Il-pubblikazzjoni ta’ avviżi uffiċjali

Danimarka

Il-kontenut ipprovdut minn
Danimarka

Fuq liema sit(i) web jiġu ppubblikati l-avviżi uffiċjali?

L-avviżi uffiċjali jiddaħħlu fl-iStatstidende u jiġu ppubblikati f'https://statstidende.dk/.

Sal-14 ta' Ottubru 2005 l-iStatstidende kien ippubblikat ukoll fuq karta.

Liema avviżi huma ppubblikati?

Avviżi obbligatorji speċifiċi b'effett legali għaċ-ċittadini, l-impriżi u l-awtoritajiet, kif ukoll ċerti avviżi mhux obbligatorji, jiġu ppubblikati fl-iStatstidende.
Fost affarijiet oħra, jiġu ppubblikati avviżi li jikkonċernaw patrimonji ta' persuni deċeduti (eż. reklamar għall-kredituri), patrimonji falluti (eż. ordnijiet ta' falliment), riorganizzazzjonijiet tal-kumpaniji, ċitazzjonijiet u taħrikiet simili tal-qorti, bejgħ b'ordni tal-qorti u elezzjonijiet u referenda.

Minn liema organizzazzjoni(jiet) jiġu ppubblikati l-avviżi uffiċjali?

Jiġu ppubblikati avviżi minn qrati, minn avukati, minn istituzzjonijiet pubbliċi u minn impriżi privati.

L-aċċess għall-avviżi uffiċjali hu bla ħlas?

L-aċċess kemm għal tiftixiet ta' darba u kemm għal tiftixiet permanenti huwa bla ħlas (ara taħt).

Minn liema data se jkunu disponibbli l-avviżi uffiċjali fil-format elettroniku?

L-iStatstidende ilu jiġi ppubblikat elettronikament mill-2000. Mill-15 ta' Ottubru 2005 l-iStatstidende jiġi ppubblikat f'forma elettronika biss.

It-tiftixiet jistgħu jiġu ssejvjati u jistgħu jintbagħtu notifiki meta jintlaħqu l-kriterji?

Jistgħu jiġu stabbiliti tiftixiet permanenti. Dan hu bla ħlas, imma jirrikjedi reġistrazzjoni bħala utent.
Huwa possibbli wkoll li tabbona għall-verżjoni pdf tal-iStatstidende tal-ġurnata. B'hekk, fil-ġranet meta jkun ippubblikat l-iStatstidende, tirċievi ittra elettronika bl-iStatstidende tal-ġurnata f'format pdf.

L-avviżi uffiċjali huma disponibbli bla ħlas bħala data miftuħa? Jekk dan hu l-każ, fejn jistgħu jinstabu r-repożitorju u/jew l-informazzjoni?

Id-data miftuħa hija disponibbli għal kulħadd permezz tat-tiftixa REST fuq https://statstidende.dk. Bħallissa għaddej xogħol ta' aġġornament tekniku tal-iStatstidende. Qed jiġi kkunsidrat jekk din l-alternattiva għandhiex tibqa' tiġi pprovduta f'din il-konnessjoni l-ġdida.

L-aħħar aġġornament: 20/06/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.