- 1. X’tip ta’ ħarsien ġudizzjarju għandi f’pajjiżek bħala vittma ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju? Dan il-ħarsien jinkludi kumpens?
- 2. Għandkom xi regoli speċifiċi għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem? Dawn ir-regoli japplikaw għal reati ambjentali jew ta’ sfruttament qawwi tal-forza tax-xogħol?
- 3. Jien vittma ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jirriżulta minn attivitajiet ta’ korporazzjoni transnazzjonali Ewropea li seħħew barra l-Unjoni Ewropea. Għandi aċċess għall-qrati f’pajjiżek jekk jien m’iniex ċittadin tal-UE jew jekk ma ngħixx fl-UE? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex jintalbu d-danni għal ksur tad-drittijiet tiegħi? Fejn nista’ nsib xi informazzjoni addizzjonali?
- 4. L-istituzzjonijiet tal-Ombudsman, il-korpi tal-ugwaljanza jew l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem jistgħu jappoġġaw lill-vittmi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju mwettaq minn korporazzjonijiet transnazzjonali Ewropej barra mill-Unjoni Ewropea? Dawn il-korpi jistgħu jinvestigaw il-każ tiegħi jekk jien m’iniex ċittadin tal-UE jew ma ngħixx fl-UE? Hemm servizzi pubbliċi oħra (bħall-ispettorat tax-xogħol jew tal-ambjent) f’pajjiżek li jistgħu jinvestigaw il-każ tiegħi? Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħi?
- 5. Pajjiżek jimponi obbligi fuq il-korporazzjonijiet transnazzjonali Ewropej biex jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ lment jew servizzi ta’ medjazzjoni għal ksur li jirriżulta mill-attivitajiet tan-negozju tagħhom? Dawn l-obbligi japplikaw ukoll għal ksur li seħħ barra l-Unjoni Ewropea? Min hu inkarigat mill-monitoraġġ ta’ dawn l-attivitajiet f’pajjiżek? Hemm rapporti pubbliċi disponibbli li jipprovdu informazzjoni dwar il-funzjonament tas-sistema?
- 6. Għandi xi drittijiet speċifiċi jekk inkun vittma vulnerabbli li tfittex rimedju għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju? Jista’ jkolli aċċess għall-għajnuna legali u taħt liema kundizzjonijiet? Liema spejjeż se jkunu koperti mill-għajnuna legali? Għandi aċċess għall-għajnuna legali taħt l-istess kundizzjonijiet jekk m’iniex ċittadin tal-UE jew jekk ma ngħixx fl-UE?
1. X’tip ta’ ħarsien ġudizzjarju għandi f’pajjiżek bħala vittma ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju? Dan il-ħarsien jinkludi kumpens?
Il-protezzjoni ġudizzjarja kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem hija mnaqqxa fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u fl-Att Kostituzzjonali tar-Renju tad-Danimarka (Danmarks Riges Grundlov). Ma ssir l-ebda distinzjoni bejn ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatat man-negozju u dak mhux relatat man-negozju.
Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem
Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ġiet trasposta fil-liġi Daniża bl-Att Nru 285 tad-29 ta’ April 1992. Skont il-ġurisprudenza Daniża, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jkunu responsabbli li jħallsu kumpens għal kwalunkwe ksur tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward ta’ danni finanzjarji jew mhux finanzjarji. Din ir-responsabbiltà hija oġġettiva skont il-ġurisprudenza Daniża, u l-prinċipji ġenerali tal-liġi Daniża dwar il-kumpens japplikaw ukoll.
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea
L-awtoritajiet Daniżi kollha jridu jirrispettaw il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea meta jimplimentaw id-dritt tal-UE. Il-qrati Daniżi jridu jipprovdu wkoll l-aċċess meħtieġ għall-ġustizzja sabiex jissalvagwardjaw il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet f’oqsma soġġetti għad-dritt tal-UE. Dan jinkludi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
L-Att Kostituzzjonali tar-Renju tad-Danimarka
Il-Kapitoli VII u VIII tal-Kostituzzjoni Daniża fihom għadd ta’ libertajiet u ta’ drittijiet tal-bniedem. Il-libertajiet personali jinvolvu l-protezzjoni tal-libertà personali (l-Artikolu 71), tad-dar u l-privatezza (l-Artikolu 72), tad-dritt tal-proprjetà (l-Artikolu 73), tal-libertà tar-reliġjon, u tad-dritt li ma ssirx diskriminazzjoni kontra individwu (l-Artikolu 67, l-Artikolu 68 u l-Artikolu 70). Il-libertajiet politiċi jirrigwardaw il-libertà tal-kelma (l-Artikolu 77), il-libertà ta’ assoċjazzjoni (l-Artikolu 78), u l-libertà tal-għaqda (l-Artikolu 79). Il-Kostituzzjoni tinkludi wkoll dritt għal aċċess liberu u ugwali għall-kummerċ (l-Artikolu 74), id-dritt għal għajnuna pubblika (l-Artikolu 75), u d-dritt għal edukazzjoni elementari mingħajr ħlas u għal-libertà tal-għażla tal-iskola (l-Artikolu 76).
Fl-Artikolu 73 tal-Kostituzzjoni hija stabbilita bażi ġuridika għad-dritt għal kumpens sħiħ għall-esproprjazzjoni, li jitħallas fir-rigward tat-telf finanzjarju mġarrab b’riżultat ta’ esproprjazzjoni.
2. Għandkom xi regoli speċifiċi għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem? Dawn ir-regoli japplikaw għal reati ambjentali jew ta’ sfruttament qawwi tal-forza tax-xogħol?
M’hemm l-ebda regola speċifika għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, la fuq livell nazzjonali u lanqas fuq livell internazzjonali. Madankollu, il-prinċipju tal-proporzjonalità għandu rwol fil-valutazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-gravità ta’ ksur. Il-protezzjoni ġudizzjarja kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem hija mnaqqxa fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u fl-Att Kostituzzjonali tar-Renju tad-Danimarka.
3. Jien vittma ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jirriżulta minn attivitajiet ta’ korporazzjoni transnazzjonali Ewropea li seħħew barra l-Unjoni Ewropea. Għandi aċċess għall-qrati f’pajjiżek jekk jien m’iniex ċittadin tal-UE jew jekk ma ngħixx fl-UE? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex jintalbu d-danni għal ksur tad-drittijiet tiegħi? Fejn nista’ nsib xi informazzjoni addizzjonali?
Essenzjalment, l-individwi privati kollha fid-Danimarka jistgħu jiftħu kawża quddiem il-qrati nazzjonali. Dan japplika kemm għaċ-ċittadini tal-UE kif ukoll għaċ-ċittadini mhux tal-UE. Aktar informazzjoni ta’ gwida dwar kif tinfetaħ kawża quddiem il-qrati hija disponibbli fuq http://www.domstol.dk/.
4. L-istituzzjonijiet tal-Ombudsman, il-korpi tal-ugwaljanza jew l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem jistgħu jappoġġaw lill-vittmi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju mwettaq minn korporazzjonijiet transnazzjonali Ewropej barra mill-Unjoni Ewropea? Dawn il-korpi jistgħu jinvestigaw il-każ tiegħi jekk jien m’iniex ċittadin tal-UE jew ma ngħixx fl-UE? Hemm servizzi pubbliċi oħra (bħall-ispettorat tax-xogħol jew tal-ambjent) f’pajjiżek li jistgħu jinvestigaw il-każ tiegħi? Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħi?
L-istitut nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem fid-Danimarka, l-Istitut Daniż għad-Drittijiet tal-Bniedem (Institut for Menneskerettigheder), għandu l-għan li jippromwovi u jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem, inkluż fost affarijiet oħra billi jagħti pariri lill-Parlament Daniż (Folketinget), lill-Gvern Daniż, lil awtoritajiet pubbliċi oħra u lil partijiet ikkonċernati privati dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ġestjoni tal-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem. L-Istitut Daniż għad-Drittijiet tal-Bniedem jista’ jgħin ukoll lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni sabiex l-appelli ta’ diskriminazzjoni tagħhom jiġu pproċessati, filwaqt li tingħata l-kunsiderazzjoni xierqa lid-drittijiet tal-vittmi, tal-assoċjazzjonijiet, tal-organizzazzjonijiet u ta’ persuni ġuridiċi oħra.
L-Ombudsman Parlamentari Daniż essenzjalment jittratta biss ilmenti dwar l-amministrazzjoni pubblika.
Hemm mekkaniżmi separati fid-Danimarka għall-ipproċessar ta’ każijiet relatati ma’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatat man-negozju, inklużi l-qrati Daniżi, t-Tribunal Industrijali (arbejdsretten), il-Bord Nazzjonali tal-Korrimenti Industrijali (Arbejdsskadestyrelsen), il-Bord għat-Trattament Ugwali (Ligebehandlingsnævnet), l-Istituzzjoni ta’ Medjazzjoni u ta’ Trattament tal-Ilmenti għal Imġiba Responsabbli fin-Negozju (Mæglings- og klageinstitutionen for ansvarlig virksomhedsadfærd) (MKI), u oħrajn. Fis-suq tax-xogħol, kultant issir konċiljazzjoni kunfidenzjali bejn il-partijiet fil-każijiet li jistgħu jkunu rilevanti għad-drittijiet tal-bniedem.
5. Pajjiżek jimponi obbligi fuq il-korporazzjonijiet transnazzjonali Ewropej biex jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ lment jew servizzi ta’ medjazzjoni għal ksur li jirriżulta mill-attivitajiet tan-negozju tagħhom? Dawn l-obbligi japplikaw ukoll għal ksur li seħħ barra l-Unjoni Ewropea? Min hu inkarigat mill-monitoraġġ ta’ dawn l-attivitajiet f’pajjiżek? Hemm rapporti pubbliċi disponibbli li jipprovdu informazzjoni dwar il-funzjonament tas-sistema?
Skont il-liġi Daniża, il-korporazzjonijiet transnazzjonali Ewropej mhumiex obbligati jistabbilixxu mekkaniżmi tal-ilmenti jew servizzi ta’ medjazzjoni għal ksur li jirriżulta mill-attivitajiet kummerċjali tagħhom.
Id-Danimarka stabbiliet bil-liġi l-Istituzzjoni ta’ Medjazzjoni u ta’ Trattament tal-Ilmenti għal Imġiba Responsabbli fin-Negozji (MKI), li taħdem sabiex toħloq qafas għall-medjazzjoni, għad-djalogu, u għar-riżoluzzjoni tal-konflitti.
L-MKI hija l-punt ta’ kuntatt nazzjonali tal-OECD għad-Danimarka, u għandha l-kompitu li tittratta lmenti dwar imġiba irresponsabbli potenzjali, fost affarijiet oħra, minn kumpaniji Daniżi fid-Danimarka u barra mill-pajjiż, pereżempju permezz tar-relazzjonijiet kummerċjali ta’ kumpanija, u li toffri medjazzjoni bejn il-parti li tkun ġarrbet dannu u l-parti li tkun is-suġġett tal-ilment. L-MKI tittratta l-ilmenti u tista’ toffri medjazzjoni f’każijiet li jikkonċernaw ksur tal-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali, inklużi każijiet li jikkonċernaw id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-ħaddiema, l-istandards ambjentali internazzjonali, u l-korruzzjoni.
L-MKI tippubblika rapporti annwali dwar il-ħidma tagħha, inklużi l-ilmenti li hija tkun ipproċessat u kwalunkwe proċess ta’ medjazzjoni. Meta tittratta lment, l-MKI tista’ wkoll toħroġ dikjarazzjonijiet pubbliċi li jistgħu, pereżempju, jinkludu kritika tal-imġiba ta’ kumpanija.
L-MKI hija istituzzjoni indipendenti li għandha l-mandat li teżamina l-każijiet fuq inizjattiva tagħha stess, iżda ma tissorveljax l-attivitajiet tal-kumpaniji Daniżi.
6. Għandi xi drittijiet speċifiċi jekk inkun vittma vulnerabbli li tfittex rimedju għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju? Jista’ jkolli aċċess għall-għajnuna legali u taħt liema kundizzjonijiet? Liema spejjeż se jkunu koperti mill-għajnuna legali? Għandi aċċess għall-għajnuna legali taħt l-istess kundizzjonijiet jekk m’iniex ċittadin tal-UE jew jekk ma ngħixx fl-UE?
Persuni li huma vittmi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatat man-negozju ma għandhom l-ebda dritt speċifiku (jekk jogħġbok ara l-mistoqsija 1). Hemm żewġ tipi ta’ għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat fid-Danimarka: proċeduri mingħajr ħlas [fri proces] u għajnuna legali pubblika [offentlig retshjælp]. M’hemm l-ebda rekwiżit li wieħed ikun ċittadin Daniż jew ċittadin tal-UE sabiex jikseb għajnuna legali.
Proċeduri mingħajr ħlas
Jekk tintlaqa’ t-talba għal proċedura mingħajr ħlas tar-rikorrent, l-ispejjeż kollha tar-rikorrent jiġu koperti mill-Istat. Minn dan jirriżulta li, fost affarijiet oħra, waħda mill-kundizzjonijiet għall-proċeduri mingħajr ħlas hija li l-introjtu tar-rikorrent ma jaqbiżx il-limitu fuq l-introjtu stabbilit fl-Artikolu 325(3)-(5) tal-Att dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja (retsplejeloven), u li r-rikorrent ma jkollux polza tal-assigurazzjoni għall-għajnuna legali jew polza tal-assigurazzjoni oħra li tkopri l-ispejjeż tal-każ. Il-limiti tad-dħul jiżdiedu kull sena; jekk jogħġbok ara l-Artikolu 328(2) tal-Att dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Għalhekk, fl-2019, l-introjtu ta’ rikorrent waħdu ma jistax jaqbeż it-DKK 329 000; għal rikorrenti li huma parti minn koppja, l-introjtu totali tal-koppja ma jistax jaqbeż l-DKK 418 000.
Minbarra dan, kundizzjoni oħra hija essenzjalment li jeħtieġ li r-rikorrent jitqies li jkollu bażijiet raġonevoli sabiex jiftaħ il-każ; jekk jogħġbok ara l-Artikolu 328(2) tal-Att dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.
Madankollu, l-Artikolu 327 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja telenka numru ta’ tipi speċjali ta’ każijiet li fihom ma jkun hemm l-ebda kundizzjoni sabiex ir-rikorrent ikollu bażijiet raġonevoli sabiex jiftaħ il-każ. F’dawn il-każijiet, it-talbiet għal proċeduri mingħajr ħlas iridu jiġu aċċettati kull meta r-rikorrent jissodisfa l-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fl-Artikolu 325. Madankollu, dan mhux bilfors ifisser li l-kawża tar-rikorrent se tintlaqa’; jekk jogħġbok ara l-Artikolu 327(4).
Għajnuna legali pubblika
Hemm tliet passi għall-għajnuna legali; jekk jogħġbok ara l-Artikolu 323 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u l-Ordni Eżekuttiva (bekendtgørelse) Nru 1503 tat-18 ta’ Diċembru 2019 dwar l-Għajnuna Legali Pubblika b’Avukat. Kulħadd għandu dritt għal pariri verbali bażiċi ħafna (u mingħajr ħlas) dwar kwistjonijiet legali li jkunu importanti għal tilwima, u dwar l-għażliet prattiċi u finanzjarji sabiex wieħed jiftaħ każ (l-ewwel pass).
Il-persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet finanzjarji għall-proċeduri mingħajr ħlas huma intitolati wkoll għal xi għajnuna legali mingħajr ħlas fil-forma ta’ pariri u ta’ tħejjija ta’ mistoqsijiet individwali bil-miktub, inklużi l-applikazzjonijiet għal proċeduri mingħajr ħlas, eċċ. (it-tieni pass). Fil-każ ta’ tilwima fejn jitqies li jkun hemm prospett li l-kawża tingħalaq permezz ta’ konċiljazzjoni bl-assistenza addizzjonali ta’ avukat, il-persuna inkwistjoni tkun intitolata wkoll għal xi għajnuna legali mingħajr ħlas minn avukat (it-tielet pass).
Fl-2019, it-tariffa għall-għajnuna legali minn avukat fit-tieni pass kienet ta’ DKK 1 040 (inkluża l-VAT). L-Istat iħallas 75 % ta’ dan l-ammont, iżda l-applikant għall-għajnuna legali jħallas il-bqija. It-tariffa għall-għajnuna legali minn avukat fit-tielet pass hija ta’ DKK 2 390 (inkluża l-VAT). L-Istat u l-applikant għall-għajnuna legali jħallsu nofs kull wieħed. Madankollu, l-Istat iħallas it-tariffa sħiħa għall-għajnuna legali marbuta ma’ talba għal proċeduri mingħajr ħlas.
Madankollu, essenzjalment, ma jista’ jintalab l-ebda sussidju mill-Istat għall-għajnuna legali fit-tieni u fit-tielet passi jekk ikun ċar sa mill-bidu nett li l-każ ma jistax jiġi ttrattat fil-limiti tal-ammont ta’ DKK 1 040 jew ta’ DKK 2 390 rispettivament. Barra minn hekk, sussidju mill-fondi tal-Istat għall-għajnuna legali fit-tieni u fit-tielet passi jinkludi biss tariffi li mhumiex koperti minn polza tal-assigurazzjoni għall-għajnuna legali jew minn tip ieħor ta’ polza tal-assigurazzjoni.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.