- L-Artikolu 24(1)(a) - lingwi aċċettati mill-Istat Membru għad-dokumenti pubbliċi biex jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet tiegħu skont il-punt (a) tal-Artikolu 6(1)
- L-Artikolu 24(1)(b) - lista indikattiva ta' dokumenti pubbliċi li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament
- L-Artikolu 24(1)(c) - il-lista ta' dokumenti pubbliċi li magħhom jistgħu jiġu mehmuża l-formoli standard multilingwi bħala għajnuna adatta għat-traduzzjoni
- L-Artikolu 24(1)(d) - il-listi ta' persuni kkwalifikati, f'konformità mal-liġi nazzjonali, biex iwettqu traduzzjonijiet iċċertifikati, meta tali listi jkunu jeżistu
- L-Artikolu 24(1)(e) - lista indikattiva ta' tipi ta' awtoritajiet awtorizzati mil-liġi nazzjonali sabiex jagħmlu kopji ċċertifikati
- L-Artikolu 24(1)(f) - informazzjoni dwar il-mezzi li bihom traduzzjonijiet iċċertifikati u kopji ċċertifikati jistgħu jiġu identifikati
- L-Artikolu 24(1)(g) - informazzjoni dwar il-karatteristiċi speċifiċi tal-kopji ċċertifikati
Sib informazzjoni għal kull reġjun
L-Artikolu 24(1)(a) - lingwi aċċettati mill-Istat Membru għad-dokumenti pubbliċi biex jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet tiegħu skont il-punt (a) tal-Artikolu 6(1)
Skont l-Artikolu 6(1)(a), il-lingwi aċċettati huma l-Grieg u l-Ingliż.
L-Artikolu 24(1)(b) - lista indikattiva ta' dokumenti pubbliċi li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament
Id-dokumenti pubbliċi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1191 huma:
Responsabbiltà tal-Ministeru għall-Ġustizzja:
- l-“assenza ta’ rekord kriminali”.
Responsabbiltà tal-Ministeru għall-Affarijiet Interni:
- ċertifikat tar-reġistrazzjoni tat-twelid, relatat mat-twelid u relatat mal-adozzjoni ta’ adult (l-adozzjoni ta’ minuri hija sigrieta u ma tiġix irreġistrata f’dokument amministrattiv)
- ċertifikat tat-twelid, relatat mat-twelid, relatat mal-fatt li persuna tkun ħajja, u relatat mal-isem ta’ persuna fiżika
- ċertifikat tal-mewt, relatat mal-mewt
- ċertifikat taż-żwieġ, relatat maż-żwieġ u relatat mad-divorzju, s-separazzjoni legali u l-annullament taż-żwieġ
- ċertifikat tal-istat ċivili, relatat mal-istat ċivili, id-divorzju, is-separazzjoni legali, l-annullament taż-żwieġ, il-filjazzjoni, iċ-ċittadinanza, is-sħubija reġistrata u relatat max-xoljiment ta’ sħubija reġistrata
- liċenzja taż-żwieġ, relatata mal-kapaċità li persuna tiżżewweġ
- ċertifikat tas-sħubija reġistrata, relatat ma’ sħubija reġistrata u relatat max-xoljiment ta’ sħubija reġistrata
- ċertifikat taċ-ċittadinanza, relatat maċ-ċittadinanza
L-Artikolu 24(1)(c) - il-lista ta' dokumenti pubbliċi li magħhom jistgħu jiġu mehmuża l-formoli standard multilingwi bħala għajnuna adatta għat-traduzzjoni
ċertifikat tar-reġistrazzjoni tat-twelid, ċertifikat tat-twelid, ċertifikat tal-mewt, ċertifikat taż-żwieġ, liċenzja taż-żwieġ (kapaċità li persuna tiżżewweġ), ċertifikat tal-istat ċivili (trid tingħata informazzjoni dwar iż-żwieġ f’każijiet ta’ żwieġ u trid tingħata informazzjoni dwar is-sħubija reġistrata f’każijiet ta’ sħubija reġistrata), ċertifikat tas-sħubija reġistrata, ċertifikat taċ-ċittadinanza.
Fir-rigward taċ-ċertifikat ta’ assenza ta’ rekord kriminali, ma hemm l-ebda intestatura ta’ dħul speċifika għall-pajjiż ħlief għal dawk li jinsabu fil-parti standard tal-formoli multilingwi li hija komuni għall-Istati Membri kollha.
L-Artikolu 24(1)(d) - il-listi ta' persuni kkwalifikati, f'konformità mal-liġi nazzjonali, biex iwettqu traduzzjonijiet iċċertifikati, meta tali listi jkunu jeżistu
F’każijiet ta’ ċittadinanza u l-ħruġ ta’ liċenzji taż-żwieġ, l-awtoritajiet xierqa tal-muniċipalitajiet jaċċettaw traduzzjonijiet uffiċjali ta’ dokumenti barranin:
- mis-Servizz tat-Traduzzjoni tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, jew
- minn impjegat taċ-ċivil permanenti awtorizzat tal-awtorità konsulari Griega fil-pajjiż emittenti, jew
- minn traduttur gradwat mid-Dipartiment tal-Lingwi Barranin, it-Traduzzjoni u l-Interpretazzjoni tal-Università Jonika, jew
- minn avukat Grieg li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 36 tal-Liġi 4194/2013 tal-Kodiċi tal-Avukati (Gazzetta tal-Gvern, Serje I, Nru 208).
Għall-bqija, ma hemm l-ebda lista ta’ persuni awtorizzati skont id-dritt Grieg biex jagħmlu traduzzjonijiet ċertifikati.
L-Artikolu 24(1)(e) - lista indikattiva ta' tipi ta' awtoritajiet awtorizzati mil-liġi nazzjonali sabiex jagħmlu kopji ċċertifikati
L-awtoritajiet li għandhom is-setgħa li jagħmlu kopji ċertifikati tal-atti tal-Uffiċċju tar-Reġistru huma r-Reġistraturi li jkunu ħarġuhom. Ma hemm l-ebda dispożizzjoni għall-ħruġ ta’ kopji taċ-ċertifikati maħruġa mir-reġistri tal-popolazzjoni Griega, peress li ċ-ċittadini kull darba jitolbu l-kwantità ta’ ċertifikati li jkollhom bżonn jippreżentaw lid-diversi awtoritajiet.
Iċ-ċertifikat ta’ assenza ta’ rekord kriminali jinħareġ kif ġej: i) għall-persuni mwielda l-Greċja, iċ-ċertifikat jinħareġ mill-Uffiċċji tal-Prosekuturi Pubbliċi tal-Qorti tal-Ewwel Istanza tal-post tat-twelid tagħhom, u b’mod aktar speċifiku mid-Dipartiment tar-Rekords Kriminali, filwaqt li ii) għall-persuni mwielda barra mill-pajjiż jew għall-persuni li l-post tat-twelid tagħhom ma jistax jiġi vverifikat, iċ-ċertifikat jinħareġ mill-uffiċċju prinċipali tal-Ministeru għall-Ġustizzja u b’mod aktar speċifiku mid-Dipartiment tar-Rekords Kriminali u l-Maħfriet.
L-Artikolu 24(1)(f) - informazzjoni dwar il-mezzi li bihom traduzzjonijiet iċċertifikati u kopji ċċertifikati jistgħu jiġu identifikati
i. Sabiex titqies valida, it-traduzzjoni ta’ dokument b’lingwa barranija trid tinkludi wkoll, bħala anness, id-dokument oriġinali jew kopja ċertifikata tad-dokument fil-lingwa barranija. Barra minn hekk:
A. fil-każ ta’ traduzzjonijiet mis-Servizz tat-Traduzzjoni tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, it-traduttur jeħtieġlu jiċċertifika li d-dokument (tradott) inkwistjoni huwa traduzzjoni leali tad-dokument mehmuż; il-firma tat-traduttur trid tkun awtentikata mis-Servizz tat-Traduzzjoni msemmi hawn fuq; u d-dokument irid ikollu timbru tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fil-punt fejn jingħaqdu l-paġni tiegħu. Barra minn hekk, id-dokument tradott irid jinkludi l-informazzjoni tas-Servizz tat-Traduzzjoni, u b’mod partikolari jrid jidher il-kliem “TRADUZZJONI UFFIĊJALI” bil-Grieg, bl-Ingliż u bil-Franċiż fl-intestatura ta’ kull paġna; l-intestatura trid tinkludi wkoll in-numru tal-fajl li jinżamm fis-Servizz tat-Traduzzjoni; u l-qiegħ il-paġna jrid jinkludi l-informazzjoni tas-Servizz, jiġifieri “IR-REPUBBLIKA ELLENIKA, MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN, SERVIZZ TAT-TRADUZZJONI”, bil-Grieg, bl-Ingliż u bil-Franċiż ukoll,
B. fil-każ ta’ traduzzjoni minn avukat, irid jiġi ċċertifikat li d-dokument (tradott) inkwistjoni huwa traduzzjoni leali tad-dokument mehmuż, u li l-avukat għandu għarfien adegwat tal-lingwa li qed jittraduċi minnha u ta’ dik li qed jittraduċi fiha; u d-dokument irid ikollu timbru tal-avukat fil-punt fejn jingħaqdu l-paġni tiegħu.
C. fil-każ ta’ traduzzjonijiet minn konsolat jew ambaxxata, huwa biżżejjed li t-traduzzjoni toriġina minn dawn l-awtoritajiet u tiġi ċċertifikata minnhom, irrispettivament mill-identitajiet tat-tradutturi u n-natura tar-relazzjoni tagħhom mal-konsolat jew l-ambaxxata.
ii. Sabiex kopja taċ-ċertifikat ta’ assenza ta’ rekord kriminali titqies valida, huwa biżżejjed li jkun stampaha utent ċertifikat tas-sistema ta’ informazzjoni tar-Rekords Kriminali Nazzjonali. L-awtentiċità ta’ kull kopja ta’ ċertifikat ta’ assenza ta’ rekord kriminali tista’ tiġi vverifikata permezz ta’ kontroverifika tan-“numru tal-kodiċi ta’ verifika” (identifikatur uniku), in-numru ta’ referenza tiegħu u d-data tal-ħruġ tiegħu mal-informazzjoni li tista’ tinstab fil-Portal tar-Rekords Kriminali Nazzjonali fuq http://www.ncris.gov.gr/portal/page/portal/epm u b’mod partikolari mas-“Servizz ta’ Verifika tar-Rekords Kriminali”.
L-Artikolu 24(1)(g) - informazzjoni dwar il-karatteristiċi speċifiċi tal-kopji ċċertifikati
Ir-Reġistratur biss jista’ jagħmel kopji ċertifikati tal-atti tal-Uffiċċju tar-Reġistru li jiġu mehmuża ma’ formoli standard multilingwi. Dawn il-fotokopji ċertifikati jrid ikollhom il-firma tar-Reġistratur u timbru tal-muniċipalità li tkun ħarġet id-dokument inkwistjoni.
Il-karatteristiċi speċifiċi tal-kopji taċ-ċertifikati ta’ assenza ta’ rekord kriminali huma n-numru tal-kodiċi ta’ verifika, in-numru ta’ referenza, id-data u l-marka tal-ilma fuq il-formola.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.