- Fuq liema sit(i) web jiġu ppubblikati l-avviżi uffiċjali?
- Liema avviżi huma ppubblikati?
- Minn liema organizzazzjoni(jiet) jiġu ppubblikati l-avviżi uffiċjali?
- L-aċċess għall-avviżi uffiċjali hu bla ħlas?
- X’tipi ta’ tiftixiet jistgħu jsiru?
- Minn liema data se jkunu disponibbli l-avviżi uffiċjali fil-format elettroniku?
- It-tiftixiet jistgħu jiġu ssejvjati u jistgħu jintbagħtu notifiki meta jintlaħqu l-kriterji?
- L-avviżi uffiċjali huma disponibbli bla ħlas bħala data miftuħa? Jekk dan hu l-każ, fejn jistgħu jinstabu r-repożitorju u / jew l-informazzjoni?
L-informazzjoni f'din il-paġna tikkonċerna l-avviżi uffiċjali maħruġa minn istituzzjonijiet pubbliċi (notifiki, atti proċedurali, eċċ.) li mhumiex leġiżlattivi fin-natura tagħhom jew li ma jistabbilux obbligi applikabbli b’mod ġenerali imma li jkunu ppubblikati fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Rumanija jew f'pubblikazzjonijiet oħrajn, u li huma disponibbli onlajn f'forma elettronika, skont il-liġi applikabbli. Għalhekk, la l-atti leġiżlattivi u lanqas is-sentenzi tal-qorti ma jkunu kkunsidrati, ħlief dawk li jridu jiġu ppubblikati biex jiksbu ċertu effett legali (eż. sentenzi tal-qorti relatati ma' insolvenza).
Il-materjali mhux eżawrjenti, peress li tindirizza ċerti każijiet mill-perspettiva ta' pubblikazzjoni ta' avviżi uffiċjali, b'mod iktar speċifiku: atti ppubblikati fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Rumanija, atti ppubblikati fil-portal u s-sit web tar-Reġistru Kummerċjali Nazzjonali (Oficiul Național al Registrului Comerțului) jew fil-Bullettin tal-Insolvenza, u atti ppubblikati fil-Portal tal-Qrati.
Fuq liema sit(i) web jiġu ppubblikati l-avviżi uffiċjali?
I. Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Rumanija
Il-Kumpanija Awtonoma "Monitorul Oficial" tippubblika l-Gazzetta Uffiċjali tar-Rumanija kemm f'format stampat u kemm f’format elettroniku. Għal dettalji dwar l-atti ppubblikati u dwar id-disponibbiltà onlajn tagħhom, jekk jogħġbok ara t-taqsimiet li ġejjin.
Il-prodott elettroniku (e-Monitor) jinsab f'dan l-indirizz.
II. Ir-Reġistru Kummerċjali Nazzjonali (ONRC)
a) Qabel ma jibdew l-attività ekonomika tagħhom, il-professjonisti għandhom l-obbligu japplikaw għal reġistrazzjoni / elenkar fir-reġistru kummerċjali, u waqt l-operat tan-negozju tagħhom jew wara t-tmiem tan-negozju, iridu jitolbu ż-żieda ta’ noti mar-reġistru kummerċjali fir-rigward tal-atti u l-fatti rikjesti mil-liġi.
Ir-reġistrazzjoni fir-reġistru kummerċjali tfisser pubblikazzjoni legali mill-ONRC: ir-reġistrazzjonijiet, id-data u l-atti rreġistrati jkollhom effett fuq terzi mid-data tar-reġistrazzjoni jew tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Rumanija jew fis-sit web / fil-portal tas-servizzi tal-ONRC skont il-liġi.
Ir-reġistrazzjoni u n-noti jkollhom effett fuq terzi mid-dħul tagħhom fir-reġistru kummerċjali jew mill-pubblikazzjoni fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Rumanija, fil-Parti IV jew VII, jew f'pubblikazzjoni oħra, meta jkun previst mil-liġi.
b) L-ONRC jippubblika wkoll il-Bullettin tal-Insolvenza f'format elettroniku: it-taqsima li tipprovdi s-servizz pubbliku tan-notifika tad-dokumenti lill-partijiet, tal-komunikazzjoni tas-sentenzi u tal-konvokazzjoni u n-notifika ta' atti proċedurali maħruġa mill-qrati / amministraturi tal-insolvenza / likwidaturi maħtura mill-qorti / persuni awtorizzati oħrajn skotn il-proċedimenti tal-insolvenza b'konformità mal-Liġi Nru 85/2014 dwar il-proċeduri li jipprevjenu l-insolvenza u l-proċedimenti ta' insolvenza, kif emendata u ssupplimentata sussegwentement, u t-taqsima "Debituri - persuni fiżiċi b'obbligi li mhux ġejjin mill-operat ta' negozju" (Debitori - persoane fizice cu obligații ce nu decurg din exploatarea unei întreprinderi) b'konformità mal-Liġi Nru 151/2015 dwar il-proċedimenti ta' insolvenza għall-persuni fiżiċi.
Għall-professjonisti koperti mil-Liġi Nru 85/2014 dwar il-proċeduri li jipprevjenu l-insolvenza u l-proċedimenti ta' insolvenza, kif emendata u ssupplimentata sussegwentement, l-atti proċedurali nnotifikati / mibgħuta mill-qrati, minn ħaddiema fil-qasam tal-insolvenza (amministraturi tal-insolvenza / likwidaturi maħtura mill-qorti), u minn persuni awtorizzati oħrajn skont il-liġi jiġu ppubblikati fil-Bullettin tal-Insolvenza, pubblikazzjoni aċċessibbli fuq il-portal tas-servizzi onlajn tal-ONRC.
Is-sentenza li tiżgura l-pjan ta' riorganizzazzjoni tad-debitur (il-professjonist), bħala att proċedurali, skont il-Liġi Nru 85/2014 dwar il-proċeduri li jipprevjenu l-insolvenza u l-proċedimenti ta' insolvenza, kif emendata u ssupplimentata sussegwentement, tiġi ppubblikata fil-Parti IV tal-Gazzetta Uffiċjali tar-Rumanija.
Għall-persuni fiżiċi koperti mil-Liġi Nru 151/2015 dwar il-proċedimenti ta' insolvenza għall-persuni fiżiċi, l-atti proċedurali nnotifikati / ikkonsenjati mill-bord tal-insolvenza, l-amministratur proċedurali, il-likwidatur u l-awtoritajiet tal-qorti huma ppubblikati fit-taqsima "Debituri - persuni fiżiċi b'obbligi li mhux ġejjin mill-operat ta' negozju" tal-Bullettin tal-Insolvenza, pubblikazzjoni aċċessibbli mis-sit http://www.bpi.ro/.
III. Il-Portal tal-Qrati
Il-Portal tal-Qrati huwa amministrat mill-Ministeru tal-Ġustizzja. Kull qorti fir-Rumanija għandha sit web fuq dan il-portal. L-informazzjoni fuq dawn is-siti tiddaħħal u tiġi aġġornata direttament mill-persunal tal-qorti, ħlief informazzjoni dwar każijiet u laqgħat, li tittieħed awtomatikament mis-sistema elettronika ta’ ġestjoni tal-każijiet użata fil-livell tal-qorti.
Biex taċċessa sit web ta' qorti partikolari mill-paġna ewlenija tal-Portal tal-Qrati, trid tagħżel ir-reġjun li l-qorti tappartjeni lilu (iż-żona ġuriżdizzjonali ta' qorti tal-appell) u mbagħad dik il-qorti mil-lista.
Liema avviżi huma ppubblikati?
I. Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Rumanija
F'termini ta' avviżi uffiċjali, skont il-Liġi Nru 202 tad-9 ta' Novembru 1998 dwar l-organizzazzjoni tal-Gazzetta Uffiċjali tar-Rumanija, kif ippubblikata mill-ġdid:
- Dawn li ġejjin jiġu ppubblikati fil-Parti III, fuq il-bażi ta' dispożizzjonijiet legali: atti legali, dokumenti, notifiki, avviżi u oħrajn simili (eż. avviżi ta' reklutaġġ ta' persunal; kompetizzjonijiet għal postijiet tax-xogħol pubbliċi battala; sentenzi li jikkonċernaw il-kanċellazzjoni ta' kambjala / ċekk; ir-rapport tal-attività regolari tal-awtoritajiet pubbliċi; notifiki dwar il-kompetizzjoni tad-dħul għall-Istitut tal-Maġistratura Nazzjonali (Institutul Național al Magistraturii), l-eżami ta' kompetenza għall-maġistrati u l-lista ta' postijiet battala għall-maġistrati; in-notifika għal kompetizzjoni għal postijiet tax-xogħol battala għal assistenti maġistrati fil-Qorti Superjuri tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja eċċ.);
- Fuq il-bażi ta' dispożizzjonijiet legali, l-atti legali li jikkonċernaw l-operaturi ekonomiċi u kategoriji oħrajn ta' persuni ġuridiċi, kif ukoll atti oħrajn stabbiliti skont id-dispożizzjonijiet legali, jiġu ppubblikati fil-Parti IV (pereżempju id-deċiżjoni għar-rikonoxximent fir-Rumanija ta' persuni ġuridiċi bla skop ta' qligħ barranin; sentenzi li japprovaw il-modifika ta' statut ta' partit politiku; id-deċiżjoni tat-tribunal li jiftaħ proċediment ta' falliment; notifiki ta' bejgħ fl-irkant ta’ oġġetti; tmiem il-perjodu ta' validità tal-awtorizzazzjoni ta' istituzzjoni ta' kreditu u d-deċiżjoni tal-Bank Nazzjonali tar-Rumanija biex tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni; id-deċiżjonijiet tad-direttur ġenerali tal-Uffiċċju Rumen tad-Drittijiet tal-Awtur biex jiġu rtirati u sospiżi ċertifikati ta’ reġistrazzjoni, eċċ.)
- il-ftehim kollettiv konkluż fil-livell nazzjonali u tal-fergħa, il-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, u atti oħrajn stabbiliti skont id-dispożizzjonijiet legali, jiġu ppubblikati fil-Parti V;
- notifiki tal-għoti ta' kuntratt ta' akkwist pubbliku u notifiki tal-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi u ta' konċessjoni tas-servizzi, kuntratti ta' konċessjoni ta' provvista publlika u notifiki oħrajn stabbiliti skont dispożizzjonijiet legali (eż. notifiki skont il-Liġi Nru 350/2005 dwar is-sistema tal-għotjiet; konċessjonijiet - avviżi ta' kuntratt skont l-Ordni ta' Emerġenza Nru 54/2006 dwar is-sistema ta' kuntratti ta' konċessjoni ta' provvista pubblika).
Nota: skont il-Liġi Nru 98/2016 dwar l-akkwist pubbliku, in-notifiki jiġu ppubblikati fil-livell nazzjonali permezz tas-sistema ta' akkwist pubbliku elettroniku SEAP, li tintuża għall-fini tal-applikazzjoni tal-proċedura ta' għoti b'mezzi elettroniċi.
- Fuq il-bażi ta' dispożizzjonijiet legali, l-atti legali li jikkonċernaw il-kooperattivi u kategoriji oħrajn ta' persuni ġuridiċi stabbiliti minn kooperattivi, u atti oħrajn relatati ma' kooperazzjoni, kif stabbilit skont id-dispożizzjonijiet legali (eż. il-konklużjoni għar-reġistrazzjoni tal-imħallef delegat tal-kooperattiva fir-reġistru kummerċjali, l-att tal-ħatra tal-likwidaturi, u kull att ieħor li jista’ jwassal għal bidliet għall-personalità tagħhom, eċċ.) jiġu ppubblikati fil-Parti VII.
II. Ir-Reġistru Kummerċjali Nazzjonali (ONRC)
a) Fir-rigward tal-professjonisti rreġistrati fir-Reġistru Kummerċjali:
- l-estratt tar-riżoluzzjoni / ir-riżoluzzjoni tar-reġistrazzjoni (il-Gazzetta Uffiċjali tar-Rumanija, il-Parti IV jew VII);
- atti li jemendaw l-istrumenti ta' inkorporazzjoni u n-notifiki dwar il-preżentazzjoni tal-istrument aġġornat ta' inkorporazzjoni (il-Gazzetta Uffiċjali tar-Rumanija);
- sentenzi, għall-każijiet previsti mil-liġi (il-Gazzetta Uffiċjali tar-Rumanija);
- deċiżjonijiet tal-qorti li jiddeċiedu dwar xoljiment (fil-Parti IV tal-Gazzetta Uffiċjali tar-Rumanija u fuq is-sit tar-Reġistru Kummerċjali Nazzjonali jew fuq il-portal tas-servizzi onlajn tiegħu);
- riżoluzzjonijiet ta' ħatra ta' likwidatur skont l-Artikolu 237(6) tal-Liġi Nru 31/1990 dwar il-kumpaniji (fuq is-sit tar-Reġistru Kummerċjali Nazzjonali u fuq il-portal tas-servizzi onlajn tiegħu);
- proġetti ta' amalgamazzjoni / qsim (fil-Parti IV tal-Gazzetta Uffiċjali tar-Rumanija jew, b'għażla tal-applikant, fuq is-sit web tiegħu stess, u f'dak il-każ ir-reġistru kummerċjali fejn tkun irreġistrata l-kumpanija jippubblika l-proġett ta' amalgamazzjoni jew qsim fuq is-sit web tiegħu stess bla ħlas);
- ir-riżoluzzjonijiet li jiċħdu l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u r-reġistrazzjonijiet li ma jirriżultawx fl-emenda tal-istrument ta’ inkorporazzjoni (fis-sit tar-Reġistru Kummerċjali Nazzjonali jew fuq il-portal tas-servizzi onlajn);
- il-lista ta’ kumpaniji li r-Reġistru Kummerċjali Nazzjonali jrid jippreżenta azzjonijiet għax-xoljiment tagħhom skont l-Artikolu 237(2) tal-Liġi Nru 31/1990 dwar il-kumpaniji (is-sit jew il-portal tas-servizzi onlajn);
- il-lista ta’ kumpaniji li r-Reġistru Kummerċjali Nazzjonali jrid jippreżenta azzjonijiet għat-tneħħija tagħhom skont l-Artikolu 237(9) tal-Liġi Nru 31/1990 dwar il-kumpaniji (is-sit tar-Reġistru Kummerċjali Nazzjonali jew il-portal tas-servizzi onlajn);
- il-lista ta’ kumpaniji li r-Reġistru Kummerċjali Nazzjonali jrid jippreżenta azzjonijiet għat-tneħħija tagħhom skont l-Artikolu 260(7) tal-Liġi Nru 31/1990 tittella' fis-sit tar-Reġistru Kummerċjali Nazzjonali jew fil-portal tas-servizzi onlajn;
- id-deċiżjonijiet tat-tribunal li jiddeċiedu dwar it-tneħħija skont l-Artikolu 237(10) tal-Liġi Nru 31/1990 dwar il-kumpaniji (fis-sit tar-Reġistru Kummerċjali Nazzjonali jew fil-portal tas-servizzi onlajn tiegħu);
- id-deċiżjonijiet tat-tribunal li jiddeċiedu dwar it-tneħħija skont l-Artikolu 260(8) tal-Liġi Nru 31/1990 dwar il-kumpaniji (fis-sit tar-Reġistru Kummerċjali Nazzjonali u fil-portal tas-servizzi onlajn tiegħu).
b) Għall-professjonisti koperti mil-Liġi Nru 85/2014 dwar il-proċeduri li jipprevjenu l-insolvenza u l-proċedimenti ta' insolvenza, kif emendata u ssupplimentata sussegwentement, l-atti proċedurali maħruġa mill-qrati, minn ħaddiema fil-qasam tal-insolvenza (l-amministratur tal-insolvenza / il-likwidatur maħtur mill-qorti), u minn persuni awtorizzati oħrajn li ġejjin jiġu ppubblikati fil-Bullettin tal-Insolvenza skont il-liġi:
- taħrikiet, notifiki u sentenzi;
- konvokazzjonijiet u notifiki;
- atti proċedurali oħrajn stipulati mil-liġi.
Għall-persuni fiżiċi koperti mil-Liġi Nru 151/2015 dwar il-proċedimenti ta' insolvenza għall-persuni fiżiċi, l-atti proċedurali nnotifikati / ikkonsenjati mill-bord tal-insolvenza, l-amministratur tal-insolvenza, il-likwidatur u l-awtoritajiet tal-qorti li ġejjin jiġu ppubblikati fit-taqsima "Debituri - persuni fiżiċi b'obbligi li mhux ġejjin mill-operat ta' negozju" tal-Bullettin tal-Insolvenza:
- deċiżjonijiet tal-bord tal-insolvenza;
- notifiki;
- sentenzi;
- atti proċedurali oħrajn stipulati mil-liġi.
III. Il-Portal tal-Qrati
Skont l-Artikolu 167 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (il-Liġi Nru 134/2010), meta l-attur jallega, fuq bażi motivata, li, għalkemm għamel kulma seta', ma setax isib id-domiċilju tal-konvenut jew post ieħor fejn dan seta' jiġi nnotifikat skont il-liġi, il-qorti tkun tista’ tapprova n-notifika tad-dokumenti fir-rigward ta' dak il-konvenut b'taħrika ppubblikata. Taħrikiet ippubblikati jikkonsistu fil-wiri taċ-ċitazzjoni fuq bieb il-qorti, fuq il-portal tal-qorti kompetenti u fl-aħħar domiċilju magħruf tal-persuna li qed tiġi nnotifikata. Meta jidhrilha li jkun hemm bżonn, il-qorti tordna u tippubblika ċ-ċitazzjoni fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Rumanija jew f'gazzetta ċentrali b'ċirkolazzjoni kbira.
F'dan ir-rigward, fil-Portal tal-Qorti hemm taqsima ġenerali ddedikata għat-taħrikiet ippubblikati. Barra minn hekk, is-sit ta' kull qorti jospita wkoll taqsima ddedikata għat-taħrikiet ippubblikati (ara pereżempju, is-sit tat-Tribunal ta' Bucharest).
Minn liema organizzazzjoni(jiet) jiġu ppubblikati l-avviżi uffiċjali?
Skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għal kull tip ta' avviż, mill-Gazzetta Uffiċjali tar-Rumanija jew mill-istituzzjonijiet emittenti.
Fir-rigward tal-każijiet partikolari ppreżentati fuq: Ir-Reġistru Kummċerċjali Nazzjonali, il-Gazzetta Uffiċjali tar-Rumanija jew il-qrati.
L-aċċess għall-avviżi uffiċjali hu bla ħlas?
I. Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Rumanija
L-atti ppubblikati fil-Partijiet III-VII tal-Gazzetta Uffiċjali tar-Rumanija huma aċċessibbli bla ħlas fuq l-internet u huma aċċessibbli f'forma li tinqara għal għaxart ijiem mill-pubblikazzjoni tagħhom.
Il-prodotti f'forma elettronika disponibbli onlajn għal korrispettiv (Expert-Monitor u Autentic-monitor), inklużi t-tariffi applikati mill-Kumpanija Awtonoma “Monitorul Oficial”, huma deskritti fis-sit dwarhom.
II. Ir-Reġistru Kummerċjali Nazzjonali (ONRC)
a) Iva, l-avviżi relatati mal-professjonisti rreġistrati mar-Reġistru Kummerċjali fil-portal tar-Reġistru Kummerċjali Nazzjonali.
b) L-aċċess għall-Bullettin tal-Insolvenza, il-pubblikazzjoni onlajn b'atti proċedurali ppubblikati ta' professjoni li deħlin fi proċedimenti ta' insolvenza skont il-Liġi Nru 85/2014 dwar il-proċeduri li jipprevjenu l-insolvenza u l-proċedimenti ta' insolvenza, jingħata b'abbonament bi ħlas.
L-aċċess għat-taqsima "Debituri - persuni fiżiċi b'obbligi li mhux ġejjin mill-operat ta' negozju" tal-Bullettin tal-Insolvenza jingħata bla ħlas lid-debitur, lill-kredituri, lill-amministratur tal-insolvenza / lil-likwidatur, lill-bord tal-insolvenza, u lill-qorti f'każijiet fejn ikollhom dak ir-rwol.
Il-portal tas-servizzi onlajn ONRC juri sensiela ta' informazzjoni bla ħlas dwar il-persuni ppubblikati fil-Bullettin tal-Insolvenza.
III. Il-Portal tal-Qrati
L-aċċess għall-Portal tal-Qrati huwa bla ħlas.
X’tipi ta’ tiftixiet jistgħu jsiru?
I. Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Rumanija
Fil-verżjoni bla ħlas tal-Gazzetta Uffiċjali tar-Rumanija (e-Monitor) ma jista' isir l-ebda tiftix awtomatiku ta' atti ppubblikati. Għalhekk, l-utenti għandhom biss il-possibbiltà li jagħżlu, permezz ta' kalendarju, id-data tal-pubblikazzjoni u n-numru tal-Gazzetta Uffiċjali (għal kull Parti).
II. Ir-Reġistru Kummerċjali Nazzjonali (ONRC)
a) Fir-rigward tal-professjonisti rreġistrati fir-Reġistru Kummerċjali, it-tiftix jista’ jsir skont wieħed mill-kriterji ta’ tiftix li ġejjin jew taħlita massima tagħhom:
- In-numru tar-reġistru kummerċjali
- Il-kontea
- Isem il-kumpanija
- Id-data tal-pubblikazzjoni
- Il-kodiċi fiskali
- Is-sena tal-karta bilanċjali
b) Fir-rigward tad-debituri fil-proċedimenti ta' insolvenza, it-tiftix jista' jsir fit-Taqsima "Servizzi Onlajn tal-Bullettin tal-Insolvenza (BPI)" (Servicii online BPI), fis-sottotaqsimiet "Persuni ppubblikati fil-BPI" (Persoane publicate in BPI) u "Sommarju tan-Numru BPI" (Sumar număr BPI), bl-użu tal-kriterji tal-għażla li ġejjin:
- il-persuna ppubblikata fil-BPI;
- in-numru tal-bullettin;
- in-numru tal-każ;
- in-numru ta' reġistrazzjoni tat-taxxa;
- in-numru tan-negozju rreġistrat;
- il-perjodu ta’ pubblikazzjoni;
- is-sena tal-pubblikazzjoni fil-BPI.
III. Il-Portal tal-Qrati
Iċ-ċitazzjonijiet tista' tfittixhom fil-Portal tal-Qrati skont l-isem (l-isem u l-kunjom jew wieħed minn dawn l-elementi) tal-parti mħarrka.
Jekk tintuża t-taqsima ġenerali tal-Portal tal-Qrati, ir-riżultati ta' tiftix ikunu ċitazzjonijiet ippubblikati mill-qrati kollha, u jekk tintuża taqsima ddedikata lil qorti partikolari (eż. it-Tribunal ta' Bucharest), ir-riżultati tat-tiftix ikunu ċitazzjonijiet ippubblikati minn dik il-qorti biss.
Minn liema data se jkunu disponibbli l-avviżi uffiċjali fil-format elettroniku?
I. Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Rumanija
e-Monitor – 2008
II. Ir-Reġistru Kummerċjali Nazzjonali (ONRC)
a) Fir-rigward tal-professjonisti rreġistrati fir-Reġistru Kummerċjali, 2012.
b) Ir-Reġistru Kummerċjali Nazzjonali ppubblika l-ewwel ħarġa tal-Bullettin tal-Insolvenza f'format elettroniku fl-1 ta' Awwissu 2006, u din tista' tiġi aċċessata mill-portal tas-servizzi onlajn tal-ONRC.
III. Il-Portal tal-Qrati
Il-faċilità li tirrigwarda taħrikiet ippubblikati ilha disponibbli fil-Portal tal-Qrati minn Marzu 2013.
It-tiftixiet jistgħu jiġu ssejvjati u jistgħu jintbagħtu notifiki meta jintlaħqu l-kriterji?
Mhux applikabbli
L-avviżi uffiċjali huma disponibbli bla ħlas bħala data miftuħa? Jekk dan hu l-każ, fejn jistgħu jinstabu r-repożitorju u / jew l-informazzjoni?
Il-Portal tal-Qrati jippermettu aċċess skedat għal settijiet ta' data li jirrigwardaw atti tal-kawżi u laqgħat, mhux għal taħrikiet ippubblikati. L-informazzjoni dwar dawn tal-aħħar tinsab f'format HTML biss.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.