- 1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?
- 2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?
- 3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?
- 4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi
- 5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?
- 6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?
1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?
Fl-Iskozja, it-terminu diliġenza (diligence) jintuża sabiex jiddeskrivi għadd ta’ proċessi legali li jistgħu jitwettqu kontra d-debituri sabiex jiġi eżegwit il-ħlas tad-djun dovuti lill-kredituri. Id-diliġenza tista’ biss tipproċedi b’kompetenza fuq mandat legali bħal digriet tal-qorti jew dokument tad-dejn għall-ħlas ta’ flus jew, b’mod aktar wiesa’, ordni tal-qrati ċivili li ġeneralment tinkludi t-twettiq jew il-prevenzjoni ta’ att.
It-tipi ta’ diliġenza jinkludu s-sekwestru ta’ qligħ, is-sekwestru ta’ oġġetti jew ta’ fondi f’idejn terza persuna, il-qbid ta’ oġġetti jew ta’ fondi, l-inibizzjoni u l-aġġudikazzjoni għad-dejn.
Aġġudikazzjoni għad-dejn (“Adjudication for debt”)
L-aġġudikazzjoni għad-dejn hija diliġenza antika ħafna kontra proprjetà li tintiret, li l-effett tagħha huwa titolu ġudizzjarju li jintiret favur il-kreditur. Din id-diliġenza użata rarament hija proċess esklussiv tal-Qorti Suprema Ċivili (Court of Session). Wara li jingħata digriet ta’ aġġudikazzjoni, il-kopja formali tad-digriet (“extract degree”) tiġi rrekordjata jew irreġistrata fir-reġistru xieraq tal-artijiet tal-Iskozja (ir-Register of Sasines jew il-Land Register). Imbagħad il-kreditur aġġudikanti jikseb, b’mod ġenerali, l-istess drittijiet bħal kredituri oħra li jistgħu jintirtu, iżda dawn jeskludu setgħa ta’ bejgħ. Dan jippermetti lill-kreditur li jieħu passi sabiex ineħħi d-debitur jekk ikun fil-pussess, jew li jieħu passi sabiex jirċievi l-flus tal-kera mingħand l-inkwilini jekk il-proprjetà tkun mogħtija b’lokazzjoni. Huwa biss wara perjodu ta’ għaxar snin li l-kreditur ikun jista’ jressaq rikors quddiem il-qorti sabiex isir is-sid u jbigħ il-proprjetà.
Is-sekwestru ta’ oġġetti jew ta’ fondi (“Arrestment of goods or funds”) f’idejn terza persuna
Is-sekwestru huwa diliġenza kontra proprjetà mobbli li tappartjeni għad-debitur u li tinsab f’idejn terza persuna. Dan jaħdem billi jipprevjeni lit-terza persuna milli tirrilaxxa l-proprjetà maqbuda. Suġġetti li jistgħu jiġu arrestati jinkludu djun, fondi miżmuma f’kont tal-bank, ishma, proprjetà ta’ trusts, poloz tal-assigurazzjoni, u proprjetà mobbli korporali. Proprjetà mobbli korporali f’idejn id-debitur ma tistax tinqabad, peress li d-diliġenza xierqa għal din hija l-qbid (“attachment”).
Qbid ta’ oġġetti (“Attachment of goods”)
Proprjetà mobbli korporali fil-pussess ta’ debitur tista’ tinqabad minn kreditur u tinbiegħ b’subbasta bħala mezz ta’ rkupru ta’ djun pendenti. Madankollu, il-qbid ma jistax jintuża sabiex jinqabdu ċerti oġġetti bħal għodod tan-negozju jew kotba meħtieġa mid-debitur għall-professjoni tiegħu, jew vetturi li jkunu raġonevolment meħtieġa mid-debitur u li ma jaqbżux valur speċifikat. Lanqas ma jista’ jintuża qbiż sabiex jittieħed pussess ta’ oġġetti fid-dar fejn jabita d-debitur, sakemm ma tinħariġx ordni għal qbid eċċezzjonali mix-Xeriff (Sheriff) tal-qorti. Il-qbid jippermetti li kreditur jaqbad flus (flus kontanti li jinkludu muniti u karti tal-flus f’munita barranija, ordnijiet postali, strumenti bankarji, eċċ.) miżmuma fil-bini ta’ debitur, għalkemm il-flus f’abitazzjoni jew fuq il-persuna tad-debitur ma jistgħux jinqabdu.
Sekwestru tal-Qligħ (“Earnings Arrestment”)
Id-diliġenza kontra l-qligħ ta’ debitur tista’ tiġi eżegwita fil-forma ta’ sekwestru tal-qligħ (għall-eżekuzzjoni ta’ dejn wieħed), sekwestru tal-manteniment kurrenti (għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ manteniment jew ta’ allowance perjodika għal divorzju), jew mandat ta’ sekwestru konġunt (mandat mogħti mill-qorti biex jiġi eżegwit il-ħlas ta’ tnejn jew aktar mill-istess tip ta’ djun, fl-istess ħin). Jista’ jinħareġ ukoll mandat ta’ tnaqqis mill-qligħ skont it-termini tal-Att tal-1991 dwar Manteniment għat-Tfal (Child Support Act 1991) għal kull min ikun obbligat iħallas il-manteniment għat-tfal skont sekwestru tal-manteniment. Malli jiġi nnotifikat bi skeda ta’ sekwestru, l-impjegatur jeħtieġlu jnaqqas ammont mill-qligħ tad-debitur ikkalkolat f’konformità mat-tabelli statutorji kull jum ta’ ħlas u jħallsu lill-kreditur sakemm jiġi saldat id-dejn jew sakemm id-debitur jitlaq mill-impjieg.
Tkeċċija jew Tneħħija minn proprjetà
Tkeċċija tista’ ssir bl-awtorità ta’ digrieti għall-irkupru tal-pussess ta’ proprjetà li tintiret, għat-tneħħija jew għat-tkeċċija. It-tneħħija hija t-terminu użat meta sid ifittex li jirkupra l-pussess ta’ proprjetà mingħand kerrej. It-tkeċċija hija r-rimedju għat-tneħħija ta’ okkupant li ma jkollux dritt li jokkupa l-proprjetà li tista’ tintiret.
Inibizzjoni
L-inibizzjoni hija diliġenza personali li tipprojbixxi lil debitur milli jbigħ jew b’xi mod ieħor jiddisponi minn jew jagħti xi titolu fuq il-proprjetà li tintiret tiegħu, għad-detriment tal-kreditur tal-inibizzjoni. Din tinkiseb billi tiġi rreġistrata inibizzjoni fir-Reġistru ta’ Inibizzjonijiet u Aġġudikazzjonijiet (Register of Inhibitions and Adjudications). Inibizzjoni toffri serħan il-moħħ lill-inibitur fis-sens li d-debitur isib diffikultà sabiex jiddisponi mill-proprjetà tiegħu li tintiret, iżda ma tagħti l-ebda dritt in rem lill-inibitur fuq il-proprjetà. Inibizzjoni hija diliġenza negattiva jew projbittiva li tibqa’ effettiva għal perjodu ta’ ħames snin, iżda tispiċċa qabel jekk il-kreditur tal-inibizzjoni jaqbel dwar it-tmiem tagħha; normalment malli jiġi saldat id-dejn.
2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?
L-Uffiċjali tax-Xeriff (Sheriff Officers) u l-Uffiċjali Ġudizzjarji (Messengers-at-Arms) huma l-awtoritajiet kompetenti għall-eżekuzzjoni fl-Iskozja. Huma jingħataw struzzjonijiet mill-kredituri sabiex jeżegwixxu ordnijiet jew mandati tal-qorti kontra d-debituri li jinħarġu minn Qrati tax-Xeriff (Sheriff Courts) jew mill-Qorti Suprema Ċivili (Court of Session), kif ukoll dokumenti tad-dejn irreġistrati fil-Books of Council and Session għall-eżekuzzjoni.
3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?
3.1 Il-proċedura
Ordnijiet jew digrieti tal-qorti maħruġa minn Qorti tax-Xeriff (Sherriff Court) fi kwalunkwe distrett tax-Xeriff (Sheriffdom) fl-Iskozja, jew mill-Qorti Suprema Ċivili (Court of Session), u minn awtoritajiet ekwivalenti (bħal dokument tad-dejn irreġistrat għall-eżekuzzjoni), huma eżegwibbli. Kopja formali tad-digriet ġeneralment tispeċifika l-mandat għall-eżekuzzjoni legali kollha.
L-eżekuzzjoni permezz tad-diliġenza ġeneralment taqa’ taħt idejn l-Uffiċjali tax-Xeriff (Sheriff Officers) u l-Uffiċjali Ġudizzjarji (Messengers-at-Arms). Dawn huma kuntratturi indipendenti mħallsin bit-tariffi tagħhom li jkollhom Kummissjoni mill-Prinċipal tax-Xeriff (Sheriff Principal) tad-Distrett tax-Xeriff (Sheriffdom) fejn awtorizzati jaġixxu. Dawn l-uffiċjali huma soġġetti għall-kontroll u għas-superviżjoni tal-qorti, għalkemm mhumiex impjegati direttament mill-qorti. L-Att tal-1987 dwar id-Debituri tal-Iskozja [Debtors (Scotland) Act 1987] jistabbilixxi qafas statutorju għall-kontroll tal-ammissjoni, tat-taħriġ u tal-kondotta tagħhom fl-eżerċizzju tal-karigi uffiċjali tagħhom, filwaqt li l-Att tal-2002 dwar l-Arranġament u s-Sekwestru tad-Dejn tal-Iskozja [Debt Arrangement and Attachment (Scotland) Act 2002] u l-Att tal-2007 dwar il-Falliment u d-Diliġenza eċċ. tal-Iskozja [Bankruptcy and Diligence etc. (Scotland) Act 2007] jirregolaw il-karigi u l-kondotta tagħhom b’mod ulterjuri. Barra minn hekk, l-uffiċjali kollha tal-qorti meħtieġa jwettqu dmirijiethom f’konformità mal-Kostituzzjoni u mar-Regolamenti Sussidjarji (Bye-Laws) tas-Soċjetà tal-Uffiċjali Ġudizzjarji u l-Uffiċjali tax-Xeriff (Society of Messengers-at-Arms and Sheriff Officers).
Huwa biss f’xi proċessi ta’ eżekuzzjoni li jinħtieġ li jintuża avukat.
Bħalissa, it-tariffi imposti mill-Uffiċjali tax-Xeriff (Sheriff Officers) u l-Uffiċjali Ġudizzjarji (Messengers-at-Arms) huma stabbiliti mill-Att ta’ Sederunt tal-2013 dwar it-Tariffi tal-Uffiċjali tax-Xeriff [Act of Sederunt (Fees of Sheriff Officers) 2013] (SSI 2013/345) u mill-Att ta’ Sederunt tal-2013 dwar it-Tariffi tal-Uffiċjali Ġudizzjarji [Act of Sederunt (Fees of Messengers-at-Arms) 2013] (SSI 2013/346). Dawn it-tabelli tat-tariffi jinbidlu b’mod regolari.
3.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin
L-għoti ta’ digriet favur ir-rikorrent (il-persuna li tieħu passi) normalment ikun biżżejjed għall-eżekuzzjoni. Madankollu ħafna mid-diliġenzi jeħtieġu wkoll in-notifika ta’ talba għall-ħlas u l-ħruġ ta’ Pakkett ta’ Pariri u ta’ Informazzjoni dwar id-Dejn (Debt Advice and Information Package) qabel ma jkun jista’ jiġi rkuprat id-dejn. Talba għall-ħlas hija talba formali għall-ħlas innotifikata lil debitur għall-ammont dovut lil kreditur, inkluż kwalunkwe mgħax u spiża assoċjati. Din tipprovdi lid-debitur b’perjodu ta’ erbatax-il jum (jekk id-debitur ikun fir-Renju Unit) sabiex iħallas. Jekk id-dejn ma jkunx saldat fil-perjodu speċifikat, imbagħad il-kreditur ikun jista’ juża d-diliġenza sabiex jirkupra s-somom dovuti. Pakkett ta’ Pariri u ta’ Informazzjoni dwar id-Dejn jagħti l-parir lid-debituri sabiex jiksbu pariri dwar il-flus.
Fil-każ ta’ mandat ta’ qbid eċċezzjonali, il-kreditur jeħtieġlu jerġa’ jitla’ l-qorti sabiex ifittex awtorizzazzjoni speċifika għall-qbid ta’ oġġetti mhux essenzjali miżmuma fid-dar fejn jabita d-debitur. Waqt li jikkunsidra jekk joħroġx dan il-mandat, ix-Xeriff (Sheriff) iqis diversi kwistjonijiet. Dawn huma
- in-natura tad-dejn (u b’mod partikolari jekk id-dejn jikkonċernax kwalunkwe taxxa jew dazju jew kwalunkwe kummerċ jew negozju mwettaq mid-debitur);
- jekk id-debitur ikunx residenti fid-dar speċifikata;
- jekk id-debitur ikunx qed iwettaq negozju jew kummerċ minn dik id-dar;
- jekk ingħatax parir dwar il-flus lid-debitur;
- jekk tkunx skadiet kwalunkwe estensjoni taż-żmien għall-ħlas skont ordnijiet jew struzzjonijiet; u
- kwalunkwe ftehim bejn id-debitur u l-kreditur għas-saldu tad-dejn.
B’mod partikolari, ix-Xeriff (Sheriff) jeħtieġlu jkun sodisfatt li l-kreditur ħa passi raġonevoli sabiex jinnegozja saldu tad-dejn u li l-kreditur diġà jkun ħa passi sabiex jiġi eżegwit id-dejn permezz ta’ sekwestru u permezz ta’ sekwestru tal-qligħ u li jkun hemm prospett raġonevoli li s-somma rkuprata mis-subbasta tal-assi mhux essenzjali tad-debitur tal-anqas tkun tilħaq l-aggregat ta’ stima raġonevoli tal-ispejjeż imponibbli u £100.
Is-sekwestru jsir sabiex tinqabad proprjetà (fondi u oġġetti mobbli) f’idejn terza persuna u jiżgura miżura ta’ preferenza għall-kreditur tas-sekwestru. Meta jinqabdu fondi, dawn ikunu soġġetti għal rilaxx awtomatiku wara perjodu ta’ erbatax-il ġimgħa, dment li ma tkun ġiet ippreżentata l-ebda oġġezzjoni. Jenħtieġ li kwalunkwe oġġezzjoni tiġi ppreżentata quddiem ix-Xeriff (Sheriff) fil-qorti, u tkun fuq il-bażi li s-sekwestru jkun aħrax wisq, li l-Uffiċjal tax-Xeriff (Sheriff Officer) ma jkunx eżegwixxa s-sekwestru kif suppost, jew li l-fondi ssekwestrati jappartjenu għal terza persuna (jew huma proprjetà ta’ terza persuna maqsuma ma’ debitur). Għar-rilaxx ta’ oġġetti sekwestrati, il-kreditur jeħtieġlu jieħu azzjoni ta’ rilaxx (action of furthcoming) li, jekk tintlaqa’ mill-qorti, tordna lis-suġġett tal-qbid sabiex jirrilaxxa l-oġġetti ssekwestrati.
Fil-każ ta’ aġġudikazzjoni, jekk id-dejn jibqa’ mhux imħallas wara għaxar snin (“il-legali”), l-aġġudikant jista’ jikkonverti d-dritt tiegħu fi dritt ta’ proprjetà assoluta. Dan isir permezz ta’ azzjoni fil-Qorti Suprema Ċivili (Court of Session) magħrufa bħala azzjoni ta’ dikjaratur ta’ skadenza tal-legali (action of declarator of expiry of the legal). Debitur jista’ jiddefendi azzjoni ta’ dikjaratur ta’ skadenza tal-legali fuq il-bażi li d-dejn ikun imħallas.
Inibizzjoni tidħol fis-seħħ mid-data li fiha l-iskeda ta’ inibizzjoni u ċ-ċertifikat ta’ eżekuzzjoni tal-inibizzjoni jiġu rreġistrati fir-Reġistru ta' Inibizzjonijiet u Aġġudikazzjonijiet (Register of Inhibitions and Adjudications). Madankollu, meta notifika ta’ inibizzjoni tiġi rreġistrata fir-Reġistru ta' Inibizzjonijiet u Aġġudikazzjonijiet (Register of Inhibitions and Adjudications) u l-iskeda ta’ inibizzjoni u ċ-ċertifikat ta’ eżekuzzjoni jiġu rreġistrati fi żmien 21 jum minn din in-notifika, l-inibizzjoni tidħol fis-seħħ mid-data ta’ meta tiġi rreġistrata dik in-notifika.
4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi
4.1 Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għall-eżekuzzjoni?
Hemm diliġenza disponibbli għal kull tip ta’ assi, ħlief għal flus f’idejn id-debitur.
4.2 X’inhuma l-effetti tal-miżuri eżekuttivi?
Aġġudikazzjoni għad-dejn
L-aġġudikazzjoni għandha l-effett ta’ titolu ġudizzjarju li jintiret favur il-kreditur. Digriet ta’ aġġudikazzjoni ma jagħtix lill-aġġudikant setgħa immedjata ta’ bejgħ: setgħa biss li jiggarantixxi l-kirjiet jekk il-proprjetà li tintiret tkun mogħtija b’lokazzjoni, jew li jneħħi lid-debitur jekk ikun fil-pussess.
Is-sekwestru ta’ oġġetti jew ta’ fondi (“Arrestment of goods or funds”) f’idejn terza persuna
L-effett ta’ sekwestru huwa li jiffriża fondi u/jew proprjetà mobbli li jappartjenu lid-debitur u li jkunu f’idejn terza persuna. It-terza persuna ma tkunx tista’ tuża jew tiddisponi mill-oġġetti jew mill-fondi jew tirrilaxxahom lid-debitur mingħajr il-kunsens tal-kreditur. Sabiex jara li l-oġġetti ssekwestrati jiġu rilaxxati lil kreditur, il-kreditur jeħtieġlu jitlob azzjoni ta’ rilaxx (action of furthcoming). Il-fondi maqbuda f’idejn istituzzjoni finanzjarja huma soġġetti għal rilaxx awtomatiku wara perjodu ta’ 14-il ġimgħa jekk ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni. Jekk suġġett tas-sekwestru jinfired mis-suġġetti ssekwestrati, dan ikun responsabbli għall-kreditur li talab is-sekwestru għall-valur tiegħu. Teoretikament, huwa jkun ukoll ħati ta’ disprezz tal-qorti billi jkun aġixxa b’mod li jmur kontra mandat ta’ sekwestru. Hemm obbligu legali li s-suġġetti tas-sekwestru jiddivulgaw lil kreditur tas-sekwestru l-eżistenza jew il-firxa tal-assi ssekwestrati. In-nuqqas ta’ konformità ma’ dan l-obbligu jista’ jwassal sabiex ix-Xeriff (Sheriff) joħroġ ordni li tirrikjedi li s-suġġett tas-sekwestru jħallas somma flus lill-kreditur tal-qbid.
Sekwestru ta’ Qligħ jew Mandat ta’ Manteniment Kurrenti
Meta impjegatur ikun ġie nnotifikat bi skeda ta’ sekwestru tal-qligħ jew b’ordni ta’ manteniment kurrenti, jeħtieġlu jnaqqas l-ammont ikkalkulat u jħallsu lill-kreditur. Jekk l-impjegatur ma jikkonformax mat-termini, dan ikun responsabbli fil-konfront tal-kreditur għall-ammont ta’ flus li kien jenħtieġ li jitħallas.
Tkeċċija jew Tneħħija minn proprjetà
Digriet ta’ tkeċċija jew ta’ tneħħija għandu l-effett li jitlob li persuna toħroġ hija stess mill-proprjetà speċifikata fil-kopja formali tad-digriet. Jekk is-suġġett ta’ ordni ta’ tkeċċija jew ta’ tneħħija ma jikkonformax volontarjament u ma joħroġx sad-data speċifikata, l-Uffiċjali tax-Xeriff (Sheriff Officers) jistgħu jneħħuh u jżommu l-proprjetà taħt il-kontroll tagħhom, filwaqt li jitolbu l-assistenza tal-pulizija jekk ikun meħtieġ. Ordni ta’ Tneħħija minn Proprjetà li Tintiret (“Charge of Removing from Heritable Property”) trid tiġi nnotifikata lill-persuna li tkun se titneħħa, u l-perjodu tal-ordni li jkun fiha jrid ikun għadda qabel ma tkun tista’ sseħħ it-tneħħija jew it-tkeċċija, sakemm ix-Xeriff (Sheriff) ma jkunx temm dan ir-rekwiżit.
Inibizzjoni
Ir-reġistrazzjoni ta’ inibizzjoni fir-Reġistru ta' Inibizzjonijiet u Aġġudikazzjonijiet (Register of Inhibitions and Adjudications) għandha l-effett li tipprevjeni lid-debitur milli jbigħ jew b’xi mod ieħor jiddisponi mill-proprjetà tiegħu li tista’ tintiret għad-detriment tal-inibitur, jew milli jagħti garanzija fuqha. Kull disponiment jew garanzija standard jew att ieħor mogħti mid-debitur b’mod li jmur kontra inibizzjoni jkunu riduċibbli fl-istanza tal-inibitur.
Digriet ad factum praestandum huwa digriet għall-eżekuzzjoni mid-debitur ta’ att li ma jkunx ħlas ta’ flus u li jeħtieġ konformità. It-termini tad-digriet iridu jispeċifikaw preċiżament dak li għandu jsir u, meta jitressaq rikors għalih quddiem il-qorti, idealment tiżdied talba alternattiva għad-danni fin-nuqqas ta’ konformità. In-nuqqas ta’ konformità ma jistax jirriżulta fi priġunerija sakemm il-persuna li oriġinarjament talbet id-digriet (“ir-rikorrent”) ma tressaqx rikors quddiem il-qorti fejn ingħata inizjalment id-digriet. Imbagħad ikun f’idejn ir-rikorrent li jissodisfa lill-qorti li d-debitur ikun qed jirrifjuta bis-sħiħ li jikkonforma mad-digriet. Jekk tkun sodisfatta b’dan, il-qorti tista’ tordna l-priġunerija tal-intimat għal kwalunkwe perjodu li ma jaqbiżx is-6 xhur. Il-priġunerija ma sservix sabiex tneħħi l-obbligu impost bid-digriet.
Qbid ta’ flus
Dan jippermetti li kreditur jaqbad u jneħħi flus (flus li jinkludu muniti u karti tal-flus f’munita barranija, ordnijiet postali, strumenti bankarji, eċċ.) miżmuma fil-bini ta’ debitur, għalkemm il-flus f’abitazzjoni jew f’idejn id-debitur ma jistgħux jinqabdu.
4.3 X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn?
Aġġudikazzjoni għad-dejn
Wara l-għoti tad-digriet, il-kopja tiġi rreġistrata fir-reġistru xieraq tal-artijiet tal-Iskozja. Imbagħad id-digriet isir validu u wara perjodu ta’ 10 snin biss il-kreditur ikun jista’ jressaq rikors quddiem il-qorti sabiex isir is-sid u jbigħ il-proprjetà.
Is-sekwestru ta’ oġġetti jew ta’ fondi (“Arrestment of goods or funds”) f’idejn terza persuna
Is-sekwestru eżekuttiv jew jirnexxi jew le. Pereżempju, sekwestru jista’ jiġi nnotifikat lil bank iżda jekk id-debitur ma jkollux kont ma’ dak il-bank jew ma jkollux biżżejjed fondi fi kwalunkwe kont, allura ma jsir l-ebda sekwestru ta’ fondi.
Qbid ta’ oġġetti (“Attachment of goods”)
Qbid ikollu effett biss sa sitt xhur wara d-data meta l-oġġett jinqabad jew sa 20 jum wara d-data meta l-oġġett maqbud jitneħħa mill-post minn fejn inqabad, skont liema data tiġi l-ewwel. Mandat ta’ qbid eċċezzjonali jispeċifika l-perjodu li jrid jiġi eżegwit fih.
Sekwestru ta’ Qligħ jew Mandat ta’ Manteniment Kurrenti
In-notifika ta’ skeda ta’ sekwestru tal-qligħ, jew ta’ sekwestru tal-manteniment kurrenti, jew tirnexxi jew le. Jekk id-debitur ma jkunx impjegat tal-persuna li l-iskeda tiġi nnotifikata lilha, din taqa’. Jekk id-debitur ikun f’impjieg, din tibqa’ fis-seħħ sakemm id-dejn ikun saldat jew id-debitur jitlaq minn dak l-impjieg
Tkeċċija jew Tneħħija minn proprjetà
L-eżekuzzjoni tad-diliġenza skont digriet ta’ tneħħija jew ta’ tkeċċija trid titwettaq mingħajr dewmien żejjed. M’hemm l-ebda definizzjoni dwar x’jista’ jikkostitwixxi dewmien żejjed. Dan jiddependi miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ.
Inibizzjoni
Inibizzjoni tiġi preskritta wara 5 snin. Din tista’ tiġġedded b’rikors lill-qorti minn inibitur. Digriet ad factum praestandum irid jispeċifika eżattament x’għandu jsir u l-perjodu ta’ żmien biex isir.
Qbid ta’ flus
Il-qbid ta’ flus jew jirnexxi jew le. Pereżempju jekk il-Uffiċjal tax-Xeriff (Sheriff Officer) ma jsibx fondi fil-bini tad-debitur, allura l-qbid ta’ flus ma jkunx irnexxa. Jekk il-Qbid ta’ Flus jirnexxi, u qabel ma jgħaddi l-perjodu ta’ 14-il jum li jibda mill-jum li fih jiġi eżegwit il-qbid ta’ flus, l-uffiċjal tal-qorti (Sherriff Officers jew Messengers at Arms) jeħtieġlu jagħmel rapport lix-Xeriff (Sheriff). L-uffiċjal tal-qorti jeħtieġlu jikkopja r-rapport lid-debitur u lill-kreditur. Il-qbid jiġi bla effett jekk ix-Xeriff (Sheriff) jirrifjuta li jirċievi r-rapport.
5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?
Impjegatur jew id-debitur jista’ jippreżenta rikors lix-Xeriff (Sheriff) sabiex jagħmel ordni li tiddikjara ordni ta’ manteniment kurrenti invalida jew bla effett. Barra minn hekk, jekk id-debitur ikun juri b’mod li jissodisfa lix-Xeriff (Sheriff) li huwa improbabbli li jerġa’ jsir inadempjenti, ix-Xeriff (Sheriff) jista’ jordna t-treġġigħ lura tagħha.
Id-debitur, is-suġġett tas-sekwestru jew terza persuna jistgħu, permezz ta’ notifika ta’ oġġezzjoni, jippreżentaw rikors lix-Xeriff (Sheriff) għal ordni li treġġa’ lura jew tirrestrinġi s-sekwestru. Din in-notifika trid tingħata fi żmien 4 ġimgħat mill-eżekuzzjoni tas-sekwestru.
Jista’ jsir appell kontra kull deċiżjoni ta’ Xeriff (Sherriff) meħuda fir-rigward ta’ sekwestru jew ta’ sekwestru eċċezzjonali. L-appell jista’ jsir biss bil-permess tax-Xeriff (Sheriff), lill-Prinċipal tax-Xeriff (Sheriff Principal) u fuq punt ta’ dritt. Id-deċiżjoni tal-Prinċipal tax-Xeriff (Sheriff Principal) dwar dan l-appell hija finali.
Ir-raġunijiet għar-revoka jew għat-treġġigħ lura ta’ inibizzjoni huma meta l-inibizzjoni jkollha nuqqasijiet proċedurali u meta jitnaqqas id-digriet għall-ħlas.
Ma hemm l-ebda appell kontra t-tneħħija jew it-tkeċċija ladarba jiġi eżegwit id-digriet.
6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?
Debitur li Jidħol f’Soluzzjoni ta’ Dejn
Jekk debitur jiġi ssekwestrat jew jidħol f’att ta’ trust, f’att ta’ trust protett, jew fi programm ta’ ħlas tad-dejn taħt l-iskema ta’ arranġament tad-dejn, il-kredituri ma jistgħux jieħdu aktar diliġenza kontra d-debitur, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet. Minflok, il-kreditur ġeneralment ikollu jirrikorri għal talba għas-somom dovuti mal-fiduċjarju tad-debitur, jew għal żieda tad-dejn ma’ kwalunkwe programm ta’ ħlas tad-dejn.
Moratorju fuq id-Diliġenza
Għandu jiġi introdott moratorju fuq id-diliġenza fis-soluzzjonijiet statutorji kollha tad-dejn fl-Iskozja permezz ta’ tibdiliet fil-Att tal-1985 tal-Iskozja dwar il-Falliment [Bankruptcy (Scotland) Act 1985] li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2015 permezz tal-Att tal-2014 tal-Iskozja dwar il-Falliment u d-Dejn [Bankruptcy and Debt Advice (Scotland) Act 2014]. Dan ifisser li jekk individwu jinnotifika li jrid iressaq rikors għal soluzzjoni statutorja tad-dejn, jingħata perjodu ta’ protezzjoni ta’ 6 ġimgħat minn kwalunkwe azzjoni ta’ diliġenza kontrih mill-kredituri tiegħu. Dan huwa l-istess perjodu ta’ 6 ġimgħat li hemm stabbilit bħalissa fl-Att tal-2007 tal-Iskozja dwar il-Falliment u d-Diliġenza [Bankruptcy and Diligence (Scotland) Act 2007] li introduċa moratorju fuq id-diliġenza għal debitur li jkollu l-intenzjoni li japplika jew li jkun applika għal programm ta’ ħlas tad-dejn, jew perjodu ta’ 6 ġimgħat mid-data meta javża lill-amministratur tal-iskema ta’ arranġament tad-dejn li jkollu l-intenzjoni li japplika għal programm ta’ ħlas tad-dejn. Madankollu, dawn il-perjodi ta’ moratorju ta’ 6 ġimgħat jistgħu jitnaqqsu jew jiġu estiżi f’ċerti ċirkostanzi. [Bħala parti mill-Att tal-2020 tal-Iskozja dwar il-Coronavirus (Coronavirus (Scotland) Act 2020), il-perjodu ta’ protezzjoni bil-moratorju ġie estiż għal 6 xhur - din l-emenda se tibqa’ fis-seħħ sat-30 ta’ Settembru 2020 u tista’ tiġi estiża aktar permezz ta’ regolamenti].
Żmien għall-Ħlas
Meta toħroġ digriet kontra debitur għall-ħlas ta’ ċerti tipi ta’ dejn, il-qorti tista’ toħroġ ordni sabiex jingħata żmien għall-ħlas bl-effett li s-somma pagabbli tkun tista’ titħallas f’pagamenti parzjali maż-żmien. Ladarba d-diliġenza tkun bdiet, il-qorti tista’ toħroġ ordni sabiex jingħata żmien għall-ħlas. Filwaqt li tkun fis-seħħ struzzjoni jew ordni ta’ żmien għall-ħlas, din ma tkunx kompetenti sabiex tinnotifika talba għall-ħlas jew twettaq xi diliġenza sabiex teżegwixxi l-ħlas tad-dejn.
Termini għall-Eżekuzzjoni
Jekk wara d-data meta obbligu jkun sar eżegwibbli, dan ikun baqa’ fis-seħħ għal perjodu kontinwu ta’ għoxrin sena mingħajr ma ssir talba rilevanti u ma tiġix rikonoxxuta b’mod rilevanti s-sussistenza tal-obbligu, l-obbligu għandu jintemm. Għalhekk jekk ma tittieħed l-ebda diliġenza fuq digriet tal-qorti jew dokument tad-dejn għal perjodu kontinwu ta’ 20 sena mingħajr ma jkun ġie ammess ukoll b’mod inekwivoku bil-miktub mid-debitur jew f’ismu, l-obbligu jiġi preskritt. Madankollu, meta kreditur jeżegwixxi d-diliġenza sabiex jiġi eżegwit digriet jew dokument tad-dejn u d-debitur jirrikonoxxi b’mod ċar lill-kreditur li d-dejn għadu fis-seħħ, il-kreditur jingħata 20 sena oħra sabiex jitlob is-saldu sħiħ tat-talba kontra d-debitur.
Ħoloq relatati
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.