Eżamijiet forensiċi - x'inhuma?
Eżamijiet ta' oġġett jew sitwazzjoni li teħtieġ għarfien espert f'qasam speċjalizzat partikolari, immexxi minn espert forensiku (magħruf ukoll bħala xjenzat forensiku jew xjenzat forensiku espert). It-tipi u t-titli jistgħu jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor.
L-iktar tipi komuni:
- eżami tal-marki tas-swaba’
- eżami tad-DNA
- eżami tad-dokumenti
- eżami tal-kaligrafija
- forensika diġitali
- mediċina forensika
- psikjatrija forensika
- ballistika
- tossikoloġija forensika
- eżami tal-ħamrija
- eżami ta’ żebgħa u tal-ħġieġ
- analiżi tal-inċidenti tat-traffiku.
L-esperti forensiċi la jinterpretaw il-liġi u lanqas ma jeżaminaw kif tiġi applikata. Fil-parti l-kbira tal-pajjiżi tal-UE jew ikunu impjegati minn istituzzjoni statali tax-xjenza forensika jew joperaw fil-privat.
Dmirijiet u responsabbiltajiet
Il-liġi nazzjonali tistipula d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-esperti forensiċi u tistabbilixxi id-dritt tagħhom għal prestazzjoni tal-eżamijiet forensiċi. Il-parti l-kbira tal-pajjiżi jistipulaw ir-rekwiżiti (l-edukazzjoni, it-taħriġ u/jew iċ-ċertifikazzjoni) biex ikunu rikonoxxuti bħala esperti forensiċi u biex iwettqu eżamijiet forensiċi f'qasam partikolari.
Ir-riżultati ta' eżami forensiku jiġu dettaljati f'perizja forensika (magħrufa wkoll bħala opinjoni esperta). F'dan id-dokument, l-espert forensiku juża r-riżultati ta' studju xjentifiku jew eżami fiżiku ta' oġġett jew sitwazzjoni biex jipprovdi tweġibiet motivati għall-mistoqsijiet li jsirulu mill-persuna inkarigata mill-proċedimenti (eż. l-investigatur jew il-prosekutur), jew il-qorti.
L-eżamijiet forensiċi jistgħu jsiru fil-kuntest ta' proċedimenti kriminali, amministrattivi jew ċivili, jew bħala parti ta' investigazzjoni preġudizzjarja (normalment wara talba mill-investigatur jew mill-prosekutur) jew waqt l-investigazzjoni ġudizzjarja (wara talba mill-qorti).
Sib espert forensiku
- L-Awstrija
- Ir-Repubblika Ċeka: Ma hemm l-ebda bażi ta’ data ta' esperti forensiċi - l-esperti normalment jaħdmu mal-pulizija.
- Il-Greċja: Ma hemm l-ebda reġistru nazzjonali ta' esperti forensiċi. Sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza li fiha lista tal-esperti kollha tinħareġ darba fis-sena. Din il-lista fiha data personali, u għal dik ir-raġuni din ma tistax tiġi ppubblikata jew tkun aċċessibbli għall-pubbliku. Hija tista’ tintuża biss mill-Qorti sabiex tiffaċilita kull kawża pendenti quddiemha.
- Franza: Ma jeżistix reġistru nazzjonali ta' esperti forensiċi. Il-Qrati Supremi Franċiżi (Cour de Cassation) jippubblikaw listi ta’ esperti (li jinkludu l-esperti ġudizzjarji kollha, mhux esperti forensiċi biss) irreġistrati f'kull qorti tal-appell.
- In-Netherlands
- Ir-Rumanija: Ma hemm l-ebda reġistru elettroniku Rumen ta' esperti forensiċi. Madankollu, il-Ministeru tal-Ġustizzja beda proġett biex jinħoloq reġistru ta' dan it-tip. Sadattant, il-Ministeru tal-Ġustizzja għandu lista fuq pdf li tinsab hawnhekk.
- Is-Slovenja: Hemm reġistru tax-xhieda esperti tal-qorti kollha, li jinkludu l-esperti forensiċi nazzjonali wkoll.
- Il-Latvja, l-Estonja u l-Litwanja għandhom Reġistru komuni ta' Esperti tax-Xjenza Forensika - disponibbli bla ħlas bl-Ingliż permezz ta':
- L-interfaċċa Latvjana
- L-interfaċċa Estonjana
- L-interfaċċa Litwana
- Għal aktar informazzjoni, ara hawnhekk (497 Kb) .
Iktar 'il quddiem se tingħata iktar informazzjoni dwar pajjiżi oħra tal-UE.
Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.