Kif tinforza deċiżjoni ta’ qorti

Slovakkja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?

Skont it-Taqsima 232(1) tal-Att Nru 160/2015, tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Kontenzjuża (Civilný sporový poriadok), l-eżegwibilità hija attribut ta’ deċiżjoni tal-qorti li tistabbilixxi obbligu ta’ konformità mad-deċiżjoni; din tikkonsisti fl-opzjoni ta’ eżegwibilità diretta u immedjata tad-deċiżjoni permezz ta’ mezzi legali. Bl-eċċezzjoni ta’ każijiet li jinvolvu l-minuri, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali hija kontrollata bl-Att Nru 233/1995 dwar aġenti tal-eżekuzzjoni u proċedimenti tal-eżekuzzjoni, li jemenda ċertu liġijiet, kif emendat (il-Kodiċi tal-Eżekuzzjoni) (Exekučný poriadok), li skontu hija deċiżjoni li għandha l-attribut tal-eżegwibilità biss li hija titolu li jista’ jkun infurzat. Il-Kodiċi tal-Eżekuzzjoni jiddefinixxi deċiżjoni tal-qorti li tista’ tkun infurzata bħala titolu li jista’ jkun infurzat jekk din tagħti dritt, tistabbilixxi obbligu jew taffettwa l-assi. It-Taqsima 45 tal-Kodiċi tal-Eżekuzzjoni ssemmi wkoll titoli oħra li jistgħu jkunu infurzati li fuq il-bażi tagħhom tista’ titwettaq eżekuzzjoni, inklużi titoli li jistgħu jiġu infurzati minn pajjiżi oħra u minn atti notarili.

L-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fil-każijiet li jinvolvu minuri hija kontrollata minn normi ġuridiċi differenti u ma taqax taħt il-Kodiċi tal-Eżekuzzjoni. Din hija koperta mit-Taqsima 370 et seq. tal-Att Nru 161/2015, il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Mhux Kontenzjuża (Civilný mimosporový poriadok). Din il-leġiżlazzjoni tapplika għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet:

- dwar il-kustodja ta’ minuri, id-drittijiet taż-żjara, jew l-obbligi rigward il-minuri minbarra obbligi finanzjarji;

- dwar ir-ritorn ta’ minuri barra mill-pajjiż fil-każ ta’ tneħħija jew żamma inġusta;

- jekk kwalunkwe leġiżlazzjoni speċifika jew trattat internazzjonali li r-Repubblika Slovakka hija marbuta bih jinkludi l-eżegwibilità ta’ ftehim jew strument awtentiku li jikkontrolla l-kustodja ta’ minuri, id-drittijiet taż-żjara, jew obbligi rigward il-minuri minbarra l-obbligi finanzjarji.

Il-kont li ġej, għalhekk, sejjer jagħmel distinzjoni bejn l-eżekuzzjoni skont il-Kodiċi tal-Eżekuzzjoni u l-eżekuzzjoni skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Mhux Kontenzjuża.

2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?

L-eżekuzzjoni skont il-Kodiċi tal-Eżekuzzjoni

L-eżekuzzjoni titwettaq minn aġent tal-eżekuzzjoni, li huwa persuna maħtura u awtorizzata mill-istat biex twettaq proċedimenti tal-eżekuzzjoni; proċedimenti bħal dawn jikkostitwixxu l-eżerċizzju tas-setgħa pubblika. L-eżekuzzjoni titwettaq minn aġent tal-eżekuzzjoni awtorizzat minn qorti: il-qorti tassenja każijiet billi toħroġ awtorizzazzjoni għal eżekuzzjoni lil aġenti tal-eżekuzzjoni individwali magħżula b’mod każwali bl-użu ta’ teknoloġija u softwer approvati mill-Ministeru sabiex tiġi prekluża l-possibbiltà li l-assenjazzjoni tal-każijiet tiġi influwenzata b’xi mod. L-aġenti tal-eżekuzzjoni huma elenkati fuq is-sit web http://www.ske.sk/. Il-Qorti Distrettwali ta’ Banská (Okresný súd Banská Bystrica) hija kompetenti għall-proċedimenti tal-eżekuzzjoni, jiġifieri r-rikorsi għall-eżekuzzjoni jridu jiġu diretti lil din il-qorti biss, irrispettivament mill-post ta’ domiċilju / residenza permanenti tal-obbligatur jew l-obbligant (jiġifieri l-kreditur jew id-debitur). Essenzjalment, madankollu, il-qorti se talloka każ lil aġent tal-eżekuzzjoni maħtur għall-qorti reġjonali li fil-ġurisdizzjoni tagħha jinsab l-indirizz tal-obbligant.

L-eżekuzzjoni skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Mhux Kontenzjuża

L-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni f’każ li jinvolvi minuri tista’ titwettaq biss minn qorti; il-qorti bil-ġurisdizzjoni territorjali hija essenzjalment il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha l-minuri għandu l-post tad-domiċilju, kif maqbul mill-ġenituri jew b’mod legali ieħor. Jekk il-qorti bil-ġurisdizzjoni territorjali mhijiex magħrufa, jew ma tistax tintervjeni fi żmien xieraq, il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha l-minuri joqgħod attwalment se tordna u twettaq l-eżekuzzjoni. Il-qorti li għandha ġurisdizzjoni territorjali għall-eżekuzzjoni ta’ miżura urġenti hija l-qorti li ordnat il-miżura; jekk miżura urġenti tiġi ordnata minn qorti tal-appell, il-qorti tal-prim’istanza għandha l-ġurisdizzjoni territorjali. Il-qorti bil-ġurisdizzjoni territorjali għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-ritorn ta’ minuri li huwa barra mill-pajjiż fil-każ ta’ tneħħija jew żamma inġusta hija l-qorti tal-prim’istanza.

Id-deċiżjoni għalhekk tiġi eżegwita mill-imħallef stess, iżda l-imħallef jista’ jawtorizza uffiċjal ġudizzjarju biex jagħmel l-arranġamenti għat-tneħħija tal-minuri. Meta jeżegwixxi d-deċiżjoni, l-uffiċjal ġudizzjarju awtorizzat, għandu skont il-liġi, l-istess awtorità bħall-imħallef.

3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?

3.1 Il-proċedura

Il-proċedura skont il-Kodiċi tal-Eżekuzzjoni

Skont it-Taqsima 48 tal-Kodiċi tal-Eżekuzzjoni l-obbligatur (jiġifieri l-obbligatur minn titolu eżegwibbli; l-entità li jingħatalha pretensjoni għall-ħlas minn deċiżjoni eżegwibbli) jippreżenta rikors għall-eżekuzzjoni jekk l-obbligant ma jikkonformax b’mod volontarju mad-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni. Il-proċedimenti tal-eżekuzzjoni għalhekk jibdew bħala reazzjoni għal rikors mill-parti li hija intitolata li titlob ħlas tal-pretensjoni mit-titolu li jista’ jkun infurzat.

Kif iddikjarat hawn fuq, rikors għall-eżekuzzjoni għandu jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti Distrettwali ta’ Banská Bystrica b’mod elettroniku, jiġifieri tintbagħat lill-kaxxa tal-posta elettronika tal-qorti fuq il-formola elettronika speċifikata, li hija disponibbli mis-sit web tal-Ministeru. Ir-rikors irid jiġi awtorizzat; jekk le, dan jiġi injorat. Jekk l-obbligatur jew ir-rappreżentant tiegħu ma għandhomx kaxxa tal-posta elettronika attivata, ir-rikors għall-eżekuzzjoni jista’ jiġi ppreżentat minn kwalunkwe aġent tal-eżekuzzjoni. F’dan il-każ, l-aġent tal-eżekuzzjoni huwa rappreżentant awtorizzat tal-obbligatur għas-servizz sakemm tinħareġ l-awtorizzazzjoni għall-eżekuzzjoni, u għal dan, l-aġent tal-eżekuzzjoni huwa intitolat għal remunerazzjoni u r-rimborż tal-ispejjeż; l-ammont tal-ispejjeż u kif dawn jiġu kkalkulati huwa stabbilit mill-Ministeru f’att ta’ applikazzjoni ġenerali. Ir-rikors għall-eżekuzzjoni jrid jiddikjara d-dettalji li ġejjin:

(a) il-qorti li lilha hija indirizzata;

(b) l-obbligatur u l-obbligant, jekk dan tal-aħħar huwa parti fil-proċedimenti;

(c) ir-rappreżentant tal-obbligatur, u jekk ir-rikors jiġi ppreżentat minn diversi obbligaturi, ir-rappreżentant komuni tal-obbligaturi (dan jirreferi għall-obbligu li jinħatar rappreżentant komuni);

(d) l-aġent tal-eżekuzzjoni, jekk ir-rikors għall-eżekuzzjoni huwa ppreżentat minn aġent tal-eżekuzzjoni;

(e) it-titolu li jista’ jkun infurzat li fuq il-bażi tiegħu tista’ titwettaq l-eżekuzzjoni, u li jistabbilixxi l-awtorizzazzjoni li jiġi ppreżentat rikors għall-eżekuzzjoni kontra l-obbligant; jekk dan jikkonċerna s-suċċessjoni legali, irid jingħata rendikont tal-fatti li jistabbilixxi s-suċċessjoni legali;

(f) rendikont tal-fatti prinċipali u indikazzjoni tal-evidenza li tikkonċerna r-relazzjoni mal-obbligant, jekk l-eżekuzzjoni titwettaq fuq il-bażi ta’ titolu li jista’ jkun infurzat li jkun ta l-pretensjoni minn kambjali jew ċedola kontra l-obbligant, li huwa persuna fiżika; dan japplika wkoll jekk l-awtorizzazzjoni li jiġi ppreżentat rikors għall-eżekuzzjoni tkun ġiet stabbilita permezz ta’ sensiela kontinwa ta’ ġiri tal-kambjali;

(g) il-pretensjoni; jekk din hija pretensjoni għall-ħlas din għandha tiġi diviża f’kapital, inċidenti kapitalizzati, il-penali kuntrattwali u l-ispejjeż tal-eżekuzzjoni tal-obbligatur;

(h) il-kont tal-bank tal-obbligatur li fih għandu jitħallas il-pagament infurzat;

(i) l-indirizz tal-posta elettronika tal-obbligatur għall-komunikazzjonijiet elettroniċi mal-aġent tal-eżekuzzjoni, jekk l-obbligatur ma għandux kaxxa tal-posta elettronika attivata;

(j) dikjarazzjoni mill-obbligatur dwar is-sodisfazzjon ta’ kundizzjoni jew obbligu reċiproku jekk, dak li t-titolu li jista’ jkun infurzat jordna lill-obbligant jagħmel, huwa marbut mas-sodisfazzjon ta’ kundizzjoni jew obbligu reċiproku, u indikazzjoni tal-evidenza;

(k) dikjarazzjoni mill-obbligatur li l-obbligu taħt it-titolu li jista’ jkun infurzat ma ġiex rilaxxat volontarjament; jekk parti mill-obbligu ma ġietx rilaxxata, din il-parti għandha tiġi ddikjarata fil-jum meta jiġi ppreżentat ir-rikors għall-eżekuzzjoni;

(l) id-data tal-preżentata tar-rikors.

Dawn li ġejjin għandhom jiġu mehmuża mar-rikors għall-eżekuzzjoni:

(a) kopja doppja tat-titolu li jista’ jkun infurzat u konferma tal-eżegwibilità tiegħu, jekk meħtieġ; kull ordni ta’ ħlas maħruġa fil-proċedimenti tal-pretensjoni jridu jkunu mehmuża;

(b) dokument li jistabbilixxi s-suċċessjoni legali; jekk is-suċċessjoni legali hija stabbilita bil-liġi jew bir-Reġistru Kummerċjali (Obchodný register) huwa biżżejjed li ssir referenza għalihom;

(c) dokument li minnu huwa evidenti li ġiet sodisfatta kundizzjoni jew obbligu reċiproku, jekk dan huwa meħtieġ mit-titolu li jista’ jkun infurzat;

(d) kuntratt tal-konsumatur u d-dokumenti kuntrattwali l-oħrajn kollha relatati mal-kuntratt konkluż minn konsumatur, inklużi d-dokumenti li l-kuntratt konkluż minn konsumatur jirreferi għalihom, jekk dan jikkonċerna l-eżekuzzjoni fuq il-bażi ta’ titolu li jista’ jkun infurzat li jagħti pretensjoni minn kuntratt konkluż minn konsumatur; dan ma japplikax jekk it-titolu li jista’ jkun infurzat huwa ordni ta’ ħlas maħruġa fi proċedimenti ta’ pretensjoni.

Jekk isir rikors għall-eżekuzzjoni fuq il-bażi ta’ titolu li jista’ jkun infurzat minn pajjiż ieħor, l-obbligatur għandu jehmeż ukoll dokumenti b’konformità mat-tip ta’ titolu li jista’ jkun infurzat (it-Taqsima 48(5) tal-Kodiċi tal-Eżekuzzjoni).

Meta tirċievi rikors għall-eżekuzzjoni, il-qorti teżaminah u, jekk jissodisfa r-rekwiżiti statutorji, toħroġ awtorizzazzjoni u tagħtiha lil aġent tal-eżekuzzjoni li jagħmel l-arranġamenti għall-eżekuzzjoni.

Il-proċedura kont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Mhux Kontenzjuża

Il-partijiet fil-proċedimenti dwar l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni huma l-minuri, u l-obbligatur u l-obbligant taħt it-titolu li jista’ jkun infurzat. Jekk l-obbligant ma jikkonformax b’mod volontarju mat-titolu li jista’ jkun infurzat, l-obbligatur jista’ jippreżenta rikors għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni; madankollu, skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Mhux Kontenzjuża, il-qorti tista’ tibda proċedimenti minn jeddha. Id-deċiżjoni tista’ tiġi infurzata biss meta tinħareġ ordni dwar l-eżekuzzjoni tagħha, u l-eżekuzzjoni tista’ tipproċedi mingħajr ma l-ordni tingħata lill-partijiet. Fl-infurzar tad-deċiżjoni, il-qorti tneħħi l-minuri mill-persuna li l-minuri mhux suppost ikun magħha skont id-deċiżjoni, u tagħmel arranġamenti biex il-minuri jingħata lill-persuna li d-deċiżjoni tkun fdata bil-minuri, jew il-persuna li lilha d-deċiżjoni tagħti dritt li jkollha kuntatt mal-minuri għal perjodu ta’ żmien limitat, jew persuna awtorizzata biex tirċievi minuri li tneħħa jew inżamm inġustament.

3.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Il-proċedimenti tal-eżekuzzjoni skont il-Kodiċi tal-Eżekuzzjoni

Il-kundizzjonijiet għall-proċedimenti tal-eżekuzzjoni skont il-Kodiċi tal-Eżekuzzjoni huma l-eżistenza ta’ titolu li jista’ jkun infurzat, il-preżentata ta’ rikors għall-eżekuzzjoni, u l-ħlas ta’ tariffa tal-qorti (EUR 16,50). It-tariffa tal-qorti hija dovuta mal-preżentata tar-rikors, u din tista’ titħallas biss bi trasferiment postali jew bi trasferiment bankarju. Id-data tal-kont għall-ħlas ta’ din it-tariffa tiġi kkomunikata b’mod awtomatiku. Il-qorti ma tordnax il-ħlas tat-tariffa; jekk din ma titħallasx fi żmien 15-il ġurnata wara l-preżentata tar-rikors, ir-rikors jiġi injorat; dan ma japplikax jekk l-obbligatur huwa eżentat mit-tariffi tal-qorti, u l-qorti tinforma lill-obbligatur b’dan il-fatt.

Wara li l-eżekuzzjoni ta’ dritt ta’ twettiq, minbarra l-ħlas ta’ somma ta’ flus, tkun bdiet, l-aġent tal-eżekuzzjoni tal-obbligatur jista’ jitlob ħlas bil-quddiem għall-ispejjeż tal-proċedimenti; dan ma japplikax jekk l-obbligatur huwa eżentat mit-tariffi tal-qorti. Jekk l-obbligatur ma jħallasx dan il-ħlas bil-quddiem mat-talba tal-aġent tal-eżekuzzjoni fil-limitu taż-żmien speċifikat mill-aġent, li ma jistax ikun inqas minn 15-il ġurnata, l-aġent tal-eżekuzzjoni se joħroġ notifika tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni.

Skont il-Kodiċi tal-Eżekuzzjoni, titolu li jista’ jkun infurzat huwa deċiżjoni tal-qorti li tista’ tkun infurzata jekk din tagħti dritt, tistabbilixxi obbligu jew taffettwa l-assi. Titolu li jista’ jkun infurzat jista’ jkun ukoll:

(a) deċiżjoni minn istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni Ewropea;

(b) titolu li jista’ jkun infurzat minn pajjiż ieħor li jista’ jiġi infurzat fis-Slovakkja;

(c) att notarili li fih obbligu legali u li jispeċifika l-obbligatur u l-obbligant, ir-raġunijiet legali, is-suġġett u ż-żmien tat-twettiq, jekk l-obbligant fl-att notarili jkun ta l-kunsens għall-eżegwibilità;

(d) deċiżjoni li tista’ tiġi infurzata maħruġa fi proċedimenti ta’ arbitraġġ, inkluża l-konċiljazzjoni approvata fihom;

(e) deċiżjoni dwar wirt;

(f) deċiżjoni li tista’ tiġi infurzata minn amministrazzjoni pubblika jew korp tal-gvern awtononu reġjonali, inkluż avviż għal penali li ma tħallsitx fuq il-post;

(g) valutazzjoni tal-ħlas, dikjarazzjoni tal-arretrati għat-taxxi u t-tariffi, u konċiljazzjoni approvata mill-korp xieraq;

(h) deċiżjoni li tista’ tiġi infurzata u dikjarazzjoni tal-arretrati għas-sigurtà soċjali, l-assigurazzjoni soċjali, l-iskema tal-pensjoni tax-xjuħija u l-assigurazzjoni tas-saħħa pubblika;

(i) deċiżjoni oħra li tista’ tiġi infurzata, dikjarazzjoni tal-arretrati jew konċiljazzjoni approvata li hija eżegwibbli bil-liġi;

(j) dokument maħruġ skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fi Stat Membru ieħor tal-UE, jekk dan jikkonċerna l-irkupru ta’ riċevibbli kif speċifikat fil-leġiżlazzjoni rilevanti;

(k) notifika tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u talba għall-ħlas tal-ispejjeż tal-eżekuzzjoni;

(l) titolu li jista’ jkun infurzat speċifikat fil-leġiżlazzjoni rilevanti.

Il-proċedimenti tal-eżekuzzjoni skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Mhux Kontenzjuża

L-unika kundizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni huwa t-titolu li jista’ jkun infurzat stess, għaliex il-qorti tista’ tibda proċedimenti minn jeddha; il-qorti tista’ tordna l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni minn jeddha, u l-proċedura għall-infurzar ta’ miżura urġenti dejjem tiġi ordnata mill-qorti stess. L-obbligatur ma jħallas ebda tariffa tal-qorti għar-rikors, għaliex dawn il-proċedimenti huma eżenti mit-tariffi tal-qorti.

4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi

4.1 Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għall-eżekuzzjoni?

Assi soġġetti għall-eżekuzzjoni skont il-Kodiċi tal-Eżekuzzjoni

Jekk il-bażi għall-eżekuzzjoni hija titolu li jista’ jkun infurzat li jistabbilixxi obbligu li titħallas somma ta’ flus, l-eżekuzzjoni tista’ titwettaq permezz ta’:

(a) ordni ta’ sekwestru tal-qligħ;

(b) ordni għal ħlas;

(c) bejgħ ta’ proprjetà mobbli;

(d) bejgħ ta’ titoli;

(e) bejgħ ta’ proprjetà immobbli;

(f) bejgħ ta’ impriża;

(g) ordni biex tiġi sospiża liċenzja tas-sewqan.

Jekk dan jikkonċerna l-eżekuzzjoni biex tiġi rkuprata riċevibbli li, mingħajr l-inċidentali, fil-jum meta jiġi nnotifikat ir-rikors għall-eżekuzzjoni ma tkunx ogħla minn EUR 2 000 (“eżekuzzjoni b’valur baxx”), l-eżekuzzjoni ma tistax titwettaq bil-bejgħ tal-proprjetà immobbli li fiha l-obbligant għandu r-residenza permanenti jew temporanja tiegħu; dan huwa mingħajr ħsara għad-dritt li jitpoġġa rahan fuq il-proprjetà immobbli. L-eżekuzzjoni għall-irkupru ta' riċevibbli għall-manteniment mhijiex meqjusa bħala eżekuzzjoni b’valur baxx.

L-eżekuzzjoni permezz tal-bejgħ tal-proprjetà immobbli li fiha l-obbligant għandu residenza permanenti jew temporanja tista’ titwettaq biss bl-approvazzjoni tal-qorti jekk hemm diversi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni kontra l-obbligant għall-irkupru ta’ riċevibbli li bħala total jaqbżu l-EUR 2 000 u l-aġent tal-eżekuzzjoni jista’ juri li r-riċevibbli ma tistax tiġi rkuprata fi kwalunkwe mod ieħor. Ir-rikors għall-approvazzjoni tal-bejgħ tal-proprjetà immobbli msemmija fis-sentenza preċedenti jista’ jiġi ppreżentat mill-aġent tal-eżekuzzjoni li jkun poġġa rahan fuq il-proprjetà immobbli minn tal-ewwel, kif ukoll bil-kunsens bil-miktub ta’ dan l-aġent, minn aġent tal-eżekuzzjoni li r-rahan tiegħu tpoġġa f’data suċċessiva.

Jekk il-bażi għall-eżekuzzjoni huwa titolu li jista’ jkun infurzat li jimponi obbligu, minbarra l-ħlas ta’ somma tal-flus, il-metodu tal-eżekuzzjoni huwa kkontrollat min-natura tal-obbligu. Din tista’ titwettaq permezz ta’:

(a) ħruġ għal kollox mill-proprjetà;

(b) konfiska jew qerda ta’ oġġetti bi spejjeż għall-obbligant;

(c) diviżjoni ta’ oġġett kondiviż;

(d) twettiq ta’ xogħol u servizzi.

Il-proċedimenti tal-eżekuzzjoni ma jistgħux jaffettwaw l-assi jew id-drittijiet li skont il-Kodiċi tal-Eżekuzzjoni jew leġiżlazzjoni speċifika mhumiex soġġetti għal eżekuzzjoni, jew huma esklużi mill-eżekuzzjoni, jew mhumiex ammissibbli għall-eżekuzzjoni. L-eżekuzzjoni għalhekk tista’ titwettaq biss fuq rahan jekk l-obbligatur huwa l-kreditur tar-rahan, jew jekk il-kreditur tar-rahan jagħti l-kunsens għall-eżekuzzjoni. L-eżekuzzjoni tista’ titwettaq biss fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-pretensjoni elenkata fl-awtorizzazzjoni għall-eżekuzzjoni u l-ispejjeż tal-eżekuzzjoni; dan ma japplikax jekk l-eżekuzzjoni titwettaq permezz tal-bejgħ ta’ proprjetà mobbli li ma tkunx tista' tiġi kondiviża, jew permezz tal-bejgħ ta’ proprjetà immobbli meta l-obbligant ma jkollux biżżejjed assi alternattivi li bihom jista’ jissodisfa l-pretensjoni.

Dawn li ġejjin mhumiex soġġetti għal eżekuzzjoni:

(a) proprjetà immobbli tal-istat u taħt l-amministrazzjoni ta’ amministratur skont leġiżlazzjoni speċifika, minbarra proprjetà immobbli taħt amministrazzjoni temporanja skont leġiżlazzjoni speċifika;

(b) dħul tal-baġit tal-istat, flus fuq il-kont kurrenti ta’ organizzazzjoni ffinanzjata mill-istat u riċevibbli mir-relazzjonijiet legali li jistabbilixxu t-tali dħul;

(c) titoli tal-istat, u l-ekwità tal-istat f’persuni ġuridiċi;

(d) flus maħsuba biex ikopru d-defiċit tal-baġit tal-istat u d-dejn nazzjonali;

(e) assi oħra tal-istat, kif ipprovdut minn leġiżlazzjoni speċifika;

Assi oħra tal-istat u l-assi tal-Bank tal-Esportazzjoni u l-Importazzjoni tar-Repubblika Slovakka (Exportnoimportná banka Slovenskej republiky) mhumiex soġġetti għal eżekuzzjoni jekk dawn ikunu ġew esklużi mill-eżekuzzjoni minħabba li huma essenzjali għat-twettiq tax-xogħol tal-istat, jew għal skop ta’ benefiċċju pubbliku, jew li l-assi tal-Bank tal-Esportazzjoni u l-Importazzjoni huma essenzjali għall-ħidma tiegħu. F’każijiet bħal dawn jista’ jiġi ppreżentat rikors biex jiġu esklużi xi oġġetti mill-eżekuzzjoni fi żmien 60 jum mill-għoti tan-notifika tal-bidu tal-eżekuzzjoni. Il-proċedimenti tal-eżekuzzjoni fuq assi tal-istat bħal dawn jistgħu jitwettqu biss fuq assi tal-istat taħt l-amministrazzjoni ta’ amministratur tal-assi tal-istat, li mill-attività tiegħu ġiet stabbilita l-pretensjoni tal-obbligatur.

L-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Mhux Kontenzjuża

Il-qorti tneħħi lill-minuri mill-persuna li l-minuri mhux suppost qiegħed magħha skont id-deċiżjoni, u tagħmel arranġamenti biex il-minuri jingħata lill-persuna li lilha d-deċiżjoni tafda l-minuri, jew il-persuna li lilha d-deċiżjoni tagħti dritt li jkollha kuntatt mal-minuri għal perjodu ta’ żmien limitat, jew persuna awtorizzata biex tirċievi minuri li jkun tneħħa jew inżamm inġustament. L-imħallef jista’ jawtorizza lil uffiċjal ġudizzjarju biex jagħmel arranġamenti għat-tneħħija tal-minuri. Meta jeżegwixxi d-deċiżjoni, l-uffiċjal ġudizzjarju awtorizzat, għandu skont il-liġi, l-istess awtorità bħall-imħallef.

4.2 X’inhuma l-effetti tal-miżuri eżekuttivi?

Meta tinbeda l-eżekuzzjoni, l-aġent tal-eżekuzzjoni jinnotifika lill-obbligant u lill-obbligatur bil-bidu tagħha u kif din se titwettaq, jekk dan jista’ jiġi stabbilit (qabel il-ħruġ ta’ ordni ta’ eżekuzzjoni), u jitlob lill-obbligant jissodisfa l-pretensjoni. In-notifika tal-bidu tal-eżekuzzjoni tinkludi l-ispejjeż fil-każ li l-obbligu jiġi ssodisfat fi żmien 15-il ġurnata wara li tingħata din in-notifika, kif ukoll l-ispejjeż wara li jiskorru l-15-il ġurnata wara li tingħata n-notifika jekk l-obbligant ma jkunx issodisfa l-obbligu f’dan il-limitu taż-żmien.

L-effetti tan-notifika tal-bidu tal-eżekuzzjoni

Atti legali ta' rutina

Wara li tingħata notifika tal-bidu tal-eżekuzzjoni, l-obbligant għandu jillimita ruħu għall-atti legali regolari fl-ambitu li fih dawn jistgħu jkunu raġonevolment rikjesti minnu minħabba l-ammont u s-sinifikat tal-pretensjoni. Għal persuna ġuridika jew kummerċjant waħdieni, l-atti legali ta' rutina huma atti legali li huma essenzjali għat-twettiq tal-attivitajiet li huma s-suġġett tal-ħidma jew tan-negozju tiegħu. Għal persuni fiżiċi oħra, l-atti legali regolari huma atti legali li huma essenzjali biex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet ordinarji tagħhom jiġu ssodisfati, kif ukoll il-ħtiġijiet ta’ dawk li l-persuna fiżika hija obbligata tħallas il-manteniment tagħhom.

B’mod partikolari, dawn li ġejjin mhumiex meqjusin bħala atti legali regolari:

(a) l-istabbiliment ta’ negozju, kooperattiva jew entità ġuridika oħra;

(b) l-akkwist jew it-trasferiment ta’ ekwità f’negozju, kooperattiva jew entità ġuridika oħra;

(c) it-trasferiment jew il-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli, jew l-ipoteka tagħha bi dritt ta’ parti terza;

(d) it-twettiq ta’ att legali mingħajr remunerazzjoni adegwata.

Id-disponiment tal-assi soġġetti għall-eżekuzzjoni

Wara l-għoti tan-notifika tal-bidu tal-eżekuzzjoni, mhuwiex possibbli li jsir disponiment tal-assi soġġetti għall-eżekuzzjoni mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-aġent tal-eżekuzzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ atti legali regolari. Id-disponiment tal-assi li jmur kontra din il-projbizzjoni ma jaffettwax il-validità ta’ att legali, iżda t-tali att legali huwa mingħajr effett għall-obbligatur, u l-pretensjoni tal-obbligatur tista’ tiġi ssodisfata fl-eżekuzzjoni minn dak li jkun intilef, u mingħajr il-ħtieġa li jiġi kkontestat l-att legali jekk dan jikkonċerna d-disponiment tal-assi għall-benefiċċju tal-persuni elenkati fit-Taqsima 42a(3) u (4) tal-Kodiċi Ċivili (Občiansky zákonník) li kienu jafu bil-proċedimenti tal-eżekuzzjoni jew li kieku kienu jkunu jafu kieku ħadu d-diliġenza dovuta kollha.

Tpaċija tal-pretensjonijiet

Wara li tkun inbdiet l-eżekuzzjoni, it-tpaċija unilaterali tal-pretensjoni tal-obbligant kontra l-obbligatur tiġi injorata, sakemm din ma tkunx permessa minn titolu li jista’ jkun infurzat li fuq il-bażi tiegħu l-obbligant jista’ jwettaq l-eżekuzzjoni.

L-effetti tas-sodisfazzjon ta’ pretensjoni

Wara li tingħata n-notifika tal-bidu tal-proċedimenti tal-eżekuzzjoni, l-effetti tas-sodisfazzjon tal-pretensjoni jirriżultaw biss jekk l-aġent tal-eżekuzzjoni jirċievi l-ħlas tal-ammont dovut. Jekk isir il-ħlas għall-pretensjoni qabel ma tingħata n-notifika tal-bidu tal-proċedimenti tal-eżekuzzjoni, l-obbligatur għandu jinforma lill-aġent tal-eżekuzzjoni bit-tali ħlas mingħajr dewmien żejjed.

4.3 X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn?

Il-validità ta’ dawn il-miżuri mhijiex soġġetta għal kwalunkwe limitu taż-żmien.

5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?

Sospensjoni tal-eżekuzzjoni u waqfien tal-eżekuzzjoni skont il-Kodiċi tal-Eżekuzzjoni

L-obbligant jista’ jissospendi l-eżekuzzjoni billi jitlob lill-aġent tal-eżekuzzjoni għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni (l-aġent imbagħad joħroġ notifika tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni), b’mod partikolari minħabba r-raġunijiet li ġejjin min-naħa tal-obbligant:

(a) ġiet ippreżentata azzjoni speċjali (vylučovacia žaloba), jew qed jitwettqu proċedimenti biex tiġi determinata s-sjieda, jekk dan jikkonċerna l-assi soġġetti għall-eżekuzzjoni;

(b) l-obbligant, li huwa persuna fiżika, ikun għamel rikors għal ħlas parzjali, u dan ikun ittieħed kont tiegħu;

(c) l-obbligant, li huwa persuna fiżika, għamel rikors għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u ddikjara li mingħajr ebda tort tiegħu, jinsab temporanjament f’sitwazzjoni fejn l-eżekuzzjoni immedjata jista’ jkollha konsegwenzi serji ħafna għalih jew għall-membri tal-familja tiegħu;

(d) fl-eżekuzzjoni għall-irkupru tal-manteniment, l-obbligant ħallas il-manteniment dovut, inklużi l-ispejjeż tal-obbligatur u tal-aġent tal-eżekuzzjoni, ikun għamel rikors għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u ddikjara li se jkompli b’mod volontarju jħallas il-manteniment regolari permezz tal-aġent tal-eżekuzzjoni;

(e) l-obbligant, li ppreżenta rikors għall-waqfien tal-eżekuzzjoni, ħallas garanzija ugwali għall-valur tal-pretensjoni lil kont speċjali li l-aġent tal-eżekuzzjoni fetaħ għal dan il-għan.

L-obbligant jista’ jitlob ukoll lill-qorti għal waqfien tal-eżekuzzjoni, għar-raġunijiet li ġejjin:

(a) iċ-ċirkostanzi sa mill-bidu tat-titolu li jista’ jkun infurzat irriżultaw fl-estinzjoni tal-pretensjoni;

(b) it-titolu li jista’ jkun infurzat ġie revokat;

c) skont leġiżlazzjoni speċifika hemm raġunijiet li għalihom ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ titolu li jista’ jkun infurzat hija inammissibbli, sakemm it-titolu ma setax jiġi applikat aktar kmieni fil-proċedimenti;

(d) hemm fatturi oħrajn li qed jostakolaw l-eżekuzzjoni tat-titolu li jista’ jkun infurzat.

L-obbligant jista’ jippreżenta rikors li jkollu effett sospensiv mal-aġent tal-eżekuzzjoni biss fi żmien 15-il ġurnata wara li tingħata n-notifika tal-bidu tal-eżekuzzjoni. Fir-rikorsi għas-sospenzjoni tal-eżekuzzjoni ppreżentati sussegwentement (li ma għandhomx effett sospensiv), l-obbligant jista’ jinvoka biss fatturi li jkunu qamu sa minn meta jkun skada dak il-perjodu. F’rikorsi sussegwenti għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, l-obbligant jista’ jinvoka biss fatturi li jkunu rriżultaw sa minn meta jkun ġie ppreżentat ir-rikors preċedenti għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni. Il-limitazzjonijiet imsemmija fl-ewwel żewġ sentenzi ma japplikawx jekk hemm ukoll fatturi li l-obbligant, bl-ebda tort tiegħu, ma seta’ japplika qabel. Jekk l-obbligatur jagħti l-kunsens tiegħu biex titwaqqaf l-eżekuzzjoni, l-aġent tal-eżekuzzjoni joħroġ notifika tal-waqfien tal-eżekuzzjoni, li tingħata lill-partijiet għall-proċedimenti u l-qorti; inkella fi żmien ħamest ijiem xogħol wara d-data tal-iskadenza għal rispons, l-aġent tal-eżekuzzjoni tal-obbligatur jippreżenta rikors għall-waqfien tal-eżekuzzjoni, flimkien ma’ dikjarazzjoni tal-aġent u kwalunkwe dikjarazzjoni mill-obbligatur, lill-qorti li tiddeċiedi dwar ir-rikors.

Fil-prinċipju, l-ebda “appell” ma jista’ jiġi ppreżentat kontra deċiżjonijiet sussegwenti mill-aġent tal-infurzar u l-qorti fil-proċedimenti tal-eżekuzzjoni, minbarra għall-eżenzjonijiet legali skont il-Kodiċi tal-Eżekuzzjoni.

L-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Mhux Kontenzjuża

Appell huwa ammissibbli kontra ordni għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni, u kontra ordni li jiċħad rikors għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni. Appell kontra ordni għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni jista’ jkun biss għar-raġunijiet li t-titolu li jista’ jkun infurzat ma jistax jiġi invokat, jew li ċ-ċirkostanzi li qamu sa mill-bidu tat-titolu li jista’ jkun infurzat irriżultaw fl-estinzjoni tal-obbligu. Appell kontra ordni għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mhuwiex ostakolu għall-qorti tal-prim’istanza li tinforza d-deċiżjoni.

Il-Qorti tista’ tipposponi l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni fuq inizjattiva proprja jekk il-ħajja, is-saħħa jew l-iżvilupp tal-minuri jitpoġġew f’periklu serju mill-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni. Bħala rispons għal rikors, il-qorti tista’ tipposponi l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni minn pajjiż ieħor jekk din tiġi kkontestata fil-pajjiż emittenti, sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-appell. Il-Qorti se tipposponi wkoll l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni jekk din hija meħtieġa minn leġiżlazzjoni speċifika.

Il-Qorti se twaqqaf ukoll il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni fuq inizjattiva proprja jekk:

(a) it-titolu li jista’ jkun infurzat ikun għadu ma ġiex infurzat;

(b) it-titolu li jista’ jkun infurzat ikun ġie revokat minn meta ġiet ordnata l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni; jekk it-titolu li jista’ jkun infurzat ikun ġie emendat, il-qorti tista’ tkompli tinforza d-deċiżjoni skont it-titolu li jista’ jkun infurzat emendat;

(c) il-qorti tkun iddikjarat l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni bħala inammissibbli minħabba li jkun hemm raġuni oħra għaliex id-deċiżjoni ma tistax tiġi infurzata;

(d) iċ-ċirkostanzi li rriżultaw sa mill-bidu tat-titolu li jista’ jkun infurzat irriżultaw fl-estinzjoni tal-obbligu;

(e) l-obbligu ġie rilaxxat;

(f) id-deċiżjoni ġiet infurzata.

6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?

Ara l-punti 4 u 5. L-aġent tal-eżekuzzjoni huwa responsabbli biex jiddeċiedi dwar metodu ta’ eżekuzzjoni li huwa xieraq għall-obbligu infurzat, u fejn il-valur tal-assi tal-obbligant jikkorrispondi għall-valur tal-obbligu. L-eżekuzzjoni tista’ titwettaq biss fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-pretensjoni elenkata fl-awtorizzazzjoni għall-eżekuzzjoni u l-ispejjeż tal-eżekuzzjoni; dan ma japplikax jekk l-eżekuzzjoni titwettaq permezz tal-bejgħ ta’ proprjetà mobbli li ma tkunx tista' tiġi kondiviża, jew permezz tal-bejgħ ta’ proprjetà immobbli meta l-obbligant ma jkollux biżżejjed assi alternattivi li bihom jista’ jissodisfa l-pretensjoni.

Il-Qorti tista’ tiċħad ukoll rikors għall-eżekuzzjoni jekk:

(a) ir-rikors jew it-titolu li jista’ jkun infurzat jikser il-Kodiċi tal-Eżekuzzjoni;

(b) hemm raġunijiet li minħabba fihom l-eżekuzzjoni trid titwaqqaf;

(c) l-obbligatur jew l-obbligant mhuwiex is-suċċessur legali għall-persuna elenkata fit-titolu li jista’ jkun infurzat;

(d) l-eżekuzzjoni hija proposta fuq il-bażi ta’ titolu li jista’ jkun infurzat maħruġ fi proċedimenti li fihom kien hemm pretensjoni minn kambjala jew ċedola u jidher li l-pretensjoni rriżultat b’konnessjoni ma’ kuntratt konkluż minn konsumatur fejn ma ngħatatx kunsiderazzjoni għal kundizzjonijiet kuntrattwali inaċċettabbli, jew għal restrizzjoni fuq jew l-inammissibiltà tal-użu ta’ kambjala jew ċedola, jew għall-fatt li l-kuntratt kiser il-prinċipji aċċettati tal-moralità, u dan jaffettwa l-pretensjoni;

(e) it-titolu li jista’ jkun infurzat ikun inħareġ fi proċedimenti li fihom ma kienx possibbli li tiġi kkontestata jew riveduta kwalunkwe kundizzjoni kuntrattwali mhux aċċettabbli, u l-eżistenza ta’ kundizzjoni mhux aċċettabbli għandha influwenza fuq il-pretensjoni infurzata li rriżultat b’konnessjoni ma’ kuntratt konkluż minn konsumatur;

(f) l-eżekuzzjoni trid titmexxa fuq il-bażi ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ maħruġa f’tilwim ta’ konsumatur, u:

1. il-ftehim tal-arbitraġġ tal-konsumatur ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti f’leġiżlazzjoni speċifika;

2. id-deċiżjoni tal-arbitraġġ fit-tilwim tal-konsumatur ma nħarġitx minn arbitru li fiż-żmien tal-proċedimenti tal-arbitraġġ kien irreġistrat fil-lista tal-arbitri awtorizzati biex jiddeċiedu dwar it-tilwimiet tal-konsumaturi;

3. id-deċiżjoni tal-arbitraġġ fit-tilwim tal-konsumatur ma nħarġitx minn qorti tal-arbitraġġ stabbilita li fiż-żmien tal-proċedimenti tal-arbitraġġ kienet liċenzjata biex tiddeċiedi dwar tilwimiet tal-konsumaturi;

4. id-deċiżjoni tal-arbitraġġ ma tissodisfax id-dettalji stabbiliti f’leġiżlazzjoni speċifika, jew mhijiex eżegwibbli;

(g) ir-rikors jinkludi pretensjoni għal inċidentali rikorrenti u ġiet ippreżentata iżjed minn tliet snin qabel ma t-titolu li jista’jkun infurzat sar eżegwibbli u mingħajr ma l-obbligant ikun intalab iħallas id-dejn fl-aħħar tliet xhur qabel il-preżentata tar-rikors għall-eżekuzzjoni, jew mingħajr ma jkun ġie konkluż ftehim mal-obbligant fuq il-ħlas gradwali tar-riċevibbli mogħtija mit-titolu li jista’ jkun infurzat matul it-tliet snin sa minn meta t-titolu li jista’ jkun infurzat ikun sar eżegwibbli;

(h) l-eżekuzzjoni hija proposta fuq il-bażi ta’ titolu li jista’ jkun infurzat li huwa att notarili li ma jissodisfax ir-rekwiżiti statutorji, jew l-obbligu li hemm fih jikser il-liġi jew il-prinċipji ta’ moralità aċċettati.

Matul l-eżekuzzjoni, il-qorti hija intitolata titlob lill-aġent tal-eżekuzzjoni jagħti spjegazzjonijiet jew rapporti dwar il-progress ta’ kull każ ta’ eżekuzzjoni assenjat lill-aġent, u l-aġent huwa obbligat li jipprovdi dawn lill-qorti fil-limitu ta’ żmien stipulat. Il-qorti tista’ tissostitwixxi wkoll l-aġent fuq inizjattiva proprja jekk l-aġent iwettaq ksur ripetut jew gravi ta’ obbligu stabbilit fil-Kodiċi tal-Eżekuzzjoni jew fid-deċiżjoni tal-qorti. Qabel ma tiddeċiedi li tissostitwixxi l-aġent, il-qorti tista’ tikkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-partijiet fil-proċedimenti u l-aġent tal-eżekuzzjoni.

Meta l-eżekuzzjoni titwettaq fuq ordni ta’ sekwestru tal-qligħ, ma jistax jitnaqqas ammont bażiku mill-paga ta’ kull xahar jew dħul ieħor tal-obbligant; il-Gvern jiddefinixxi l-metodi għall-kalkolu ta’ dan l-ammont bażiku f’regolament. Jekk din tikkonċerna l-manteniment għal minuri, l-ammont bażiku li ma jistax jitnaqqas mill-paga ta’ kull xahar tal-obbligant huwa 70 % tal-ammont bażiku kif imsemmi fl-ewwel sentenza. Jekk din tikkonċerna persuna li taħdem barra mill-pajjiż u li l-paga jew is-salarju tagħha huwa kkalkulat għal dan l-iskop bl-użu ta’ koeffiċjent tas-salarju jew metodu analogu, il-metodu għall-kalkolu tal-ammont bażiku huwa mfassal bl-istess mod u bl-istess proporzjon bħal din il-paga jew salarju.

Il-fondi f’kont tal-bank sa EUR 165 u l-fondi li l-obbligant jiddikjara espliċitament li huma maħsubin biex iħallsu l-pagi tal-impjegati tiegħu, mhumiex soġġetti għal eżekuzzjoni permezz ta’ ordni ta’ ħlas mill-kont tal-bank. Jekk l-obbligant għandu diversi kontijiet, fondi sa EUR 165 f’kont tal-bank wieħed biss mhumiex soġġetti għall-eżekuzzjoni.

Mill-oġġetti fis-sjieda tal-obbligant, l-eżekuzzjoni ma tistax tapplika għal dawk li l-obbligant jeħtieġ biex jissodisfa l-ħtiġijiet materjali tiegħu stess u tal-familja tiegħu, jew għax-xogħol jew l-intrapriża tiegħu, u lanqas ma tista’ tapplika għall-oġġetti li l-bejgħ tagħhom jikser il-prinċipji ta’ moralità aċċettati.

Il-prodotti li ġejjin huma esklużi mill-proċedimenti tal-eżekuzzjoni:

(a) oġġetti ordinarji ta’ lbies, ħwejjeġ ta’ taħt u xedd tas-saqajn;

(b) tagħmir tad-dar essenzjali, jiġifieri s-sodod tal-obbligant u l-membri tal-familja tiegħu, mejda, siġġijiet skont kemm hemm membri tal-familja, friġġ, kuker, hotplate, ħijter, karburant, magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ, kwilts u bjankerija tas-sodda, għodda normali tal-kċina, radju;

(c) annimali domestiċi, minbarra dawk li jservu għall-intrapriża;

(d) oġġetti li jappartjenu għall-obbligant li jservu għax-xogħol jew l-intrapriża tiegħu, sal-ammont ta’ EUR 331,94;

(e) provvisti tal-mediċini u oġġetti oħra li l-obbligant jeħtieġ minħabba mard jew diżabilità fiżika;

(f) oġġetti li għalihom ġew ipprovduti benefiċċji għal ħtiġijiet materjali u benefiċċji skont leġiżlazzjoni speċifika; kontribuzzjonijiet finanzjarji pprovduti skont leġiżlazzjoni speċifika bħala kumpens għal diżabilità serja, u miżuri protettivi għat-tifel / tifla ta’ natura finanzjarja pprovduti skont leġiżlazzjoni speċifika;

(g) vettura bil-mutur li l-obbligant, li huwa persuna fiżika, għandu bżonn għat-trasport privat u biex jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ persuna fiżika b’diżabilità serja u l-ħtiġijiet tal-familja tiegħu jew tal-membri tad-dar tiegħu;

(h) ċrieket tal-għerusija u tat-tieġ;

(i) flus kontanti sa EUR 165;

(j) kotba tal-iskola u ġugarelli.

Esklużi wkoll mill-proċedimenti tal-eżekuzzjoni huma oġġetti li jappartjenu għal kummerċjant waħdieni li jaħdem l-art jekk it-telf tagħhom jipperikola l-ħdim tal-art agrikola jew l-operat kontinwu tal-produzzjoni tal-pjanti u tal-annimali skont leġiżlazzjoni speċifika, u annimali għat-tnissil, jiġifieri, baqar tal-ħalib, erħiet, barrin tar-razza, ħnieżer tar-razza, ċingjali tar-razza, nagħaġ u mtaten tar-razza.

Jiġu esklużi mill-proċedimenti tal-eżekuzzjoni ż-żamma tal-assi ta’ min qed ifaddal f’fond tal-pensjoni, u ż-żamma tal-assi tal-parteċipant f’fond tal-pensjoni supplimentari, li jikkorrispondu għall-ammont tal-kontribuzzjonijiet imħallsin mill-impjegatur għal dan il-parteċipant u d-dħul mill-investimenti tagħhom.

Fis-seħħ b’effett mill-1 ta’ April 2017

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 06/05/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.