Kif tinforza deċiżjoni ta’ qorti

Rumanija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?

Id-dispożizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni huma stabbiliti fl-Artikoli 622 sa 914 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Il-proċedura ta’ eżekuzzjoni hija t-tieni stadju tal-proċedimenti ċivili u hija maħsuba prinċipalment biex jiġi żgurat l-eżerċizzju attwali tad-dritt rikonoxxut permezz ta’ sentenza tal-qorti jew titolu eżegwibbli ieħor. Permezz tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni, kreditur li jkun id-detentur ta’ dritt rikonoxxut skont sentenza tal-qorti/titolu eżegwibbli jobbliga lil debitur biex jissodisfa l-obbligi assoċjati li jkun irrifjuta li jissodisfa b’mod volontarju.

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Rumena jistabbilixxi lista ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni diretti u indiretti.

Forom ta’ eżekuzzjoni diretta huma dawk li għandhom x’jaqsmu mal-oġġett ta’ obbligu kif stabbilit mill-ordni ta’ eżekuzzjoni, jiġifieri l-qbid ta’ assi mobbli – l-Artikoli 893 sa 895 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili; il-qbid ta’ assi immobbli – l-Artikoli 896 sa 902 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili; u l-eżekuzzjoni ta’ obbligu li titwettaq jew ma titwettaqx azzjoni partikolari – l-Artikoli 903 sa 914 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (inklużi dispożizzjonijiet speċjali dwar eżekuzzjoni ta’ sentenzi rigward minorenni – l-Artikoli 910 sa 914) u l-Artikoli 1527 et seq. tal-Kodiċi Ċivili. Fil-każ tal-eżekuzzjoni ta’ obbligi biex titwettaq azzjoni partikolari, il-liġi tiddistingwi bejn obbligu li jista’ jiġi eżegwit ukoll minn persuna/entità oħra minbarra d-debitur u obbligu intuitu personae.

Eżekuzzjoni indiretta tirreferi għall-mezz biex tinkiseb somma ta’ flus li hija s-suġġett ta’ ordni ta’ eżekuzzjoni permezz tal-bejgħ sfurzat ta’ assi tad-debitur. Eżempji ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni indiretta jinkludu s-sekwestru ta’ flus jew il-qbid (segwit mill-bejgħ) ta’ assi. Miżura oħra hija l-qbid ta’ rikavat ġenerali minn assi immobbli.

Obbligi li x’aktarx ikunu suġġetti għall-eżekuzzjoni jinkludu obbligi monetarji, il-konsenja ta’ assi jew il-konsenja tal-użu tiegħu, it-twaqqigħ ta’ bini/abbandun ta’ pjantaġġun/twaqqif ta’ xogħlijiet, jew obbligi fir-rigward tal-istabbiliment ta’ kustodja u residenza ta’ minorenni u arranġamenti ta’ aċċess.

2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?

Is-sentenzi tal-qorti u titoli eżegwibbli oħrajn jiġu eżegwiti minn uffiċjal ġudizzjarju ta’ eżekuzzjoni (executor judecătoresc), li jservi fil-qorti tal-appell li l-assi immobbli jkun jinsab fiż-żona tal-ġuriżdizzjoni tagħha fil-każ ta’ qbid ta’ assi immobbli/frott mhux miġbur u fil-każ ta’ eżekuzzjoni diretta fir-rigward ta’ assi immobbli. Il-qbid ta’ assi mobbli u eżekuzzjoni diretta fir-rigward ta’ assi mobbli jitwettqu minn uffiċjal ta’ eżekuzzjoni ġudizzjarju li jservi fil-qorti tal-appell li r-residenza/l-uffiċċju rreġistrat tad-debitur jew l-assi kkonċernati jkunu jinsabu fiż-żona ta’ ġurisdizzjoni tagħha. Jekk il-post ta’ residenza/l-uffiċċju reġistrat tad-debitur ikun jinsab barra mill-pajjiż, kull uffiċjal ġudizzjarju ta’ eżekuzzjoni ikun kompetenti.

Is-sekwestru jitwettaq, abbażi ta’ rikors mill-kreditur, minn uffiċjal tal-eżekuzzjoni ġudizzjarju li l-uffiċċju tiegħu jinsab fiż-żona ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tal-appell li tkopri d-domiċilju/l-uffiċċju rreġistrat tad-debitur jew parti terza soġġetta għal sekwestru. Fil-każ ta’ sekwestru ta’ kont(ijiet) bankarju ta’ persuna fiżika jew ġuridika, il-kompetenza hija ta’ uffiċjal tal-eżekuzzjoni ġudizzjarju li l-uffiċċju tiegħu jinsab fiż-żona ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tal-appell li tkopri d-domiċilju/uffiċċju rreġistrat tad-debitur jew l-uffiċċju/fergħa prinċipali tal-uffiċċju tal-istituzzjoni ta’ kreditu fejn id-debitur fetaħ il-kont(ijiet) partikolari. Jekk id-debitur ikollu diversi kontijiet miftuħa, il-kompetenza għas-sekwestru tal-kontijiet kollha taqa’ f’idejn l-uffiċjal ġudizzjarju ta’ eżekuzzjoni, fi kwalunkwe wieħed mill-postijiet fejn ikunu nfetħu. Il-qorti ta’ eżekuzzjoni hija l-qorti distrettwali (judecătorie), li fiż-żona tal-ġuriżdizzjoni tagħha jinsabu d-domiċilju/l-uffiċċju reġistrat tad-debitur, fid-data ta’ riferiment quddiem il-korp ta’ eżekuzzjoni. Jekk id-domiċilju/l-uffiċċju reġistrat tad-debitur ma jkunx fir-Rumanija, il-kompetenza taqa’ f’idejn il-qorti distrettwali, li fil-ġuriżdizzjoni tagħha jkunu d-domiċilju/l-uffiċċju reġistrat tal-kreditur, u jekk dan ma jkunx fir-Rumanija, il-qorti distrettwali li fil-ġuriżdizzjoni tagħha jkun jinsab l-uffiċċju rreġistrat tal-uffiċjal ġudizzjarju ta’ eżekuzzjoni, li ngħata s-setgħat mill-kreditur.

Il-qorti ta’ eżekuzzjoni tittratta r-rikorsi għal dikjarazzjonijiet ta’ eżegwibbiltà, rikorsi kontra azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni u kwalunkwe kwistjonijiet oħra li jinqalgħu matul il-proċess ta’ eżekuzzjoni, ħlief għal dawk li bil-liġi jkunu fil-ġuriżdizzjoni ta’ qrati jew korpi oħra.

It-taxxa tal-boll għal rikorsi għal dikjarazzjonijiet ta’ eżekuzzjoni hija RON 20 għal kull titolu eżegwibbli (l-Ordni ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 80/2013 fuq it-taxxi tal-boll ġudizzjarji, kif emendata).

3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?

3.1 Il-proċedura

L-eżekuzzjoni tista’ titwettaq biss b’sentenza tal-qorti (sentenzi finali, deċiżjonijiet eżekutorji provviżorji) jew att ieħor meqjus bħala titolu eżekuttiv skont il-liġi (atti awtentiċi notarili, titoli ta’ dejn, deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ, eċċ.).

Meta jirċievi rikors għall-eżekuzzjoni ppreżentat minn kreditur, l-uffiċjal tal-eżekuzzjoni ġudizzjarju jirranġa għar-reġistrazzjoni tiegħu. L-uffiċjal ġudizzjarju ta’ eżekuzzjoni joħroġ deċiżjoni, rigward dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà, mingħajr ma jsejjaħ lill-partijiet. Id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà tippermetti lill-kreditur jitlob lill-uffiċjal ġudizzjarju ta’ eżekuzzjoni kompetenti biex jagħmel użu, jew simultanjament jew suċċessivament, tal-mezzi ta’ eżekuzzjoni kollha disponibbli sabiex jeżerċita d-drittijiet tiegħu, inkluż id-dritt għall-kumpens tal-ispejjeż ta’ eżekuzzjoni. Id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà għandha effett fil-pajjiż kollu u tkopri wkoll dokumenti eżegwibbli, li jinħarġu mill-uffiċjal ġudizzjarju ta’ eżekuzzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni approvata.

Id-dokumenti proċedurali jistgħu jiġu nnotifikati mill-uffiċjal ġudizzjarju ta’ eżekuzzjoni, jew personalment inkella permezz tal-aġent proċedurali tiegħu u, jekk dan ma jkunx possibbli, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali dwar it-tħarrik u n-notifika tal-atti proċedurali.

Hekk kif jirrċievi r-rikors għal eżekuzzjoni, l-uffiċjal ġudizzjarju ta’ eżekuzzjoni, permezz ta’ deċiżjoni, jirranġa biex ir-rikors jiġi rreġistrat u biex jinfetaħ il-fajl ta’ eżekuzzjoni, jew fejn applikabbli, jirrifjuta li jibda l-proċedura ta’ eżekuzzjoni, billi jagħti r-raġunijiet għal dak ir-rifjut. Il-kreditur jiġi mgħarraf minnufih b’din id-deċiżjoni. Jekk l-uffiċjal ġudizzjarju ta’ eżekuzzjoni jirrifjuta li jibda l-proċedura ta’ eżekuzzjoni, fi żmien 15-il mid-data tan-notifika, il-kreditur jista’ jressaq ilment quddiem il-qorti ta’ eżekuzzjoni.

Fi żmien mhux aktar minn tlett ijiem minn meta jkun ġie rreġistrat ir-rikors, l-uffiċjal ġudizzjarju ta’ eżekuzzjoni jitlob dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà mill-qorti ta’ eżekuzzjoni u jippreżenta lil dik il-qorti, kopji debitament iċċertifikati, ir-rikors tal-kreditur, id-dokument eżegwibbli, id-deċiżjoni mitluba u l-prova tal-ħlas tat-taxxa tal-boll ġudizzjarja.

Ir-rikors għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà jiġi deċiż mhux aktar tard minn sebat ijiem mir-reġistrazzjoni tiegħu quddiem il-qorti, b’deċiżjoni mogħtija f’sessjoni magħluqa mingħajr ma l-partijiet jiġu mħarrka. Id-deċiżjoni jista’ jkun li jkollha dewmien ta’ mhux iżjed minn 48 siegħa, u r-raġunijiet għal din id-deċiżjoni għandhom jingħataw mhux aktar minn sebat ijiem minn meta ngħatat din id-deċiżjoni.

Id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà tippermetti lill-kreditur jitlob lill-uffiċjal ġudizzjarju ta’ eżekuzzjoni, li talab id-dikjarazzjoni biex jagħmel użu, jew simultanjament jew suċċessivament, tal-mezzi kollha disponibbli ta’ eżekuzzjoni previsti mil-liġi sabiex jeżerċita d-drittijiet tiegħu, inkluż id-dritt għall-kumpens tal-spejjeż ta’ eżekuzzjoni. Id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà għandha effett fil-pajjiż kollu. Din tkopri wkoll dokumenti eżegwibbli, li jinħarġu mill-uffiċjal ġudizzjarju ta’ eżekuzzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni approvata.

Il-qorti tista’ tiċħad ir-rikors għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà biss jekk: ir-rikors jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ korp ta’ eżekuzzjoni differenti; id-deċiżjoni jew, fejn applikabbli, id-dokument mhuwiex titolu eżegwibbli; id-dokument, minbarra sentenza tal-qorti, ma jissodisfax ir-rekwiżiti formali kollha; it-talba mhix ta’ ammont ċert, fiss u dovut; id-debitur igawdi immunità mill-eżekuzzjoni; l-istrument fih dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu eżegwiti; jew jekk hemm impedimenti oħra.

Id-deċiżjoni tal-qorti li tilqa’ rikors għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà ma tistax tiġi appellata, iżda tista’ tiġi mistħarrġa jekk l-eżekuzzjoni infisha tiġi kkontestata. Deċiżjoni li tiċħad rikors għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà tista’ tiġi appellata esklużivament mill-kreditur, fi żmien 15-il jum min-notifika tagħha.

L-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Uffiċjali Ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni (Uniunea Naţională a Executorilor Judecătoreşti) tistabbilixxi u taġġorna, bl-approvazzjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja, it-tariffi minimi għas-servizzi pprovduti minn uffiċċjali ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni. It-tariffi minimi u massimi li ġejjin għall-attivitajiet imwettqa ġew stabbiliti permezz tal-Ordni Nru 2550/2006 tal-14 ta’ Novembru 2006 tal-Ministru tal-Ġustizzja, kif emendat:

Komunikazzjoni u notifika tal-atti proċedurali: RON 20-400

Eżekuzzjoni diretta

  • evizzjonijiet: RON 150 - 2 200 f’każ li d-debitur ikun persuna fiżika, RON 5 200 f’każ li d-debitur ikun persuna ġuridika;
  • l-eżekuzzjoni ta’ kustodja ta’ minorenni jew l-istabbiliment tad-domiċilji tal-minorenni: RON 50 - 1 000:
  • l-eżekuzzjoni tal-aċċess għall-minorenni – RON 50 - 500;
  • l-eżekuzzjoni tal-kisba mill-ġdid tal-pussess, l-istabbiliment tal-konfini tal-proprjetà, is-servitujiet, il-konsenja tal-assi, eċċ.: RON 60 - 2 200 f’każ li d-debitur ikun persuna fiżika u RON 5 200 f’każ li d-debitur ikun persuna ġuridika;
  • l-eżekuzzjoni tat-twaqqif tax-xogħlijiet/it-twaqqigħ ta’ bini: RON 150 - 2 200 f’każ li d-debitur ikun persuna fiżika u RON 5 200 f’każ li d-debitur ikun persuna ġuridika.

Eżekuzzjoni indirett

tariffa minima

tariffa massima

għal dejn ta’ inqas minn RON 50 000, 10 % tal-ammont u RON 75 b’żieda ta’ 2 % tal-ammont li jeċċedi RON 1 000

għal dejn sa RON 50 000, 10 %

għal dejn ta’ iktar minn RON 50 000 iżda inqas minn RON 80 000, RON 1 175 b’żieda ta’ 2 % tal-ammont li jeċċedi RON 50 000

għal dejn bejn RON 50 000 u RON 80 000, RON 5 000 b’żieda ta’ 3 % tal-ammont li jeċċedi RON 50 000

għal dejn bejn RON 80 000 u RON 100 000, RON 1 775 b’żieda ta’ 1 % tal-ammont li jeċċedi RON 80 000

għal dejn bejn RON 80 000 u RON 100 000, RON 5 900 b’żieda ta’ 2 % tal-ammont li jeċċedi RON 80 000

għal dejn ’il fuq minn RON 100 000, RON 2 500 b’żieda ta’ 1 % tal-ammont li jeċċedi RON 100 000 u RON 5 500 b’żieda ta’ mhux aktar minn 0,5 % tal-ammont li jeċċedi RON 400 000

għal dejn ’il fuq minn RON 100 000, RON 6 300 b’żieda ta’ mhux aktar minn 1 % tal-ammont li jeċċedi RON 100 000

Sekwestru

tariffa minima

tariffa massima

għal dejn ta’ inqas minn RON 50 000, 10 % tal-ammont u RON 75 b’żieda ta’ 2 % tal-ammont li jeċċedi RON 1 000

għal dejn sa RON 50 000, 10 %

għal dejn bejn RON 50 000 u RON 80 000, RON 1 175 b’żieda ta’ 2% tal-ammont li jeċċedi RON 50 000

għal dejn bejn RON 50 000 u RON 80 000, RON 5 000 b’żieda ta’ 3% tal-ammont li jeċċedi RON 50 000

għal dejn bejn RON 80 000 u RON 100 000, RON 1 775 b’żieda ta’ 1 % tal-ammont li jeċċedi RON 80 000

għal dejn bejn RON 80 000 u RON 100 000, RON 5 900 b’żieda ta’ 2 % tal-ammont li jeċċedi RON 80 000

għal dejn ‘il fuq minn RON 100 000, RON 2 500 b’żieda ta’ 1 % tal-ammont li jeċċedi RON 100 000 u RON 5 500 b’żieda ta’ mhux aktar minn 0,5 % tal-ammont li jeċċedi RON 400 000

għal dejn ’il fuq minn RON 100 000, RON 6 300 b’żieda ta’ mhux aktar minn 1 % tal-ammont li jeċċedi RON 100 000

Segwitu tan-nuqqas ta’ ħlas ta' kambjala, nota promissorja jew ċekk: RON 150 - 400

Stabbiliment ta’ fatti u inventarji ta’ assi: RON 100 - 2 200 f’każ li d-debitur ikun persuna fiżika, RON 5 200 f’każ li d-debitur ikun persuna ġuridika

Bejgħ f’irkant pubbliku ta’ assi li huwa s-suġġett ta’ diviżjoni ġudizzjarja: RON 150 - 2 200

Qbid kawtelatorju: RON 100 - 1 200 f’każ li d-debitur ikun persuna fiżika, RON 2 200 f’każ li d-debitur ikun persuna ġuridika

Sekwestru ġudizzjarju: RON 100 - 1 200 f’każ li d-debitur ikun persuna fiżika, RON 2 200 f’każ li d-debitur ikun persuna ġuridika

Sekwestru kawtelatorju: RON 100 - 1 200 f’każ li d-debitur ikun persuna fiżika, RON 2 200 f’każ li d-debitur ikun persuna ġuridika

Reġistrazzjoni ta’ offerta: RON 50 - 350

Konfiski: 10 % tar-rikavat (min.) - 10 % tar-rikavat (mass.)

Parir għat-tħejjija ta’ dokumenti eżegwibbli: RON 20 - 200

3.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Ara t-tweġiba għall-Mistoqsija 2.1.

Il-kreditur u d-debitur jistgħu jaqblu li l-azzjoni ta’ eżekuzzjoni tittieħed kompletament/parzjalment kontra l-introjtu monetarju tad-debitur biss, li l-bejgħ tal-assi maqbuda jitwettaq bi ftehim reċiproku jew li d-dejn jitħallas b’mezzi oħra ammissibbli skont il-liġi.

Għal deċiżjoni mogħtija minn qorti barranija, hija meħtieġa proċedura addizzjonali, kif xieraq, jiġifieri deċiżjoni li tiddikjara l-infurzabbiltà (exequatur).

Id-dħul u l-assi tad-debitur jistgħu jkunu soġġetti għall-eżekuzzjoni jekk jistgħu jiġu rkuprati u sakemm ikun meħtieġ biss li jiġu eżerċitati d-drittijiet tal-kredituri. L-assi soġġetti għal reġimi ta’ ċirkolazzjoni speċjali jistgħu jiġu maqbuda biss skont il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi.

Fir-rigward tad-debitur, hemm kundizzjoni speċjali li permezz tagħha l-ebda proċedura ta’ eżekuzzjoni ma tinbeda sakemm id-debitur ma jkunx ġie mħarrek kif xieraq għal kull forma ta’ eżekuzzjoni. Hemm ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi oħrajn rigward id-debitur, bħalma huma dawk li jirrigwardaw id-debituri minorenni jew li laħqu l-età maġġuri u ġew iddikjarati bħala li ma għandhomx kapaċità ġuridika, li kontrihom ma tkunx tista’ ssir azzjoni ta’ eżekuzzjoni, sakemm ma jkunx hemm tutur jew kustodju.

4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi

4.1 Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għall-eżekuzzjoni?

Id-dħul tad-debitur, inklużi dħul ġenerali minn bini, ammonti f’kontijiet bankarji, assi mobbli u immobbli, eċċ. jista’ jkun soġġett għall-eżekuzzjoni. Ara t-tweġiba għall-Mistoqsija 1.

4.2 X’inhuma l-effetti tal-miżuri eżekuttivi?

Wara li l-assi mobbli li huma proprjetà tad-debitur jew miżmuma minn partijiet terzi ikunu ġew identifikati, jiġu maqbuda. Fuq talba tal-uffiċjal ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, il-qbid jista’ jiġi rreġistrat fir-Reġistru tan-Negozju (registrul comerţului), Arkivju Elettroniku ta’ Kollateral ta’ Assi Immobbli (Arhiva Electronică de Garanţii Reale Mobiliare), fir-reġistru ta’ suċċessjoni (registrul succesoral) miżmum mill-Kamra tan-Nutara Pubbliċi (camera notarilor publici) jew f’reġistri pubbliċi oħrajn. Mill-mument tal-qbid ta’ assi, dawn ma jibqgħux disponibbli għad-debitur għall-perjodu ta’ eżekuzzjoni. L-inadempjenza twassal għal multa ġudizzjarja ħlief fejn jikkostitwixxi reat kriminali. Jekk l-ammont dovut ma jitħallasx, l-uffiċjal ġudizzjarju ta’ eżekuzzjoni ibigħ l-oġġetti maqbuda f’subbasta, jew permezz ta’ bejgħ dirett, inkella permezz ta’ mezzi oħra ammissibbli skont il-liġi (l-Artikolu 731 et seq. tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Somom ta’ flus, titoli jew assi mobbli intanġibbli oħra li jistgħu jinqabdu dovuti lid-debitur jew miżmuma f’isem id-debitur minn terzi jew li dawn tal-aħħar għandhom jagħtu lid-debitur fil-futur fuq il-bażi ta’ relazzjonijiet legali eżistenti huma suġġetti għal sekwestru. Hekk kif tintbagħat l-ordni ta’ sekwestru lit-terzi soġġetti għal sekwestru, kwalunkwe jew is-somom ta’ flus u l-assi kollha ssekwestrati jiġu ffriżati. Minn meta jsir l-iffriżar sal-pagament sħiħ tal-obbligi ddikjarati fl-ordni ta’ eżekuzzjoni, it-terzi soġġetti għal sekwestru ma għandhom jagħmlu l-ebda ħlas jew ma jwettqu l-ebda operazzjoni li jistgħu jnaqqsu l-assi ffriżati. Jekk it-terzi suġġetti għal sekwestru jonqsu milli jissodisfaw l-obbligi assoċjati, il-kreditur li jfittex il-ħlas, id-debitur jew l-uffiċjal tal-eżekuzzjoni ġudizzjarju jistgħu jirreferu l-kwistjoni lill-qorti tal-eżekuzzjoni bil-ħsieb li s-sekwestru jiġi validat. Id-deċiżjoni finali ta’ validazzjoni għandha l-effetti ta’ ċessjoni tat-talba u tikkostitwixxi ordni ta’ eżekuzzjoni kontra t-terzi soġġetti għas-sekwestru. Wara li jiġi vvalidat is-sekwestru, it-terzi soġġetti għal sekwestru jridu jiddepożitaw jew iħallsu somma, fil-limiti tal-ammont indikat espressament fid-deċiżjoni ta’ validazzjoni. In-nuqqas milli jagħmlu dan jirriżulta f'azzjoni ta’ eżekuzzjoni kontra t-terzi soġġetti għal sekwestru abbażi tad-deċiżjoni ta’ validazzjoni (l-Artikolu 781 et seq. tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

F’dak li għandu x’jaqsam mal-eżekuzzjoni ta’ proprjetà immobbli, jekk id-debitur ma jħallasx id-dejn tiegħu, l-uffiċjal ġudizzjarju ta’ eżekuzzjoni jiftaħ il-proċedura ta’ bejgħ wara li ssir id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà u tiddaħħal fir-reġistru tal-artijiet (l-Artikolu 813 et seq. tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

4.3 X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn?

Il-limitu ta’ żmien applikabbli huwa ta’ sitt xhur (l-Artikolu 697 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) jekk il-kreditur ikun ħalla dan il-perjodu jgħaddi mill-iskadenza għall-konformità ma’ kwalunkwe azzjoni ta’ eżekuzzjoni mingħajr ma jkun ħa xi azzjonijiet oħra ta’ rkupru.

Il-perjodu ta’ preskrizzjoni huwa ta’ tliet snin (l-Artikolu 706 et seq. tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?

Jista’ jsir appell kontra azzjonijiet attwali ta’ eżekuzzjoni; l-ordni ta’ eżekuzzjoni tista’ tiġi appellata għal kjarifika tat-tifsira, tal-kamp ta’ applikazjzoni jew l-applikazzjoni. Jekk titwettaq eżekuzzjoni skont sentenza tal-qorti, id-debitur ma jistax jikkontestaha billi jinvoka r-raġunijiet ta’ fatt/ta’ liġi li d-debitur seta’ ppreżenta waqt il-proċess quddiem il-qorti tal-prim’istanza jew quddiem qorti tal-appell.

Jekk l-eżekuzzjoni titwettaq taħt strument eżegwibbli għajr sentenza tal-qorti, raġunijiet ta’ fatt jew ta’ liġi relatati mas-sustanza tad-dritt inkorporat fl-istrument eżegwibbli jistgħu jiġu invokati wkoll fl-appell kontra l-eżekuzzjoni, sakemm il-liġi ma tipprovdix rimedju legali biex tħoll dak l-istrument eżegwibbli, inkluża azzjoni taħt il-liġi ordinarja.

Appell ġdid ma jistax jiġi ppreżentat mill-istess parti għar-raġunijiet li kienu jeżistu fid-data tal-ewwel appell.

Il-qorti kompetenti hija l-qorti ta’ eżekuzzjoni jew, għal kjarifika tat-tifsira, l-ambitu/l-applikazzjoni tal-ordni ta’ eżekuzzjoni, il-qorti li tat is-sentenza li għandha tiġi eżegwita.

L-appell jista’ jiġi ppreżentat fi żmien 15-il jum mid-data meta:

  • l-appellant ġie mgħarraf b’dan l-istrument ta’ eżekuzzjoni;
  • il-parti interessata rilevanti ġiet notifikata bl-impożizzjoni tas-sekwestru;
  • id-debitur ġie nnotifikat bit-taħrika jew id-data meta jkun ġie mgħarraf bl-ewwel azzjoni ta’ eżekuzzjoni.

Appell għal kjarifika tat-tifsira, il-kamp ta’ applikazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ ordni ta’ eżekuzzjoni jista’ jiġi ppreżentat fi kwalunkwe ħin matul il-perjodu ta’ limitazzjoni tad-dritt ta’ talba għal eżekuzzjoni. Appell li permezz tiegħu terzi jsostnu li jkollhom dritt ta’ proprjetà/dritt in rem fuq assi maqbud, jista’ jiġi ppreżentat fi żmien 15-il jum mill-bejgħ/data tal-konsenja bil-forza tal-proprjetà. In-nuqqas li jsir appell fil-limitu taż-żmien imsemmi hawn fuq ma jipprekludix lit-terzi milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom permezz ta’ rikors separat.

Jekk iżommu l-appell kontra l-eżekuzzjoni, il-qorti, fejn applikabbli, tannulla l-ordni ta’ eżekuzzjoni appellata jew toħroġ deċiżjoni għall-korrezzjoni, għall-annullament jew għat-tmiem tal-azzjoni ta’ eżekuzzjoni innifisha, għall-annullament jew għall-kjarifika tat-titolu eżegwibbli jew għall-eżekuzzjoni tal-att ta’ eżekuzzjoni li fir-rigward tiegħu kien hemm rifjut ta’ adempjenza. Jekk l-appell jiġi miċħud, l-appellant jista’ jiġi obbligat li jħallas kumpens, b’rikors, għad-danni kkawżati mid-dewmien tal-eżekuzzjoni u, meta l-appell ikun ġie ppreżentat in mala fede, huwa jkun obbligat li jħallas multa.

6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?

Ċerti assi u proprjetà huma eżentati. Assi mobbli eżentati huma: oġġetti għal użu personali/oġġetti tad-dar indispensabbli għall-ħajja ta’ kuljum tad-debitur u tal-familja tiegħu; oġġetti reliġjużi; oġġetti indispensabbli għal persuni b’diżabilità jew maħsuba għall-kura tal-morda; provvista ta’ ikel ta’ tliet xhur għad-debitur u l-familja tiegħu u, jekk id-debitur ikun esklużivament involut f’attivitajiet agrikoli, l-ikel meħtieġ sal-ħsad li jmiss; annimali li jipprovdu l-mezzi ta’ għajxien, u l-għalf meħtieġ għal dawn l-annimali sal-ħsad li jmiss; provvista ta’ karburant għax-xitwa ta’ tliet xhur għad-debitur u l-familja tiegħu; ittri, ritratti u pitturi personali jew tal-familja, eċċ.

Barra minn hekk, is-salarju/pensjoni tad-debitur jista’ jkun suġġett għal qbid sa nofs biss ta’ dħul nett ta’ kull xahar bħal dan fil-każ ta’ obbligi ta’ manteniment, u sa terz għal tipi oħra ta’ obbligi.

Jekk id-dħul mix-xogħol jew somom ta’ flus imħallsa regolarment lid-debitur li jiżguraw l-għajxien tiegħu jammontaw għal inqas mill-paga minima nazzjonali netta, il-qbid jista’ jsir biss fuq l-ammont ta’ aktar minn nofs il-paga minima.

Kategoriji ta’ dħul eskluż mill-eżekuzzjoni huma: Benefiċċji tal-Istat u allowances tat-tfal, ħlasijiet għall-kura ta’ tfal morda, benefiċċji tal-maternità, benefiċċji tal-mewt, għotjiet għall-istudju mill-Istat, allowances ta’ sussistenza ta’ kuljum, eċċ.

Ara wkoll it-tweġiba għall-Mistoqsija 4.3.

Links rilevanti

http://www.executori.ro/ http://www.just.ro/

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 13/10/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.