L-Organizzazzjoni Ewropea tal-Ħabsijiet u s-Servizzi Korrettivi (EuroPris)
EuroPris hija organizzazzjoni network Ewropea li tiffaċilita l-kooperazzjoni, it-tagħlim reċiproku u skambju ta' prattiki tajbin tas-servizzi Ewropej tal-ħabsijiet. L-organizzazzjoni ġiet stabbilita fl-2011 minn 18-il Servizz Ewropew tal-Ħabsijiet bħala organizzazzjoni tal-prattikanti għall-prattikanti. Sal-2018, l-organizzazzjoni bdiet tirrappreżenta 31 Servizz Ewropew tal-Ħabsijiet, li 26 minnhom huma minn pajjiżi tal-UE. Is-Servizzi tal-Ħabsijiet mill-istati kollha tal-Kunsill tal-Ewropa jistgħu jsiru membru ta' EuroPris.
L-organizzazzjoni għandha l-għan tal-Promozzjoni ta' Prattiki tal-Ħabs Professjonali sabiex titjieb is-sigurtà permezz standards u prattiki ta' detenzjoni aħjar fl-Ewropa, permezz ta' tnaqqis fir-reċidività u professjonaliżmu avvanzat fil-qasam korrettiv.
EuroPris taħdem għal dawn l-għanijiet bl-organizzazzjoni ta' avvenimenti li jippermettu kondiviżjoni sinifikanti, bħal laqgħat ta' esperti, sessjonijiet ta' ħidma u konferenzi.
EuroPris tikkoopera ma' għadd kbir ta' organizzazzjonijiet Ewropej attivi fil-qasam tal-ġustizzja kriminali, bħall-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Edukazzjoni fil-Ħabsijiet, l-Akkademji Ewropej għat-Taħriġ fil-Ħabsijiet, il-Konfederazzjoni Ewropea tal-Probation, il-Forum Ewropew tal-Ġustizzja Riparattriċi, Children of Prisoners Europe, u oħrajn.
EuroPris għandha status ta' osservatur fil-Kunsill għall-Kooperazzjoni Penoloġika tal-Kunsill tal-Ewropa.
Għal aktar informazzjoni dwar avvenimenti, materjali u preżentazzjonijiet preċedenti jew attwali żur is-sit ta' EuroPris fejn tista' tabbona wkoll għall-bullettin bimensili.
L-Għodod EuroPris
EPIS
Is-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni dwar il-Ħabsijiet (EPIS) inħolqot minn EuroPris fl-2014 biex issaħħaħ it-trasparenza, in-networking u l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-amministrazzjonijiet Ewropej tal-ħabsijiet.
L-EPIS hija maħsuba biex tkun punt uniku ta' servizz għal data relatata mal-ħabsijiet u mal-korrezzjonijiet madwar l-Ewropa u biex tipprovdi tweġibiet għal mistoqsijiet frekwenti, eż kemm hemm ħabsijiet, x'tip ta' ħabsijiet u popolazzjonijiet ta' ħabsin jeżistu f’pajjiż tal-UE partikolari. Reċentement, il-Kunsill tal-UE ddeċieda li juża l-EPIS bħala l-għodda esklussiva biex jiġbor flimkien l-informazzjoni dwar l-istabbilimenti tal-ħabsijiet Ewropej.
L-EPIS bħalissa fiha data tas-Servizzi tal-Ħabsijiet Ewropej u 'l fuq minn 550 stabbiliment tal-ħabsijiet madwar l-Ewropa.
KMS
Is-Sistema ta' Ġestjoni tal-Għarfien (KMS) hija servizz ta' mistoqsijiet u tweġibiet bejn l-amministrazzjonijiet tal-ħabsijiet, li bħalissa fiha 'l fuq minn 1000 tweġiba dwar 100+ suġġett relatati mal-ġestjoni tal-ħabsijiet.
Bis-saħħa tal-KMS, EuroPris tista' tiġbor tweġibiet dwar mistoqsijiet operattivi jew dwar politika minn ġuriżdizzjonijiet Ewropej u tagħmilhom aċċessibbli fis-sit għal referenza futura.
Informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet fil-ħabs fil-pajjiżi tal-UE
Biex il-ħabsin, il-persunal u l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jaċċessaw informazzjoni dwar ħabsijiet fil-pajjiż ta’ eżekuzzjoni u jappoġġaw il-kunsens infurmat għat-trasferimenti, EuroPris ħolqot riżorsa ta' fuljetti ta’ informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet fil-ħabs.
Permezz tal-grupp ta' esperti ta' EuroPris, il-pajjiżi tal-UE ntalbu jipprovdu informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet fil-ħabs u ħarsa ġenerali lejn suġġetti bħaż-żjarat mill-familjari u arranġamenti ta' rilaxx bikri.
Id-Deċiżjoni Qafas tal-UE 2008/909/ĠAI
Il-grupp ta’ esperti tal-EuroPris dwar id-Deċiżjoni Qafas 909
Il-grupp ta’ esperti tal-EuroPris dwar it-trasferiment ta’ priġunieri ġie stabbilit fl-2012 biex jgħin lill-membri bl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI tal-UE. Minn dak iż-żmien, il-grupp iltaqa’ darba fis-sena għall-iskambju ta’ għarfien u informazzjoni b’rabta ma’ trasferimenti.
Aktar informazzjoni dwar il-membri tal-grupp ta’ esperti, rapporti tal-laqgħat u d-dokumenti kollha żviluppati mill-grupp tinsab hawnhekk.
Il-ktieb tar-riżorsi dwar id-Deċiżjoni Qafas 909 (2017)
Il-ktieb tar-riżorsi ġie żviluppat flimkien mal-grupp ta’ esperti tal-EuroPris dwar id-Deċiżjoni Qafas 909. Huwa maħsub biex jintuża mill-awtoritajiet kompetenti biex jassistihom huma u jikkompletaw it-trasferimenti ta’ priġunieri kkundannati.
L-informazzjoni li tinsab f’dan il-ktieb tar-riżorsi tiġbor fiha rakkomandazzjonijiet prattiċi, l-aħjar prattiki u riżorsi żviluppati biex jassistu t-trasferiment ta’ priġunieri kkundannati.
Formola ta’ Informazzjoni dwar it-Trasferiment ta' Priġunieri
Il-grupp espert tal-EuroPris żviluppa wkoll Formola ta' Informazzjoni dwar it-Trasferiment ta' Priġunieri, lista ta' kontroll li takkumpanja lill-priġunieri lejn pajjiż ieħor tal-UE. Id-dokument jinħareġ mill-pajjiż li jibgħat lill-priġunier b'dettalji bażiċi personali, mediċi u relatati mas-sentenza, riskji u dettalji dwar it-trasferiment. Il-Formola (u l-hemżiet fakultattivi) jivvjaġġaw mal-priġunier sal-istat tal-eżekuzzjoni.
Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.