1. Il-benefiċjarji tal-protezzjoni tal-Karta
Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Maastricht fl-1993, kull persuna b’ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-UE saret awtomatikament ċittadina tal-UE. Iċ-ċittadinanza tal-UE hija addizzjonali għaċ-ċittadinanza nazzjonali u tikkonferixxi sett ta’ drittijiet, inkluż id-dritt ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità meta japplika t-Trattat, u d-dritt ta’ moviment u ta’ residenza fl-UE skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt tal-UE. Aktar informazzjoni dwar id-drittijiet konferiti miċ-ċittadinanza tal-UE u kif dawn għandhom jiġu eżerċitati hija disponibbli hawn.
Ta’ min jinnota li ċ-ċittadini tal-UE mhumiex l-uniċi li jgawdu minn din il-protezzjoni: anke ċittadini ta’ Stati terzi u persuni mingħajr stat jistgħu jinvokaw il-Karta. Anke persuni ġuridiċi jgawdu mill-protezzjoni mogħtija mill-Karta fir-rigward ta’ ċerti drittijiet: aktar informazzjoni dwar dan tinsab fit-taqsima 1.1.
Ċerti drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta japplikaw biss għaċ-ċittadini tal-UE, b’mod partikolari:
- id-dritt għax-xogħol u l-libertà li persuna twettaq xogħol magħżul u aċċettat liberament (l-Artikolu 15(1))
- il-libertà ta'intrapriża (l-Artikolu 16)
- id-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali (l-Artikolu 39 u 40)
- id-dritt tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fl-UE (l-Artikolu 45)
- Id-dritt għal protezzjoni mingħand l-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta’ kull Stat Membru ieħor tal-UE (l-Artikolu 46)
Għandu jiġi nnotat li, sal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ppermettiet biss liċ-ċittadini tal-UE biex jinvokaw id-dritt ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, stabbilit fl-Artikolu 18 tat-TFUE u issa anke fl-Artikolu 21(2) tal-Karta.
Madankollu, kemm iċ-ċittadini tal-UE u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu jeżerċitaw il-biċċa l-kbira tad-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta tal-UE. Il-fattur deċiżiv huwa jekk ir-responsabbiltà għall-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali hijiex attribwibbli għall-Unjoni Ewropea nnifisha jew għal Stat Membru tal-UE meta jimplimenta d-dritt tal-UE. It-Taqsima 3 tipprovdi gwida f’dan ir-rigward.
1.1 Persuni ġuridiċi bħala benefiċjarji tal-protezzjoni tal-Karta
Fost il-benefiċjarji tad-drittijiet stabbiliti mill-Karta, uħud mid-dispożizzjonijiet tagħha jinkludu b’mod speċifiku ‘kull... persuna ġuridika... li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru’, b’mod partikolari:
- id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-aġenziji tal-UE (l-Artikolu 42);
- id-dritt li persuna tirrikorri għand l-Ombudsman Ewropew f’każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-aġenziji tal-UE (l-Artikolu 43);
- id-dritt ta’ petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew.
Madankollu, il-maġġoranza tad-dispożizzjonijiet tal-Karta ma jinkludux tali indikazzjoni.
Uħud minnhom jidhru li huma inerentement limitati għal persuni fiżiċi, pereżempju: L-Artikolu 1 (id-dinjità tal-bniedem), l-Artikolu 2 (id-dritt għall-ħajja), l-Artikolu 3 (id-dritt għall-integrità tal-persuna), l-Artikolu 4 (il-projbizzjoni tat-tortura jew tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti), l-Artikolu 5 (il-projbizzjoni tal-iskjavitù u tax-xogħol forzat), l-Artikolu 9 (id-dritt għaż-żwieġ u d-dritt għat-twaqqif ta’ familja), l-Artikolu 18 (id-dritt għall-asil), l-Artikolu 19 (protezzjoni f’każ ta’ tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni), l-Artikolu 23 (l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel), Artikolu 24 (id-drittijiet tat-tfal), l-Artikolu 25 (id-drittijiet tal-anzjani), l-Artikolu 26 (l-integrazzjoni tal-persuni diżabbli), l-Artikolu 29 (id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ impjieg), l-Artikolu 30 (il-protezzjoni fil-każ ta’ tkeċċija inġusta), l-Artikolu 31 (kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa), l-Artikolu 32 (il-projbizzjoni ta’ impjieg ta’ tfal u protezzjoni taż-żgħażagħ fuq il-post tax-xogħol), l-Artikolu 33 (il-ħajja tal-familja u professjonali), l-Artikolu 34 (sigurtà soċjali u assistenza soċjali), l-Artikolu 39 (Id-dritt tal-vot u d-dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew), l-Artikolu 40 (Id-dritt tal-vot u d-dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali), l-Artikolu 45 (il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza) u l-Artikolu 46 (il-protezzjoni diplomatika u konsulari).
B’kuntrast, il-Qorti tal-Ġustizzja qatgħetha li persuni ġuridiċi jistgħu jinvokaw biss uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Karta fejn dawn ma jissemmewx b’mod espliċitu fost il-benefiċjarji, pereżempju: L-Artikolu 7 u 8 dwar ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u l-protezzjoni tad-data personali (ara l-Kawża C-92/09 Volker und Markus Schecke u Eifert), u l-Artikolu 47(3) dwar l-aċċess għall-għajnuna legali (ara l-Kawża C-279/09 DEB). Fl-istess ħin, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja turi li l-protezzjoni mogħtija lill-persuni ġuridiċi tista’ tvarja, f’termini ta’ kamp ta’ applikazzjoni u livell, minn dik li jgawdu persuni fiżiċi.
Għad-dispożizzjonijiet li fadal, mhuwiex ċar jekk dawn jestendux għal persuni ġuridiċi jew le. Jekk każ li jinvolvi waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet jaqa’, f’xi aspett ieħor, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, jista’ jkun utli li l-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tippreċiża jekk persuni ġuridiċi humiex inklużi fost il-benefiċjarji ta’ tali protezzjoni.
Fil-valutazzjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jekk id-dispożizzjoni tal-Karta invokata kienet ikkaratterizzata bħala ‘dritt korrispondenti’ fis-sens tal-Artikolu 52(3) tal-Karta (ara l-Parti III, it-taqsima 5 u 5.1 u l-kawżi Schecke u DEB imsemmija hawn fuq).
2. L-entitajiet obbligati li jirrispettaw il-Karta
Skont l-Artikolu 51(1), il-Karta hija vinkolanti fuq:
- l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE;
- l-Istati Membri, iżda biss meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-UE.
Kull istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-UE hija marbuta li tirrispetta l-Karta, u l-istess japplika għall-persunal tagħhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.
Huma għandhom jirrispettaw il-Karta meta jadottaw u japplikaw atti tal-UE u, b’mod aktar ġenerali, meta jeżerċitaw is-setgħat u l-kompiti konferiti lilhom mit-Trattati tal-UE (it-TUE u t-TFUE).
Eżempji ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali minn istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-UE, jew mill-persunal tagħhom, jinkludu:
- l-adozzjoni ta’ att legali (pereżempju direttiva jew regolament tal-UE) li ma jipprovdix salvagwardji adegwati fir-rigward tat-trattament tad-data personali;
- ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti;
- investigazzjoni mill-uffiċjali tal-Kummissjoni bil-għan li jiġi aċċertat ksur ta’ regoli tal-kompetizzjoni li jmorru kontra d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata.
Ta’ min jinnota li l-Karta torbot ukoll lill-istituzzjonijiet, lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji tal-UE meta jadottaw jew japplikaw att intiż li jkollu effetti wkoll jew esklużivament barra mill-UE. Bl-istess mod, il-Karta torbot lill-impjegati tal-UE anke meta jwettqu d-dmirijiet tagħhom barra mill-Unjoni Ewropea. Eżempji jinkludu:
- ftehim internazzjonali bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-iskambju ta’ data personali;
- deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-iffriżar tal-fondi ta’ ċittadin Iraqi jew ta’ persuna ġuridika stabbilita fl-Iraq.
Fir-rigward ta’ ‘Stat’, l-ispjegazzjoni tal-Artikolu 51(1) (għall-‘Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali’, ara l-Parti III, it-taqsima 6) tistabbilixxi b’mod ċar li dan jirreferi għal ‘l-awtoritajiet ċentrali kif ukoll għall-korpi reġjonali jew lokali, u għall-organizzazzjonijiet pubbliċi, meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni’. Il-Karta hija wkoll vinkolanti fuq l-Istati meta jaġixxu bħala impjegaturi.
Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ ‘Stat’ jinkludi wkoll ‘korp li, tkun xi tkun il-forma ġuridika tiegħu, ikun ġie inkarigat bis-saħħa ta’ att tal-awtorità pubblika li jwettaq, taħt il-kontroll tagħha, servizz ta’ interess pubbliku u li jkollu, għal dan il-għan, setgħat eżorbitanti fid-dawl tar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi’ (ara l-Kawża C-282/10 Dominguez). Għalhekk, meta tali korp jimplimenta dritt tal-UE, huwa marbut li jikkonforma mal-Karta bl-istess mod bħal kull entità tal-Istat.
Bħala rikapitolazzjoni, skont l-Artikolu 51(1), il-Karta tista’ tiġi invokata għal rikors kontra kull ksur tad-drittijiet fundamentali li jirriżulta minn att adottat mill-istituzzjonijiet, mill-korpi, mill-uffiċċji u mill-aġenziji tal-UE. B’kuntrast, individwi jistgħu jinvokaw biss il-protezzjoni mogħtija mill-Karta bi tweġiba għal ksur bħala riżultat ta’ att nazzjonali li jimplimenta d-dritt tal-UE.
Hawnhekk hawn differenza sinifikanti fir-rigward tal-KEDB u l-kostituzzjonijiet nazzjonali: Stat Membru tal-UE jista’ jippreżenta rikors kontra kwalunkwe att jekk dan imur kontra l-kostituzzjoni tal-Istat jew kontra l-KEDB.
Għalhekk individwu jista’ jiġi f’dubju jekk kienx vallapena l-isforz li jkun ħa biex jistabbilixxi li att nazzjonali li allegatament ikun mar kontra l-Karta kienx ittieħed f’kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE.
Mil-lat tal-individwu li jinvoka din il-protezzjoni, dan l-isforz addizzjonali huwa utli għaliex il-Karta, jekk applikabbli:
- tippermetti lill-vittma tal-ksur li tagħmel użu mill-forom ġudizzjarji u mhux ġudizzjarji differenti ta’ rimedji previsti mid-dritt tal-UE (ara l-Parti I, it-taqsima 4);
- pereżempju, qabel ma tippreżenta lment quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu dwar ksur tal-KEDB, il-vittma għandha l-ewwel teżawrixxi r-rimedji nazzjonali (dwar din ir-regola u l-limiti għall-applikazzjoni tagħha, ara l-Gwida prattika dwar il-kriterji ta’ ammissibbiltà);
- filwaqt li l-qrati nazzjonali tal-prim’istanza jistgħu jippreżentaw rinviju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari (ara t-taqsima 4);
- id-dritt tal-UE jipproduċi effetti distinti fil-livell nazzjonali, li jista’ jipprovdi protezzjoni partikolarment effettiva għall-vittma ta’ ksur, bħad-dmir li qorti nazzjonali tieqaf tapplika kwalunkwe att nazzjonali li huwa inkompatibbli mal-Karta jew li tinterpretatah b’mod konformi mal-Karta, u l-ħlas tad-danni mill-Istat Membru kkonċernat.
F’termini tar-relazzjoni bejn id-dritt tal-UE u l-liġi nazzjonali (il-perspettiva legali), l-ewwel trid tiġi stabbilita l-kwistjoni ta’ jekk att nazzjonali jimplimentax id-dritt tal-UE; peress li d-dritt tal-UE jipprevali fuq il-liġi nazzjonali (supremazija), il-liġi nazzjonali għandha tkun konformi mad-dritt tal-UE.
Essenzjalment, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE, il-Karta tikkostitwixxi l-punt ta’ referenza għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Sorsi nazzjonali li jipproteġu d-drittijiet fundamentali jista’ jkollhom rwol; madankollu, is-sinifikanza tagħhom tiddependi fuq il-livell tar-rabta bejn id-dritt tal-UE u d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati fil-każ inkwistjoni (ara l-Parti III, it-taqsima 7).
2.1 Sitwazzjonijiet li fihom partijiet privati għandhom jirrispettaw il-Karta
Partijiet privati jgawdu mill-protezzjoni prevista mill-Karta. B’kuntrast, ma fiha l-ebda referenza għalihom bħala fost il-kategoriji marbuta biha.
Madankollu, dan ma jfissirx li l-partijiet privati qatt ma għandhom l-obbligu li jikkonformaw mal-Karta.
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dispożizzjoni tal-Karta li ‘[hija] biżżejjed, [waħedha], biex [t]agħti lill-individwi dritt suġġettiv invokabbli bħala tali’ tista’ tiġi invokata biex tintalab id-disapplikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali konfliġġenti anki fi proċeduri bejn partijiet privati (ara l-Kawża C-176/12 Association de médiation sociale,, il-paragrafu 47).
Dan qed jintwera fl-eżempju li ġej (ibbażat fuq il-Kawża C-555/07 Kücükdeveci). Is-Sur A huwa impjegatur fis-settur privat u s-Sinjura B hija l-impjegata tiegħu. Is-Sinjura B tirċievi ittra fejn tiġi mgħarrfa li ser tingħata s-sensja u li qed tingħata perjodu ta’ avviż ta’ xahar. Dan huwa konformi mar-regoli nazzjonali fis-seħħ, skont liema l-perjodu ta’ avviż huwa ta’ xahar fejn l-impjegat ikun ilu jaħdem għal min iħaddmu għal inqas minn sentejn, eskluż kwalunkwe żmien ta’ impjieg qabel ma l-impjegat ikun għalaq il-25 sena. Skont is-Sinjura B, li kienet ilha impjegata minn meta kellha 18-il sena, id-dispożizzjoni inkwistjoni hija diskriminatorja fuq il-bażi tal-età. Għalhekk tibda proċedimenti legali kontra min iħaddimha quddiem il-qrati nazzjonali. Il-qorti nazzjonali tikkonstata li l-allegata dispożizzjoni nazzjonali diskriminatorja timplimenta d-dritt tal-UE, peress li tirregola l-kriterji għat-tkeċċija u taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva Nru 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol. Fil-konferma tagħha li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni timplimenta d-dritt tal-UE, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 21(1) tal-Karta, li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’, fost oħrajn, l-età, jista’ jiġi invokat u użat għad-disapplikazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali konfliġġenti, inkluż fir-rigward ta’ proċedimenti li jinvolvu partijiet privati. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dik inkwistjoni huma diskriminatorji fuq il-bażi tal-età; għalhekk il-qorti nazzjonali ma għandhiex tosservahom fir-rigward tas-Sinjura B.
Fi kliem ieħor, għalkemm l-obbligu li jiġi żgurat li r-regoli nazzjonali huma konformi mal-Karta jorbot biss lill-Istati Membri, meta dawn jonqsu milli jirrispettaw l-obbligu inkwistjoni dan jista’ jwassal għall-applikazzjoni diretta tad-dispożizzjonijiet tal-Karta fir-rigward ta’ partijiet privati.
Din il-karatteristika distintiva tal-Karta, li tissejjaħ effett orizzontali dirett, hija vantaġġ addizzjonali meta mqabbel mal-KEDB, li d-dispożizzjonijiet tagħha ma għandhomx l-istess effett.
Huwa ċar li hemm żewġ perspettivi kuntrastanti dwar l-effett orizzontali dirett tal-Karta: min-naħa waħda, itejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-individwi; min-naħa l-oħra, partijiet privati li jimxu skont il-liġi nazzjonali jistgħu jitilfu l-kawżi tagħhom.
Għalhekk huwa importanti ħafna li jkun hemm għarfien dwar liema dispożizzjonijiet tal-Karta għandhom effett orizzontali dirett. Aktar informazzjoni dwar din it-tema tinsab fil-Parti III, it-taqsima 7.
3. Meta att nazzjonali jimplimenta d-dritt tal-UE
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, miżura nazzjonali timplimenta d-dritt tal-UE meta ‘taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-UE’ [Traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara l- Kawża C-617/10 Åkerberg Fransson, il-paragrafi 17-23). Għalhekk, il-Karta tapplika għal kull att nazzjonali li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-UE, u għal dawn l-atti biss.
Mal-ewwel daqqa t’għajn, din id-dikjarazzjoni vaga addizzjonali ma tipprovdi l-ebda indikazzjoni tal-firxa tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta. Madankollu, qabel it-Trattat ta’ Lisbona, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq din il-formulazzjoni biex tissottolinja l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali protetti bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE. Din il-ġurisprudenza pprovdiet kjarifiki dwar il-kwistjoni lil hinn mill-formulazzjoni ta’ implimentazzjoni/kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li
- il-protezzjoni tal-Karta ma tistax tiġi skattata b’sempliċi dikjarazzjoni li l-każ inkwistjoni jittratta ksur, minn att nazzjonali, ta’ dritt fundamentali stabbilit fil-Karta, iżda minflok,
- att nazzjonali jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-UE, u għalhekk tal-Karta, minħabba li hemm regola tad-dritt primarju jew sekondarju tal-UE, distinta mill-allegata dispożizzjoni miksura tal-Karta, li tapplika għall-każ inkwistjoni.
Fi kliem ieħor, is-sitwazzjoni li fiha jkun seħħ il-ksur għandha tkun regolata mir-regoli tad-dritt tal-UE. Lista ta’ sitwazzjonijiet li fihom dan il-kriterju huwa sodisfatt tinsab fil-Parti III, it-taqsima 2.
Minbarra d-dispożizzjonijiet tal-Karta nnifisha, hemm dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-UE li ma jistgħux jintużaw biex tiġi attivata l-protezzjoni mogħtija mill-Karta. B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati (TUE u TFUE) li jagħtu lill-Unjoni Ewropea s-setgħa li taġixxi f’ċerti oqsma ma jistgħux, minnhom infushom, jattivaw l-applikazzjoni tal-Karta. Iżda, jekk l-istanzi leġiżlattivi tal-UE jeżerċitaw is-setgħat normattivi tagħhom billi jadottaw atti f’qasam partikolari, il-ksur tad-drittijiet fundamentali li jseħħ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali atti jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta.
Pereżempju, l-Artikolu 30 jipprevedi l-protezzjoni kontra t-tkeċċija inġusta. L-Unjoni Ewropea għandha s-setgħa legali li tirregola s-sensji, iżda sal-lum għadha ma eżerċitatx din is-setgħa. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ xi rabta oħra mad-dritt tal-UE, deċiżjoni dwar it-tkeċċija ta’ impjegat ma tistax tiġi kkontestata skont l-Artikolu 30 tal-Karta, bħal fil-Kawża C-117/14 Nisttahuz Poclava.
3.1 Eżempju prattiku
Iż-żewġ każijiet li ġejjin jittrattaw regoli nazzjonali li jċaħħdu lill-persuni ġuridiċi mill-aċċess għall-għajnuna legali. Madankollu, il-Karta, jew b’mod aktar speċifiku l-Artikolu 47(3) dwar id-dritt għall-għajnuna legali, hija applikabbli biss f’wieħed minn dawn il-każijiet.
Il-każ ALFA: Alfa, kumpannija Ġermaniża li topera fis-settur tal-gass naturali, trid tagħmel rikors biex tiġi stabbilita l-imputabilità tal-Ġermanja skont id-dritt tal-UE. Wara li l-Ġermanja naqset milli tittrasponi żewġ Direttivi tal-UE dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-gass naturali sad-data ta’ skadenza stabbilita, Alfa esperjenzat telf finanzjarju kbir. Minħabba nuqqas ta’ dħul u ta’ assi, Alfa ma tistax tqabbad avukat u għalhekk tapplika biex tingħata għajnuna legali. Madankollu, skont ir-regoli Ġermaniżi, persuni fiżiċi biss jistgħu jingħataw għajnuna legali. Alfa tikkontesta r-regoli nazzjonali quddiem qorti nazzjonali.
Il-każ BETA: Beta, kumpannija kummerċjali Portugiża li tinnegozja fi prodotti agrikoli, trid tippreżenta rikors kontra Omega, kumpannija kummerċjali oħra stabbilita fil-Portugall, sabiex tirkupra kreditu għal servizz ipprovdut fil-Portugall. Madankollu, Beta la għandha dħul u lanqas assi u ma tistax tqabbad avukat. Tapplika għall-għajnuna legali, iżda l-applikazzjoni tiġi miċħuda peress li, skont il-liġi Portugiża, persuni fiżiċi biss jistgħu jingħataw għajnuna legali. Beta tikkontesta r-regoli nazzjonali quddiem qorti nazzjonali.
ALFA tista’ tinvoka l-protezzjoni tal-Karta, filwaqt li BETA ma tistax. Għaliex?
Il-kawża li Alfa trid tiftaħ kontra l-Ġermanja hija mmirata lejn l-infurzar ta’ dritt mogħti mid-dritt tal-UE: id-dritt li l-Istati Membri jsewwu l-ħsara kkawżata mill-ksur tal-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-UE (bħall-obbligu li jittrasponu Direttiva tal-UE fiż-żmien stabbilit). Għalhekk, hemm aktar involut mis-‘sempliċi’ dikjarazzjoni ta’ ksur ta’ dispożizzjoni tal-Karta tal-UE.
B’kuntrast, minbarra d-dispożizzjoni tal-Karta allegatament miksura, ma hemm l-ebda stat tad-dritt tal-UE li japplika għall-każ Beta. L-elementi kollha tal-każ jinsabu fil-konfini tat-territorju ta’ Stat Membru wieħed (u b’hekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tas-servizzi ma japplikawx), ir-rikors li Beta trid tagħmel ma jittrattax sitwazzjoni rregolata mid-dritt tal-UE u ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-aċċess għall-għajnuna legali fi proċeduri tal-qorti fl-Istati Membri.
Il-każijiet ta’ ALFA u BETA huma ispirati minn żewġ kawżi reali deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kawża C-279/09 DEB u l-Kawża C-258/13 Sociedade Agrícola e Imobiliária da Quinta de S. Paio rispettivament.
4. Meta l-Karta mhijiex applikabbli
Il-Karta ma tistax tiġi invokata sabiex jiġi kkontestat ksur tad-drittijiet fundamentali li jirriżulta minn att nazzjonali li ma jimplimentax id-dritt tal-UE (ara t-taqsima 2).
Dan ma jfissirx li l-persuni li jiddikjaraw ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom huma preklużi minn ebda protezzjoni. Minflok, l-ilmenti tagħhom iridu jiġu ppreżentati quddiem il-qrati nazzjonali jew quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, skont iċ-ċirkostanzi.
Il-kwistjoni mhijiex jekk hemmx possibiltajiet oħra biex wieħed jikseb protezzjoni, iżda liema huwa l-aħjar post fejn wieħed għandu jirrikorri.
Il-paġna ‘Lil min tikkuntattja’ tipprovdi xi informazzjoni dwar fejn wieħed għandu jirrikorri għal parir ikkwalifikat dwar il-kors xieraq ta’ azzjoni.
Barra minn hekk, professjonisti legali jistgħu jsibu spjegazzjonijiet addizzjonali dwar il-kamp ta’ applikazzjoni u l-effetti tal-Karta fil-Parti III.
Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.