista’ jkun malajr.
  • Jekk id-deċiżjoni tkun ingħatat minn arbitri fi proċedura ta’ arbitraġġ li saret fil-Portugall, il-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni għall-eżekuzzjoni hija l-qorti distrettwali tal-post fejn tkun saret il-proċedura tal-arbitraġġ.
  • Jekk il-kawża tinbeda quddiem il-qorti tal-appell jew il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja, ikollha l-ġuriżdizzjoni l-qorti tad-domiċilju tad-debitur.
  • Fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni relatati ma’ spejjeż, multi jew kumpens dovuti minħabba litigazzjoni abbużiva, ikollha l-ġuriżdizzjoni l-qorti fejn il-proċedimenti waslu għan-notifika tal-kont jew ftehim rispettiv. Proċedimenti ta’ eżekuzzjoni relatati ma’ spejjeż, multi jew kumpens iseħħu permezz ta’ sejħa ta’ terza persuna fil-kawża rispettiva;
  • Meta l-ordni dwar l-ispejjeż, il-multi jew il-kumpens issir minn qorti tal-appell jew mill-Qorti Suprema tal-Ġustizzja, l-eżekuzzjoni taqa’ taħt il-qorti tal-prim’istanza li għandha l-ġuriżdizzjoni fuq iż-żona fejn qed tinstema’ l-kawża.
  • Għal eżekuzzjoni bbażata fuq sentenza barranija, inkluż Ordni Ewropew ta’ Infurzar, ikollha l-ġuriżdizzjoni l-qorti tad-domiċilju tal-intimat;

Proċedura ekstraġudizzjarja ta’ qabel l-eżekuzzjoni

Bħala alternattiva għall-proċedura ġudizzjarja, il-kredituri jistgħu jagħżlu li jużaw proċedura amministrattiva minn qabel magħrufa bħala PEPEX (procedimento extrajudicial pré-executivo (proċedura ekstraġudizzjarja ta’ qabel l-eżekuzzjoni)).

L-aġenti tal-eżekuzzjoni huma l-awtorità kompetenti li twettaq il-miżuri skont din il-proċedura.

Huwa possibbli li wieħed juża l-PEPEX f’każijiet ta’: sentenzi ta’ eżekuzzjoni nazzjonali; titoli eżekuttivi nazzjonali oħrajn; sentenzi barranin iddikjarati li huma eżegwibbli; sentenzi li l-eżegwibbiltà tagħhom tirriżulta minn leġiżlazzjoni tal-UE, trattati jew konvenzjonijiet li jorbtu lill-Portugall; Ordnijiet Ewropej ta’ infurzar. Fi kwalunkwe każ, ir-rekwiżiti li ġejjin għandhom jiġu ssodisfati t-tnejn li huma:

  • il-kreditur għandu jkollu titolu eżekuttiv li jissodisfa r-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-forma sommarja tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni standard għall-ħlas ta’ somma flus; u
  • kemm ir-rikorrent kif ukoll l-intimat għandhom ikollhom numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa fil-Portugall, irrispettivament min-nazzjonalità jew ir-residenza tagħhom.

L-aġenti tal-eżekuzzjoni jwettqu t-tiftix fuq l-assi u l-introjtu billi jużaw in-numru tat-taxxa tal-intimat u jistgħu jagħmlu dan biss f’bażijiet tad-data Portugiżi (ma jistgħux jikkonsultaw bażijiet tad-data ta’ Stati Membri oħrajn). Il-leġiżlazzjoni Portugiża tippermetti lill-persuni barranin kemm ġuridiċi kif ukoll fiżiċi biex japplikaw għal numru tat-taxxa anke jekk ma jeżerċitaw l-ebda attività jew ma jkollhomx id-domiċilju tagħhom fil-Portugall.

Il-PEPEX hija proċedura elettronika mingħajr karti, li hija veloċi u orħos mill-proċedimenti ġudizzjarji. Ir-rikors promotur jiġi ppreżentat direttament mill-kreditur billi tiġi aċċessata l-pjattaforma tal-IT li ġejja:

L-aċċess għall-portal tal-awtorità tat-taxxa u doganali jinkiseb permezz tal-kredenzjali tal-aċċess jew permezz taċ-ċertifikat diġitali tal-“karta taċ-ċittadin” (cartão de cidadão).

Meta kreditur jaħtar rappreżentant awtorizzat, l-avukati (Advogados) u l-aġenti legali (Solicitadores) jistgħu jaċċessaw il-pjattaforma billi jużaw ċertifikat diġitali maħruġ apposta mill-korpi professjonali rispettivi tagħhom.

Meta jiġi ppreżentat ir-rikors, il-proċedura tiġi assenjata awtomatikament lil aġent tal-eżekuzzjoni u l-kredituri jingħataw malajr (bħala regola, fi żmien ħamest ijiem wara li jkun ġie ppreżentat ir-rikors) l-informazzjoni dwar il-possibbiltà reali li jirkupraw il-flus dovuti lilhom jew iċ-ċertifikazzjoni li ma jistgħux jinġabru għall-finijiet tat-taxxa, mingħajr il-ħtieġa li jinbdew proċedimenti ġudizzjarji.

L-għan ewlieni ta’ din il-proċedura huwa li l-ħlas isir volontarjament. Ma jistax ikun hemm miżuri ta’ sekwestru/qbid bil-proċedura tal-PEPEX. Biex dan isir, il-proċedura tal-PEPEX trid tiġi kkonvertita fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni.

Matul proċedura tal-PEPEX, id-destinatarju tar-rikors jista’ jħallas volontarjament jew jilħaq ftehim dwar il-ħlas mar-rikorrent.

Kull meta rikorrent jagħżel notifika ta’ avviż lill-parti l-oħra, dan jiġi nnotifikat personalment minn aġent tal-eżekuzzjoni.

Id-destinatarji ta’ rikors li jiġu nnotifikati b’mod validu bil-proċedura u li ma jieħdu l-ebda azzjoni jiġu inklużi fil-lista pubblika tad-debituri, u ċ-ċertifikat imsemmi hawn fuq ta’ nuqqas ta’ ġbir ikun jista’ għalhekk jinħareġ għal finijiet legali u fiskali. Aktar tard, ladarba jsir il-ħlas sħiħ tal-pretensjoni, din is-sitwazzjoni titreġġa’ lura bit-tneħħija ta’ isem id-debitur mil-lista u n-notifika tal-awtorità tat-taxxa.

Fi proċedura tal-PEPEX, il-partijiet jistgħu jitolbu l-intervent ta’ mħallef: ir-rikorrent jista’ jikkonverti l-proċedura tal-PEPEX fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni meta l-ħlas volontarju ma jkunx inkiseb; id-destinatarju tar-rikors jista’ jagħmel hekk billi joġġezzjona għall-proċedura tal-PEPEX.

Fir-rigward tal-ispejjeż, il-proċedura tal-PEPEX hija inqas għalja minn proċedimenti ġudizzjarji. Għal EUR 51.00 flimkien mal-ħlas tal-VAT, il-kredituri jistgħu jiskopru jekk l-irkupru tal-pretensjoni tagħhom huwiex vijabbli, irrispettivament mill-valur tat-pretensjoni. Jekk il-flus dovuti jitħallsu, l-ispejjeż jistgħu jkunu ogħla minn EUR 51.00, skont il-każ.

Ta’ min jinnota wkoll li, jekk il-proċedura tal-PEPEX tiġi kkonvertita fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, il-kredituri jkunu eżenti mill-ħlas tat-tariffa inizjali tal-qorti.

Il-proċedura tal-PEPEX hija prevista mil-Liġi Nru 32/2014 tat-30 ta’ Mejju 2014, li tista’ tiġi kkonsultata permezz ta’ din il-link u hija regolata mill-Ordni Nru 233/2014 tal-14 ta’ Novembru 2014, li tista’ tiġi kkonsultata fl-Ordni Pepex

3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?

3.1 Il-proċedura

Il-proċedura tal-eżekuzzjoni kollha hija bbażata fuq ordni li tiddetermina l-fini u l-limiti tal-azzjoni għall-eżekuzzjoni. L-ordnijiet tal-eżekuzzjoni huma meqjusa li jinkludu mgħax ta’ ħlas tardiv, bir-rata legali, fuq l-ammont tal-obbligu.

Is-sentenzi huma eżegwibbli u l-ordnijiet ta’ eżekuzzjoni jistgħu jingħataw fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

a) Sentenzi kontra l-intimat

  • Sentenza titqies li tkun titolu eżekuttiv biss wara li ssir definittiva, ħlief jekk l-appell imressaq kontriha ma jkollux effett sospensiv;
  • Mill-perspettiva tal-eżegwibbiltà, ordnijiet u kwalunkwe deċiżjoni jew att ieħor minn awtorità ġudizzjarja li jitolbu l-konformità ma’ obbligu huma ekwivalenti għal sentenzi. Id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Arbitraġġ (Tribunal Arbitral) huma eżegwibbli bl-istess termini bħas-sentenzi tal-qrati ordinarji.
  • Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, il-konvenzjonijiet, ir-Regolamenti tal-UE u l-liġijiet speċjali, is-sentenzi mogħtija mill-qrati jew mill-arbitri f’pajjiżi barranin jistgħu jservu ta’ bażi għall-eżekuzzjoni biss wara li jkunu ġew riveduti u kkonfermati mill-qorti Portugiża li jkollha l-ġuriżdizzjoni;
  • Ordnijiet mogħtija f’pajjiżi barranin ma jeħtiġux reviżjoni sabiex ikunu eżegwibbli.

b) Dokumenti fformulati jew iċċertifikati minn nutar jew entitajiet jew professjonisti oħrajn b’kompetenza għal dik il-fini, li jservu sabiex jistabbilixxu jew jirrikonoxxu kwalunkwe obbligu

  • Id-dokumenti fformulati jew iċċertifikati minn nutar jew entitajiet jew professjonisti oħrajn b’kompetenza għal dik il-fini, li fihom ikun hemm qbil dwar ħlasijiet futuri jew jiġu stabbiliti obbligi futuri, jistgħu jservu bħala bażi għall-eżekuzzjoni, sakemm ikun ippruvat, minn dokument imfassal b’konformità mal-klawżoli stabbiliti f’dawn id-dokumenti jew, f’każ li ma jkunx hemm klawżoli minn dawn, minn dokument li jkollu l-eżegwibbiltà tiegħu stess, li jkun sar ħlas għall-konklużjoni ta’ ftehim tan-negozju jew li kien stabbilit obbligu b’konsegwenza ta’ ftehim bejn il-partijiet;
  • Kull dokument iffirmat f’isem ħaddieħor ikun eżegwibbli biss jekk il-firma tkun iċċertifikata minn nutar jew entitajiet jew professjonisti oħrajn b’kompetenza sabiex jagħmlu dan.

c) Strumenti ta’ dejn, anke jekk sempliċement miktuba bl-idejn, sakemm, f’dan il-każ, il-fatti li jikkostitwixxu r-relazzjoni sottostanti jidhru fid-dokument inniffsu jew jiġu spjegati fir-rikors għall-eżekuzzjoni

  • Strumenti ta’ dejn jinkludu ċekkijiet, kambjali u ċedoli.

d) Dokumenti li għalihom l-eżegwibbiltà hija attribwita taħt dispożizzjoni speċjali

  • Pereżempju, ir-rikorsi għal ordni li magħhom ġew annessi ordni ta’ eżekuzzjoni u l-minuti tal-laqgħat tal-kondominju.

3.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Fir-rigward tal-pretensjoni

Il-pretensjoni li għandha tiġi eżegwita trid tkun ċerta, dovuta u ta’ ammont fiss. Jekk ma jkunx hekk fir-rigward tal-istrument, l-eżekuzzjoni tibda b’miżuri sabiex jagħmlu l-obbligu ċert, dovut u ta’ ammont fiss.

Fir-rigward tal-kreditur

Il-pretensjoni li għandha tiġi eżegwita trid issir mill-persuna msemmija bħala l-kreditur fit-titolu eżekuttiv. Jekk it-titolu ikun garanzija tal-portatur, l-eżekuzzjoni tintalab mill-portatur tat-titolu.

Fil-każ ta’ suċċessjoni ta’ dritt jew obbligu, l-eżekuzzjoni trid issir bejn is-suċċessuri tal-persuni li jidhru fit-titolu bħala kreditur jew debitur tal-obbligu li jiġi eżegwit. Fir-rikors għall-eżekuzzjoni stess, il-parti li titlob l-eżekuzzjoni għandha tistabbilixxi l-fatti li jikkostitwixxu suċċessjoni.

Fir-rigward tad-debitur

L-eżekuzzjoni trid tintalab kontra l-persuna li tkun fil-pożizzjoni ta’ debitur fit-titolu.

L-assi tal-persuna li kontriha qed tintalab l-eżekuzzjoni jinqabdu anke jekk, għal xi raġuni, ikunu fil-pussess ta’ terza persuna, mingħajr preġudizzju, madankollu, għad-drittijiet li dik it-terza persuna tkun intitolata tasserixxi kontra l-parti li titlob l-eżekuzzjoni.

L-eżekuzzjoni ta’ dejn b’garanzija in rem fuq assi ta’ terza persuna trid tintalab direttament kontra t-terza persuna jekk il-parti li titlob l-eżekuzzjoni tkun tixtieq teżegwixxi l-garanzija, minkejja l-fatt li d-debitur jista’ wkoll jiġi mfittex immedjatament.

Meta l-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jinfetħu kontra terza persuna biss, u jkun magħruf li l-assi gravati mill-garanzija in rem ma jkunux biżżejjed, il-parti li titlob l-eżekuzzjoni tista’, fl-istess proċedimenti, titlob il-kontinwazzjoni tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni kontra d-debitur, li jiġi imfittex sabiex jissodisfa kompletament il-pretensjoni. Meta l-assi gravati jkunu tad-debitur iżda jkunu fil-pussess ta’ terza persuna, din tal-aħħar kif ukoll il-kreditur jistgħu jiġu mfittxija flimkien.

Fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni mressqa kontra debitur sussidjarju, l-assi tad-debitur sussidjarju ma jistgħux jinqabdu qabel ma jinqabdu l-assi kollha tad-debitur prinċipali, sakemm id-debitur sussidjarju jinvoka eċċezzjoni fondata tal-eskussjoni fi żmien il-perjodu ta’ oġġezzjoni għall-eżekuzzjoni.

Meta jinqabdu l-assi komuni ta’ koppja miżżewġa fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni mibdija kontra wieħed biss mill-konjuġi, minħabba li jitqies li l-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni ma jkollhiex biżżejjed assi, il-konjuġi tal-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni tingħata avviż sabiex titlob is-separazzjoni tal-assi jew li tipproduċi ċertifikat li juri li jkun hemm azzjoni pendenti fejn is-separazzjoni tkun diġà ntalbet, u fin-nuqqas ta’ dan, il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jkomplu kontra l-assi komuni.

Meta jinbdew proċedimenti ta’ eżekuzzjoni kontra wieħed mill-konjuġi, il-parti li titlob l-eżekuzzjoni tista’ tallega, filwaqt li tagħti r-raġunijiet, li d-dejn, irreġistrat fi strument li mhux is-sentenza, huwa konġunt. F’każijiet bħal dawn, il-konjuġi tal-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni tingħata avviż sabiex tiddikjara taċċettax li d-dejn huwa konġunt, abbażi tar-raġunijiet imressqa; inkella, jekk il-konjuġi jibqa’ sieket, id-dejn jitqies li huwa konġunt, mingħajr preġudizzju għal kull kontestazzjoni li jista’ jippreżenta.

Meta l-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jinfetħu kontra koproprjetarju wieħed jew aktar ta’ patrimonju awtonomu jew komuni, l-assi inklużi fil-patrimonju awtonomu jew frazzjoni minnu, jew parti speċifika mill-patrimonju komuni, ma jkunux jistgħu jinqabdu.

Meta l-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jinbdew kontra l-werrieta, jistgħu jinqabdu biss assi li jkunu ngħataw mid-deċedut. Meta l-qbid ikopri assi oħrajn, il-parti li kontriha ntalab il-qbid tista’ titlob lill-aġent tal-eżekuzzjoni jirrilaxxa l-proprjetà, u tindika liema assi tas-suċċessjoni jkollha fil-pussess tagħha. It-talba tintlaqa’ jekk il-parti li titlob l-eżekuzzjoni, wara li tkun instemgħet, ma toġġezzjonax. Jekk il-parti li titlob l-eżekuzzjoni toġġezzjona għar-rilaxx tal-proprjetà, il-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni tista’ tikseb ir-rilaxx tagħha biss jekk il-wirt ikun ġie aċċettat mingħajr kondizzjoni (mingħajr ma jkun infetaħ proċess ta’ inventarju) u sakemm tasserixxi u turi quddiem il-qorti: (a) li l-assi maqbuda ma ġewx mill-patrimonju; (b) li mill-patrimonju ma rċivitx iktar assi minn dawk indikati jew, jekk tkun irċiviet iktar, li dawk l-assi l-oħrajn intużaw sabiex iħallsu djun relatati mal-patrimonju.

Id-dispożizzjonijiet legali li fuqhom hija bbażata din l-iskema huma dawk imsemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija 1.

4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi

Il-miżuri ta’ eżekuzzjoni prinċipali huma:

  • - il-qbid;
  • - il-bejgħ;
  • - il-ħlas;
  • - il-konsenja ta’ oġġett;
  • - it-twettiq tal-att minn ħaddieħor bi spejjeż għall-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni.

Dawn il-miżuri ewlenin ta’ eżekuzzjoni jistgħu jkunu preċeduti jew segwiti minn miżuri strumentali oħra meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom (eż. għażla ta’ twettiq meta l-obbligu jkun alternattiv; prova li r-rekwiżit ġie ssodisfat jew li t-twettiq ta’ servizz li fuqu jiddependi l-obbligu li għandu jiġi eżegwit; likwidazzjoni tal-obbligu li għandu jiġi eżegwit meta ma jkunx likwidu; evalwazzjoni tal-ispiża tal-prestazzjoni funġibbli minn terza persuna; konsultazzjonijiet minn qabel sabiex jiġu lokalizzati u identifikati l-assi li jistgħu jiġu maqbuda; reġistrazzjoni tal-qbid; stabbiliment ta’ depożitarju għall-assi maqbuda; pubblikazzjoni tal-bejgħ tal-assi maqbuda; komunikazzjoni tal-bejgħ lill-uffiċċju tar-reġistrazzjoni).

L-għażla tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni tiddependi mill-iskop tal-eżekuzzjoni, li jista’ jkun: il-ħlas ta’ somma flus; il-konsenja ta’ oġġett speċifiku; jew it-twettiq ta’ att.

Fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni għall-ħlas ta’ somma flus, l-aktar miżuri ta’ eżekuzzjoni xierqa għall-iskop tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni huma l-qbid, il-bejgħ u l-ħlas.

Fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni għall-konsenja ta’ oġġett speċifiku, l-aktar il-miżura ta’ eżekuzzjoni xierqa għall-iskop tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni hija l-konsenja ta’ dak l-oġġett mill-aġent tal-eżekuzzjoni. Meta l-oġġett li għandha tirċievi l-parti li titlob l-eżekuzzjoni ma jkunx jista’ jinstab, hija tkun tista’ tikkonverti l-azzjoni fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni għall-ħlas ta’ somma flus permezz ta’ ħlas tal-valur tal-oġġett flimkien mad-danni li jirriżultaw min-nuqqas tal-konsenja.

Fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni għat-twettiq ta’ att, jista’ jkun hemm żewġ miżuri ta’ eżekuzzjoni alternattivi xierqa: jew twettiq ta’ att minn persuna oħra a spejjeż tal-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni, meta l-att ikun funġibbli, flimkien mal-kumpens għad-dewmien; jew il-ħlas ta’ kumpens għad-danni mġarrba, meta l-att ma jkunx funġibbli, li miegħu jista’ jiżdied il-ħlas ta’ penali. Meta l-parti li titlob l-eżekuzzjoni titlob kumpens għad-danni mġarrba, il-kawża tinbidel fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni għall-ħlas ta’ somma flus.

4.1 Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għall-eżekuzzjoni?

L-assi kollha tad-debitur li jistgħu jiġu maqbuda jistgħu jkunu suġġetti għal eżekuzzjoni.

L-eżekuzzjoni tista’ tkopri assi ta’ terzi meta jkunu marbuta ma’ garanzija tal-kreditu, jew meta jkunu s-suġġett ta’ att detrimentali għall-kreditur li l-kreditur ikun irnexxielu jikkontesta.

Jistgħu jinqabdu biss oġġetti u intitolamenti li jistgħu jiġu vvalutati fi flus. Assi li ma jagħmlux parti mill-kummerċ legali ma jistgħux jinqabdu.

Fir-rigward tar-regoli msemmija hawn fuq, l-assi li ġejjin jistgħu jkunu soġġetti għall-eżekuzzjoni:

  • Proprjetà immobbli
  • Proprjetà mobbli
  • Krediti
  • Titoli
  • Intitolamenti
  • Intitolamenti futuri
  • Depożiti bankarji
  • Allowances jew salarji
  • Assi indiviżibbli
  • Ishma f’kumpaniji
  • Stabbilimenti tan-negozju.

4.2 X’inhuma l-effetti tal-miżuri eżekuttivi?

Effetti tal-qbid

  • Bl-eċċezzjoni ta’ każijiet previsti speċifikament mil-liġi, il-parti li titlob l-eżekuzzjoni tikseb id-dritt, permezz tal-qbid, li titħallas bi prijorità fuq kwalunkwe kreditur ieħor li ma jkollux garanzija in rem ta’ klassifikazzjoni ogħla;
  • Jekk l-assi tal-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni jkunu nqabdu diġà, il-preċedenza tal-qbid tkun relatata mad-data ta’ meta nqabdu;
  • Mingħajr preġudizzju għar-regoli tar-reġistrazzjoni, kwalunkwe att ta’ disponiment, ta’ impożizzjoni ta’ piżijiet jew ta’ kiri ta’ assi maqbuda ma jistax jiġi invokat kontra l-eżekuzzjoni;
  • Meta kwalunkwe pretensjoni tad-debitur tkun maqbuda, it-tmiem tal-pretensjoni għal raġuni li tiddependi fuq ir-rieda tal-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni jew tad-debitur tagħha, li jkun seħħ wara l-qbid, lanqas ma jista’ jiġi invokat kontra l-eżekuzzjoni;
  • Il-ħlas sħiħ jew iċ-ċessjoni, qabel il-qbid, ta’ spejjeż ta’ kiri li jkunu għadhom ma humiex dovuti ma tistax tiġi invokata kontra l-parti li titlob l-eżekuzzjoni sa fejn dawn l-ispejjeż ta’ kiri jkunu relatati ma’ perjodi ta’ żmien li jkunu għadhom ma skadewx fid-data tal-qbid;
  • Jekk l-oġġett maqbud jintilef, jiġi esproprjat jew iġarrab tnaqqis fil-valur, u fi kwalunkwe każ ikun hemm xi kwistjoni ta’ kumpens minn terzi, il-parti li titlob l-eżekuzzjoni tibqa’ żżomm, fil-pretensjonijiet inkwistjoni jew fis-somom ta’ flus imħallsa bħala kumpens, id-dritt li kellha fuq l-oġġett.

Effetti tal-bejgħ

  • Bejgħ sfurzat jittrasferixxi lix-xerrej id-drittijiet li kellha l-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni fuq l-oġġett mibjugħ;
  • L-assi jiġu ttrasferiti liberi minn kull piż li jaggravahom u liberi minn kull dritt in rem ieħor li ma kienx ġie rreġistrat qabel kwalunkwe sekwestru, qbid jew garanzija, bl-eċċezzjoni ta’ dawk ikkostitwiti fi stadju preċedenti li jipproduċu effetti fir-rigward ta’ terzi irrispettivament mir-reġistrazzjoni;
  • Id-drittijiet tat-terzi msemmija hawn fuq li jiskadu jiġu ttrasferiti lejn ir-rikavat mill-bejgħ tal-assi kkonċernati.

Effetti tal-ħlas

  • Il-ħlas itemm l-eżekuzzjoni;
  • Il-ħlas jista’ jsir permezz ta’ ħlas monetarju, l-allokazzjoni ta’ assi lill-kreditur, iċ-ċessjoni ta’ introjtu jew ħlas bin-nifs permezz ta’ ftehim bejn il-parti li titlob l-eżekuzzjoni u l-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni.

Effetti tal-konsenja ta’ oġġett

  • Jekk il-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni ma tikkonsenjax volontarjament l-oġġett, alternattivament, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-qbid japplikaw mutatis mutandis għat-twettiq tal-konsenja, u jitwettqu t-tiftix u l-miżuri neċessarji l-oħrajn;
  • Il-konsenja tista’ tinvolvi assi li jappartjenu lill-Istat, lil persuni ġuridiċi pubbliċi oħrajn, lil konċessjonarji ta’ xogħlijiet jew servizzi pubbliċi jew korporazzjonijiet tal-karità;
  • Meta tkun kwistjoni ta’ proprjetà mobbli li tkun trid tiġi ddeterminata bl-għadd, bl-użin jew bil-kejl, l-aġent tal-eżekuzzjoni jeżiġi li l-operazzjonijiet essenzjali jitwettqu fil-preżenza tiegħu u jikkonsenja l-kwantità dovuta lill-parti li titlob l-eżekuzzjoni;
  • Meta tkun kwistjoni ta’ proprjetà immobbli, l-aġent tal-eżekuzzjoni jagħti s-sjieda lill-parti li titlob l-eżekuzzjoni billi jagħtiha d-dokumenti u ċ-ċwievet, jekk ikun hemm, u jinnotifika lill-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni, lill-kerrejja u lil kull min ikollu l-pussess sabiex ikun żgurat li jirrispettaw u jirrikonoxxu d-drittijiet tal-parti li titlob l-eżekuzzjoni;
  • Meta oġġett ikun b’koproprjetà ma’ partijiet interessati oħrajn, il-parti li titlob l-eżekuzzjoni tingħata s-sjieda tal-parti tiegħu;
  • Meta l-proprjetà tkun ir-residenza prinċipali tal-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni, jekk ikun hemm diffikultajiet serji fl-akkomodazzjoni mill-ġdid tagħha, l-aġent tal-eżekuzzjoni jinforma minn qabel b’dan lill-kunsill muniċipali u lill-korpi kompetenti mill-benessri;
  • Meta l-proprjetà tkun ir-residenza prinċipali tal-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni u tkun krietha, l-aġent tal-eżekuzzjoni jissospendi l-konsenja meta jintwera minn ċertifikat mediku, li jindika l-perjodu li matulu trid tinżamm is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, u li l-miżura tipperikola l-ħajja tal-persuna fil-post, minħabba mard akut.

Effetti tat-twettiq ta’ att

  • Jekk il-parti li titlob l-eżekuzzjoni tagħżel it-twettiq ta’ att minn persuna oħra, hija titlob li jinħatar espert sabiex jivvaluta l-ispejjeż sabiex isir hekk;
  • Ladarba titlesta l-valutazzjoni, jinqabdu l-assi neċessarji sabiex jitħallas l-ammont stabbilit, wara t-termini l-oħrajn tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni għall-ħlas ta’ somma flus;
  • Jekk id-debitur ikun meħtieġ li ma jwettaqx att u mbagħad iwettqu, il-kreditur ikollu d-dritt jitlob li x-xogħlijiet, jekk ikun hemm xogħlijiet kompluti, jitwaqqgħu a spejjeż tal-persuna li ma kellhiex twettaqhom;
  • Dan l-intitolament jieqaf, u l-kumpens jitħallas biss skont termini ġenerali, jekk il-ħsara mġarrba mid-debitur dovuta għat-twaqqigħ tkun konsiderevolment ogħla mill-ħsara mġarrba mill-kreditur.

4.3 X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn?

Il-bejgħ, il-ħlas, il-konsenja ta’ oġġett u t-twettiq ta’ att huma miżuri ta’ eżekuzzjoni li, ladarba jitwettqu, ma jkollhomx perjodu ta’ validità. L-istess japplika għall-qbid, għalkemm bl-ispeċifiċità indikata hawn taħt fir-rigward tal-qbid tal-assi soġġetti għar-reġistrazzjoni.

Fir-rigward tal-qbid ta’ proprjetà immobbli soġġetta għar-reġistrazzjoni, ir-reġistrazzjoni tal-qbid hija obbligatorja u trid issir mill-aġent tal-eżekuzzjoni. F’ċerti każijiet previsti espressament mil-liġi, ir-reġistrazzjoni tal-qbid trid titfassal bħala proviżorja. Meta dan iseħħ, ir-reġistrazzjoni proviżorja tiskadi jekk ma tiġix ikkonvertita f’reġistrazzjoni permanenti jew imġedda fil-limitu taż-żmien applikabbli. Għalhekk, fil-każ ta’ qbid ta’ assi suġġetti għar-reġistrazzjoni, li r-reġistrazzjoni tagħhom hija proviżorja, l-aġent tal-eżekuzzjoni għandu jiżgura li r-reġistrazzjoni proviżorja tiġi kkonvertita f’reġistrazzjoni permanenti, jekk sadanittant dan isir possibbli, jew jiġġedded għaż-żmien meħtieġ.

Fl-aħħar nett, il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni li jkunu nfetħu jistgħu jintemmu fl-istadju tad-diliġenza dovuta sabiex jinstabu l-assi tad-debitur, mingħajr ma jsir il-ħlas, jekk id-diliġenza dovuta ma tħallix frott meta jiskadu t-termini previsti fil-liġi tal-proċedura ċivili, skont il-każ u l-forma tal-proċedimenti applikabbli.

Id-dispożizzjonijiet legali li fuqhom hija bbażata din l-iskema huma dawk imsemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija 1.

5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?

F’sens wiesa’, il-kelma “appell” (recurso) tkopri oġġezzjoni għal eżekuzzjoni, oġġezzjoni għal qbid u appell fis-sens strett tal-kelma.

Oġġezzjoni għal eżekuzzjoni

Il-persuna li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni tista’ tikkontesta l-eżekuzzjoni billi tippreżenta oġġezzjonijiet għall-eżekuzzjoni fi żmien 20 jum mid-data tat-taħrika.

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali u d-dritt tal-UE, li jorbtu lill-Portugall u li jieħdu preċedenza, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ir-raġunijiet għal oġġezzjoni għal eżekuzzjoni jvarjaw skont jekk l-eżekuzzjoni tkunx ibbażata fuq sentenza (aktar ristretta); deċiżjoni ta’ arbitraġġ (ftit usa’); jew titolu eżekuttiv differenti (saħansitra usa’).

Meta l-eżekuzzjoni tkun ibbażata fuq sentenza, l-oġġezzjonijiet jistgħu jkunu bbażati biss fuq ir-raġunijiet li ġejjin:

  • it-titolu ma jeżistix jew ma huwiex eżegwibbli;
  • il-proċess jew il-kopja ċertifikata huma ffalsifikati jew impreċiżi u dan jinfluwenza t-termini tal-eżekuzzjoni,
  • l-assenza ta’ rekwiżit proċedurali li r-regolarità tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni tiddependu fuqu, mingħajr preġudizzju għall-fatt li dan ikun ġie ssodisfat;
  • in-nuqqas tal-intimat li jipparteċipa fil-proċess tad-dikjarazzjoni, jekk timmaterjalizza xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 696(e) tal-Kodiċi Ċivili (it-taħrika mhux innotifikata jew it-taħrika tkun nulla u bla effett; in-nuqqas ta’ għarfien tat-taħrika għal raġunijiet li ma jistgħux jiġu attribwiti lill-intimat; l-assenza ta’ oġġezzjonijiet minħabba forza maġġuri);
  • l-inċertezza, in-nuqqas ta’ eżegwibbiltà jew in-nuqqas ta’ likwidità tal-obbligu li jrid jiġi eżegwit, li ma jkunux ġew indirizzati fl-istadju inizjali tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni;
  • il-kawża tkun ġiet deċiża qabel is-sentenza li tkun qed tiġi eżegwita;
  • kull fattur li jtemm jew jimmodifika l-obbligu, sakemm ikun sussegwenti għall-għeluq tad-diskussjoni fil-proċess tad-dikjarazzjoni u tista’ tiġi pprovduta evidenza dokumentata; il-preskrizzjoni tad-dritt jew tal-obbligu tista’ tiġi ppruvata bi kwalunkwe mezz;
  • il-kontrotalba kontra l-persuna li titlob l-eżekuzzjoni bl-għan li tinkiseb tpaċija tal-pretensjonijiet;
  • meta tkun involuta sentenza li tapprova ammissjoni jew soluzzjoni, kwalunkwe bażi ta’ nullità jew annullabbiltà ta’ dawn l-atti.

Meta l-eżekuzzjoni tkun ibbażata fuq deċiżjoni ta’ arbitraġġ, minbarra r-raġunijiet għal oġġezzjoni għall-eżekuzzjoni msemmija iktar ’il fuq, huwa possibbli wkoll li wieħed jibbaża ruħu fuq ir-raġunijiet li l-annullament ġudizzjarju tal-istess deċiżjoni jista’ jkun ibbażat fuqhom, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Arbitraġġ Volontarju (Lei da Arbitragem Voluntária).

Meta l-eżekuzzjoni ma tkunx ibbażata fuq sentenza jew fuq rikors għal ordni li miegħu jkun ingħaqad ordni ta’ eżekuzzjoni, flimkien mar-raġunijiet għal oġġezzjoni għal eżekuzzjoni bbażata fuq sentenza diġà elenkata, kwalunkwe raġuni oħra li tista’ tkun invokata bħala difiża fil-proċess ta’ dikjarazzjoni.

Oġġezzjoni għal qbid

Il-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni, il-konjuġi tagħha u t-terzi jistgħu joġġezzjonaw għall-qbid ta’ ċerti assi fil-każijiet li ġejjin.

Meta jinqabdu assi li jappartjenu lill-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni, dik il-parti tista’ toġġezzjona għall-qbid abbażi ta’ xi waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

  • l-inammissibilità tal-qbid tal-assi effettivament maqbuda jew tal-punt sa fejn twettaq il-qbid;
  • il-qbid immedjat ta’ assi li jissodisfaw id-dejn li qed jiġi eżegwit biss b’mod sussidjarju;
  • il-qbid ta’ assi li, minħabba li ma jissodisfawx, skont it-termini tal-liġi sostantiva, id-dejn li qed jiġi eżegwit, ma kellhomx ikunu affettwati mill-miżura.

Jekk il-qbid jew kwalunkwe konfiska ġudizzjarja jew konsenja ta’ assi ordnata b’mod ġudizzjarju tikser id-dritt ta’ proprjetà jew kwalunkwe dritt ieħor inkompatibbli mal-implimentazzjoni jew l-ambitu tal-miżura, li jkun ta’ xi ħadd li ma huwiex parti fil-kawża, il-parti li tkun ġarrbet id-danni tkun tista’ tasserixxi dan billi tiftaħ kawża ta’ restituzzjoni.

Konjuġi li jkun fil-pożizzjoni ta’ terza persuna jista’, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-konjuġi l-ieħor, jiddefendi d-drittijiet tiegħu fir-rigward tal-assi tiegħu stess jew tal-assi konġunti li jkunu ġew indebitament affettwati mill-qbid.

Id-dispożizzjonijiet legali li fuqhom hija bbażata din l-iskema huma dawk imsemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija 1.

Appelli

Il-proċedimenti ta’ appell ordinarji jistgħu isiru f’qorti tal-appell (de apelação) (ippreżentati kontra sentenzi mogħtija minn qorti tal-prim’istanza) jew fuq punt tad-dritt (de revista) (ippreżentati quddiem il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja). L-appelli ordinarji kontra sentenzi mogħtija fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni huma rregolati mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-proċess ta’ dikjarazzjoni.

Bħala regola, appell ordinarju jkun ammissibbli biss meta l-kawża jkollha valur ogħla mill-ammont li l-qorti li s-sentenza tagħha tkun qed tiġi appellata jkollha l-ġuriżdizzjoni għalih u s-sentenzi kkontestati jkunu sfavorevoli għall-appellant b’ammont li jkun ukoll aktar minn nofs l-ammont li dik il-qorti jkollha l-ġuriżdizzjoni għalih. Fil-Portugall, l-ammont li fuqu l-Qorti tal-Appell għandha ġuriżdizzjoni huwa ta’ EUR 30 000.00 u l-ammont li fuqu l-qorti tal-prim’istanza għandha ġuriżdizzjoni huwa ta’ EUR 5 000.00.

Il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jipprevedu għal ċerti dikjarazzjonijiet interlokutorji li jistgħu jseħħu jew ma jseħħux, skont il-każ – eż. kontestazzjonijiet għall-eżekuzzjoni permezz ta’ kawżi ta’ restituzzjoni mressqa mill-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni, oġġezzjoni għal qbid mill-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni jew minn terzi, verifika u klassifikazzjoni ta’ pretensjonijiet meta jkun hemm kredituri b’garanzija in rem fuq l-assi maqbuda li qegħdin jitolbu l-ħlas tal-pretensjonijiet rispettivi tagħhom mir-rikavati tal-assi maqbuda. Jista’ jkun hemm appell ukoll mid-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu dwar dawk id-dikjarazzjonijiet interlokutorji fir-rigward tat-termini stabbiliti hawn fuq.

B’mod partikolari, fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, ikun hemm appelli minn dawn li ġejjin:

  • deċiżjoni li tivvaluta l-iskwalifika ta’ mħallef;
  • deċiżjoni li tivvaluta l-ġuriżdizzjoni esklużiva ta’ qorti;
  • deċiżjoni li tordna sospensjoni tal-proċedimenti;
  • ordni li tilqa’ jew tiċħad kwalunkwe sottomissjoni (articulado) jew prova;
  • deċiżjoni li timponi multa jew piena proċedurali oħra;
  • deċiżjoni li tordna t-tħassir ta’ kwalunkwe reġistrazzjoni;
  • deċiżjoni meħuda wara sentenza finali;
  • deċiżjonijiet li jkun assolutament inutli li jiġu kkontestati permezz ta’ appell kontra s-sentenza finali;
  • deċiżjonijiet li jissospendu, itemmu jew jannullaw l-eżekuzzjoni;
  • deċiżjonijiet dwar l-annullament tal-bejgħ;
  • deċiżjonijiet dwar l-eżerċizzju tad-dritt ta’ prijorità jew ta’ fidi;
  • ċaħda, anke parzjali, li jiġi eżaminat ir-rikors għall-eżekuzzjoni;
  • ordni li tiċħad ir-rikors għall-eżekuzzjoni.

Appell fuq punt tad-dritt minn:

  • deċiżjonijiet tal-qorti tal-appell mogħtija fl-appell fi proċedimenti ta’ saldu li ma jkunux jiddependu fuq kalkolu aritmetiku sempliċi, fuq il-verifika u l-klassifikazzjoni tal-krediti jew fuq il-kontestazzjonijiet li jiġu ppreżentati kontra l-eżekuzzjoni;
  • dan huwa mingħajr preġudizzju għal kawżi fejn l-appell quddiem il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja jkun ammissibbli dejjem.

Ir-regoli li jirregolaw l-appelli f’kawżi ta’ eżekuzzjoni huma stabbiliti fl-Artikoli 852 sa 854 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, li jistgħu jiġu kkonsultati fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?

Iva, jeżistu restrizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-debitur. Xi wħud huma restrizzjonijiet fuq il-qbid, oħrajn huma restrizzjonijiet fuq l-eżekuzzjoni li jirriżultaw mit-termini.

Ir-restrizzjonijiet fuq il-qbid relatati mal-protezzjoni tad-debitur jikkonsistu f’immunità assoluta jew totali mill-qbid, l-immunità relattiva mill-qbid u l-immunità parzjali mill-qbid ta’ ċerti assi tad-debitur. Hemm żewġ restrizzjonijiet oħra: waħda marbuta mal-protezzjoni tal-assi konġunti ta’ koppja meta l-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jinbdew kontra wieħed mill-konjuġi biss; u oħra li tirriżulta mill-prinċipju tal-proporzjonalità, li permezz tagħha għandhom jinqabdu biss l-assi meħtieġa sabiex jiġi ssodisfat id-dejn u l-ispejjeż iġġenerati mill-eżekuzzjoni.

Il-mogħdija taż-żmien tista’ tikkostitwixxi limitu fuq l-eżekuzzjoni fil-każ ta’ preskrizzjoni jew limitazzjoni. Ladarba t-termini kkonċernati jkunu skadew, id-dritt li jkun intalab li jiġi eżegwit jintemm.

Hawn taħt issib spjegazzjoni ta’ kif joperaw dawn ir-restrizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-debitur u mat-termini.

Assi b’immunità assoluta u totali minn qbid

Minbarra oġġetti eżentati mill-qbid skont dispożizzjoni speċjali, dawn li ġejjin igawdu minn immunità assoluta mill-qbid:

  • drittijiet jew oġġetti inaljenabbli;
  • assi li jkunu proprjetà pubblika tal-Istat u ta’ persuni ġuridiċi pubbliċi oħrajn;
  • oġġetti li l-qbid tagħhom ikun immorali jew ma jkunx finanzjarjament ġustifikat minħabba li l-valur tas-suq tagħhom ikun insinifikanti;
  • oġġetti speċifikament intiżi għall-qima pubblika;
  • artijiet tad-dfin;
  • strumenti u oġġetti li huma essenzjali għal dawk b’diżabilità u għal min jieħu ħsieb il-morda.

Assi b’immunità relattiva minn qbid

  • Ħlief meta l-eżekuzzjoni tkun għall-ħlas ta’ dejn b’garanzija in rem, l-assi tal-Istat u ta’ persuni ġuridiċi pubbliċi oħrajn, ta’ entitajiet li jagħmlu xogħlijiet pubbliċi jew konċessjonijiet ta’ servizz pubbliku, jew ta’ għaqdiet ta’ karità li jkunu allokati għall-finijiet ta’ interess pubbliku huma eżenti mill-qbid.
  • L-għodod tax-xogħol tal-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni u l-oġġetti essenzjali għall-eżerċizzju tal-professjoni jew tat-taħriġ vokazzjonali tagħhom huma wkoll eżentati mill-qbid, sakemm: il-parti inkwistjoni ma tindikax li tista’ tiġi maqbuda; jew jekk l-eżekuzzjoni tkun għall-ħlas tal-prezz tax-xiri tagħhom jew tal-ispejjeż tat-tiswija tagħhom; jew jekk jinqabdu bħala assi tanġibbli tal-bini tan-negozju.
  • Huma wkoll eżenti mill-qbid, l-assi li huma affarijiet tad-dar essenzjali fid-dar proprja tal-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni ħlief jekk l-eżekuzzjoni tkun għall-ħlas tal-oġġetti nfushom jew għall-ispejjeż tat-tiswija tagħhom.

Assi li jistgħu jinqabdu parzjalment

  • Żewġ terzi tas-salarji netti, il-pagi, l-ammonti perjodiċi li jiġu rċevuti bħala pensjoni tal-irtirar jew benefiċċji soċjali oħra, l-assigurazzjoni, l-indennizz minħabba inċident, l-annwalità jew pagamenti ta’ kull tip li jiżguraw is-sussistenza tad-debitur ma jistgħux jinqabdu.
  • Għall-finijiet tal-kalkolu tal-parti netta tal-ħlasijiet imsemmija hawn fuq, jitqiesu biss kontribuzzjonijiet li jkunu meħtieġa mil-liġi.
  • Din l-immunità mill-qbid għandha limitu massimu ta’ ammont ekwivalenti għal tliet pagi minimi nazzjonali fil-mument ta’ kull qbid u limitu minimu, meta d-debitur ma jkollu l-ebda introjtu ieħor, tal-ammont ekwivalenti għal paga minima nazzjonali waħda.
  • Il-limiti msemmija fuq ma japplikawx meta l-pretensjoni li tkun qed tiġi eżegwita tkun għal manteniment, f’liema każ, ammont ekwivalenti għall-pensjoni mhux kontributorja sħiħa għandu l-immunità mill-qbid.
  • Meta jsir qbid ta’ flus jew ta’ bilanċi bankarji, l-ammont ekwivalenti għall-paga minima nazzjonali ma jistax jinqabad jew, f’każ ta’ obbligi ta’ manteniment, l-ammont ekwivalenti għal pensjoni mhux kontributorja sħiħa. (Din l-immunità mill-qbid u l-immunità parzjali msemmija hawn fuq mill-qbid ma humiex kumulattivi)
  • Wara li tikkunsidra l-ammont u n-natura tal-pretensjoni li qed tiġi eżegwita kif ukoll il-bżonnijiet tal-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni u l-familja tagħha, il-qorti tista’, b’mod eċċezzjonali u fuq talba tal-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni, tnaqqas, għal perjodu li tqis li jkun raġonevoli, il-parti tal-introjtu tagħha li jista’ jinqabad u saħansitra teżentaha totalment għal perjodu ta’ mhux aktar minn sena.

Immunità mill-qbid ta’ somom ta’ flus jew depożiti bankarji

Somom ta’ flus jew depożiti bankarji li jirriżultaw mis-saldu ta’ pretensjoni bl-immunità mill-qbid għandhom l-immunità mill-qbid, bl-istess termini tal-pretensjoni oriġinali.

Limiti fuq il-qbid ta’ assi komuni fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni kontra wieħed mill-konjuġi

  • Meta jinqabdu l-assi komuni ta’ koppja miżżewġa fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni kontra wieħed biss mill-konjuġi, minħabba li jitqies li l-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni ma jkollhiex biżżejjed assi, il-konjuġi tad-debitur tiġi nnotifikata sabiex, fi żmien 20 jum, titlob is-separazzjoni tal-assi jew li tipproduċi ċertifikat li jikkonferma li jkun hemm azzjoni pendenti fejn is-separazzjoni tkun diġà ntalbet, u fin-nuqqas ta’ dan, l-eżekuzzjoni tkompli kontra l-assi komuni.
  • Ladarba tkun ġiet ippreżentata t-talba għas-separazzjoni jew jiġi mehmuż iċ-ċertifikat, l-eżekuzzjoni tiġi sospiża sakemm issir id-diviżjoni. Jekk, b’riżultat tad-diviżjoni, l-assi maqbuda ma jispiċċawx għand il-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni, jistgħu jinqabdu assi oħrajn li jkunu spiċċaw għandu u l-qbid preċedenti jibqa’ jgħodd sakemm iseħħ il-qbid il-ġdid.

Ir-regoli ġenerali dwar il-proprjetà li tista’ tiġi maqbuda u l-limiti fuq il-qbid huma stabbiliti fl-Artikoli 735 sa 747 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

Limiti fuq il-qbid imposti mill-proporzjonalità

Il-qbid huwa limitat għall-assi neċessarji għall-ħlas tad-dejn li jkun qed jiġi eżegwit u għall-ispejjeż prevedibbli tal-eżekuzzjoni li, għall-fini tat-twettiq tal-qbid u mingħajr preġudizzju għal likwidazzjoni sussegwenti, huma preżunti li jkunu 20 %, 10 % u 5 % tal-valur tal-eżekuzzjoni, skont jekk dak il-valur ikunx valur kopert mill-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Distrettwali, jaqbiżx dak il-valur mingħajr ma jaqbeż erba' darbiet il-valur li fuqu l-Qorti tal-Appell għandha l-ġuriżdizzjoni, jew ma jkunx ogħla minn dan l-aħħar valur. . Il-valur li fuqu l-Qorti Distrettwali għandha ġuriżdizzjoni huwa ta’ EUR 5 000.00 u dak li għandha ġuriżdizzjoni fuqu l-Qorti tal-Appell huwa ta’ EUR 30 000.00 (fl-2021, meta din l-iskeda informattiva ġiet riveduta). Iż-żewġ valuri huma stabbiliti fl-Artikolu 44 tal-Liġi Nru 62/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013, li tista’ tiġi kkonsultata permezz ta’ din il-link.

Limiti fuq l-eżekuzzjoni li jirriżultaw minn perjodu ta’ preskrizzjoni

Bħala regola ġenerali, il-protezzjoni ġudizzjarja (li l-eżistenza jew l-istabbiliment tagħha jiddependi mir-rieda tal-partijiet) hija suġġetta għall-preskrizzjoni meta ma tkunx eżerċitata matul il-perjodu stabbilit mil-liġi.

Il-Qorti ma tistax tistabbilixxi ex officio terminu ta’ preskrizzjoni. Sabiex terminu ta’ preskrizzjoni jkun effettiv, irid jiġi invokat, ġudizzjarjament jew ekstraġudizzjarjament mill-persuna li tibbenefika minnu, mir-rappreżentant tagħha jew, jekk il-persuna ma jkollhiex il-kapaċità, mill-Prosekutur Pubbliku.

Meta l-perjodu ta’ preskrizzjoni jkun skada, il-benefiċjarju (id-debitur) jista’ jirrifjuta li jagħmel il-ħlas jew jista’ jikkontesta, bi kwalunkwe mod, l-eżerċizzju tad-dritt preskritt. Jekk ikun hemm proċedimenti ta’ eżekuzzjoni kontra l-persuna kkonċernata, id-debitur li kontrih tintalab l-eżekuzzjoni jista’ joġġezzjona għall-eżekuzzjoni permezz ta’ kawża ta’ restituzzjoni li fiha huwa jiddependi fuq il-preskrizzjoni. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-oġġezzjonijiet għall-eżekuzzjoni huwa ta’ 20 jum mit-taħrika.

Madankollu, debitur ma jistax ifittex l-irkupru (ritorn) ta’ pagament parzjali li jkun għamel sabiex jikkonforma ma’ obbligu ta’ preskrizzjoni, anke meta dan ikun sar mingħajr għarfien tal-preskrizzjoni. Din ir-regola tapplika għall-forom kollha ta’ sodisfazzjon tad-dritt preskritt, kif ukoll għar-rikonoxximent tiegħu jew għall-għoti ta’ garanziji.

Il-preskrizzjoni tista’ tiġi invokata kontra l-parti li titlob l-eżekuzzjoni mill-kredituri tad-debitur u minn terzi b’interess leġittimu li tiġi ddikjarata, anke meta d-debitur ikun irrinunzja għaliha. Madankollu, jekk id-debitur jirrinunzja għaliha, il-preskrizzjoni tista’ tiġi invokata biss mill-kredituri tad-debitur jekk ikunu ġew issodisfati r-rekwiżiti stabbiliti fid-dritt ċivili għal kawża ta’ impunjazzjoni (impugnação Pauliana).

Jekk, f’każ li d-debitur jiġi mfittex quddiem qorti, id-debitur ma jinvokax it-terminu ta’ preskrizzjoni u l-qorti ssibu responsabbli, is-sentenza finali ma taffettwax id-dritt rikonoxxut tal-kredituri tiegħu.

Il-perjodu ta’ preskrizzjoni normali huwa ta’ 20 sena iżda jeżistu xi termini ta’ preskrizzjoni għal żmien iqsar.

Dawn li ġejjin għandhom perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin:

  • vitalizji u ċnus;
  • spejjeż ta’ kiri dovuti mill-inkwilin, anke meta jitħallsu darba biss;
  • kirjiet fit-tul;
  • imgħax stipulat mill-kuntratt jew mil-liġi, inkluż l-imgħax gross, u d-dividendi tal-kumpaniji;
  • ir-rati tal-amortizzament tal-kapital li jridu jitħallsu bl-imgħax;
  • il-ħlasijiet dovuti tal-manteniment;
  • kwalunkwe ħlas ieħor li jiġġedded perjodikament.

Il-liġi tistabbilixxi termini ta’ preskrizzjoni preżunti (abbażi tal-preżunzjoni ta’ konformità) fil-każijiet li ġejjin:

  • il-pretensjonijiet ta’ stabbilimenti li jipprovdu akkomodazzjoni, ikel jew xorb għall-akkomodazzjoni, l-ikel jew ix-xorb li jfornu jiġu preskritti wara sitt xhur, mingħajr preġudizzju għall-perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ sentejn indikat hawn taħt;
  • il-pretensjonijiet ta’ stabbilimenti li jipprovdu akkomodazzjoni jew akkomodazzjoni u ikel jew xorb lil studenti jiġu preskritti wara sentejn, kif ukoll pretensjonijiet ta’ stabbilimenti li jipprovdu struzzjoni, edukazzjoni, assistenza jew trattament, fir-rigward tas-servizzi pprovduti;
  • pretensjonijiet ta’ negozjanti għal oġġetti mibjugħa lil persuna li ma tkunx negozjant jew għal oġġetti li ma jkunux maħsuba għan-negozju tagħha jiġu preskritti wara sentejn, bħalma ma jiġri wkoll fir-rigward tal-pretensjonijiet ta’ dawk professjonalment involuti f’industrija, għall-provvista ta’ oġġetti jew prodotti, it-twettiq tax-xogħol jew il-ġestjoni tal-affarijiet ta’ parti oħra, inkluża n-nefqa mġarrba, sakemm is-servizz rispettiv ikun maħsub għall-attività industrijali tad-debitur;
  • il-pretensjonijiet għal servizzi pprovduti fl-eżerċizzju ta’ professjonijiet liberi u għar-rimborż tan-nefqa korrispondenti jiġu preskritti wara sentejn.

Meta ikun hemm involut perjodu ta’ preskrizzjoni deskritt fid-dritt ċivili bħala perjodu ta’ preskrizzjoni preżunt, japplikaw ir-regoli li ġejjin:

  • il-preżunzjoni ta’ konformità permezz tal-iskadenza taż-żmien tista’ tiġi kkontestata biss bir-rikonoxximent mid-debitur oriġinali jew mill-persuna li l-pretensjoni tkun ġiet ittrasferita lilha permezz ta’ suċċessjoni;
  • rikonoxximent ekstraġudizzjarju jkun validu biss meta jkun bil-miktub;
  • pretensjoni titqies li tkun ġiet rikonoxxuta jekk id-debitur jirrifjuta li jixhed jew li jieħu ġurament quddiem il-qorti, jew li jwettaq kwalunkwe att legali inkompatibbli mal-preżunzjoni ta’ konformità.

Il-preskrizzjoni tad-drittijiet rikonoxxuti f’sentenza jew f’ordni ta’ eżekuzzjoni topera kif ġej:

  • meta l-liġi tistabbilixxi perjodu ta’ preskrizzjoni, anke jekk ikun preżunt biss, għal dritt iqsar minn dak ordinarju, id-dritt ikun suġġett għal dan l-aħħar imsemmi perjodu ta’ preskrizzjoni, f’każ li jibqa’ jeżisti wara sentenza li tkun kisbet is-saħħa ta’ res judicata li tirrikonoxxi d-dritt, jew titolu eżekuttiv differenti;
  • madankollu, meta s-sentenza jew titolu differenti jirreferi għal ħlasijiet parzjali li jkunu għadhom ma humiex dovuti, il-perjodu ta’ preskrizzjoni jkompli jkun, fir-rigward ta’ dawk il-pagamenti, l-iqsar wieħed.

Il-Kodiċi Ċivili jistabbilixxi regoli dwar il-bidu tal-perjodu ta’ preskrizzjoni, is-sospensjoni u l-interruzzjoni tiegħu. Meta jkun hemm raġunijiet għal sospensjoni (eż. minuri, servizz militari, forza maġġuri, nuqqas tad-debitur), il-perjodu ta’ preskrizzjoni ma jibdiex jew ma jiddekorrix. Meta perjodu ta’ preskrizzjoni jiġi interrott, iż-żmien li jkun għadda jiġi kkanċellat totalment u jibda jiddekorri perjodu ta’ preskrizzjoni ġdid.

Kreditur li jkun interessat li jinterrompi perjodu ta’ preskrizzjoni jista’ jagħmel hekk billi juża jew jinvoka wieħed minn dawn l-atti li ġejjin:

  • taħrika jew notifika ġudizzjarja ta’ kull azzjoni li tesprimi, direttament jew indirettament, l-intenzjoni li jiġi eżerċitat id-dritt, irrispettivament mit-tip ta’ proċedimenti li l-azzjoni tirreferi għalihom, u anke jekk il-qorti ma jkollhiex ġuriżdizzjoni.

Jekk it-taħrika jew in-notifika ma ssirx fi żmien ħamest ijiem wara li tintalab, għal raġuni li ma tkunx tista’ tiġi attribwita lir-rikorrent, il-perjodu ta’ preskrizzjoni jiġi interrott meta jkunu għaddew ħamest ijiem.

L-annullament tat-taħrika jew in-notifika ma jimpedix l-interruzzjoni prevista fil-paragrafi preċedenti.

Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, kwalunkwe mezz ġudizzjarju ieħor li permezz tiegħu l-persuna li d-dritt jista’ jiġi eżerċitat kontriha tiġi mgħarrfa bl-att jitqies bħala ekwivalenti għal taħrika jew notifika.

  • ftehim ta’ arbitraġġ li jinterrompi l-perjodu ta’ preskrizzjoni relatat mad-dritt li jkun qed jiġi invokat;
  • rikonoxximent tad-dritt quddiem id-detentur ikkonċernat mill-persuna li kontriha jista’ jiġi eżerċitat id-dritt;
  • rikonoxximent taċitu jkun rilevanti biss meta jirriżulta minn ġrajjiet li jesprimu dak ir-rikonoxximent b’mod inekwivoku.

L-interruzzjoni ta’ perjodu ta’ preskrizzjoni għandha l-effetti li ġejjin (sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor b’mod speċifiku):

  • il-ħin kollu li jkun għadda qabel ma jiġix ikkunsidrat;
  • il-perjodu ta’ preskrizzjoni ġdid jibda jiddekorri mill-att ta’ interruzzjoni;
  • l-iskadenza l-ġdida tkun soġġetta għall-perjodu ta’ preskrizzjoni oriġinali.

Limiti fuq l-eżekuzzjoni li jirriżultaw minn data ta’ skadenza

Meta, bil-forza tal-liġi jew tar-rieda tal-partijiet, dritt ikun irid jiġi eżerċitat f’ċertu terminu, japplikaw ir-regoli dwar l-iskadenza, sakemm il-liġi ma tirreferix espressament għall-perjodu ta’ preskrizzjoni.

L-iskadenza tista’ tiġi evitata biss billi jitwettaq, fl-iskadenza legali jew kuntrattwali, l-att li għalih il-liġi jew il-kuntratt jagħtu effett preventiv. Is-sempliċi ftuħ ta’ kawża għal dikjarazzjoni jew eżekuzzjoni tipprevjeni l-iskadenza, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir taħrika lid-debitur. Meta jkun stabbilit terminu f’kuntratt jew dispożizzjoni legali relatata mal-protezzjoni ġudizzjarja, ir-rikonoxximent ta’ tali protezzjoni mill-persuna li jrid jiġi eżerċitat kontriha wkoll jipprevjeni l-iskadenza.

Il-perjodu ta’ skadenza jista’ jiġi sospiż jew interrott biss f’każijiet fejn il-liġi tipprovdi hekk u, jekk il-liġi ma tistabbilixxi l-ebda data speċifika oħra, jibda jiddekorri fil-mument li fih id-drittijiet jistgħu jiġu eżerċitati legalment.

L-iskadenza tiġi vvalutata mill-qorti ex officio u tista’ tiġi invokata fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti, f’każ ta’ drittijiet inaljenabbli. Jekk tkun tirreferi għal protezzjoni ġudizzjarja li jitressaq proċediment ta’ eżekuzzjoni abbażi tagħha, l-iskadenza trid tiġi invokata mill-persuna li tibbenefika minnha (fil-prinċipju, id-debitur/il-parti li l-kontriha tintalab l-eżekuzzjoni).

Id-definizzjoni u l-effetti tal-perjodu ta’ preskrizzjoni u d-data ta’ skadenza huma previsti mill-Artikoli 309 sa 340 tal-Kodiċi Ċivili, li jista’ jiġi kkonsultat f’din il-link.

N.B.:

Il-Punt ta’ Kuntatt NĠE-Ċivili, il-qrati jew l-entitajiet u l-awtoritajiet l-oħrajn ma humiex marbuta bl-informazzjoni li tinsab f’din l-iskeda informattiva. Huwa wkoll neċessarju li jinqraw it-testi legali fis-seħħ. Dawn huma suġġetti għal aġġornamenti regolari u għall-interpretazzjoni evoluzzjonarja tal-ġurisprudenza.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 19/08/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.