Negozju u drittijiet tal-bniedem

Portugall

Il-kontenut ipprovdut minn
Portugall

1. X’tip ta’ ħarsien ġudizzjarju għandi f’pajjiżek bħala vittma ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju? Din il-protezzjoni tinkludi kumpens?

Ir-rimedju għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju huwa disponibbli permezz tal-qrati, jiġifieri dawk b’ġuriżdizzjoni fuq materji ċivili, kriminali, amministrattivi u tax-xogħol, filwaqt li jitqies it-tip ta’ ksur ikkonċernat. Din il-protezzjoni tista’ tkun fil-forma ta’ ftuħ ta’ kawża jew kwerela mal-korpi tal-investigazzjoni kriminali jew mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (Ministério Público). Permezz ta’ din l-azzjoni, l-imputat jista’ jintalab jipprovdi xi ħaġa, jagħmel xi ħaġa, iżomm lura minn att li jmur kontra l-liġi jew jittollera ċertu att, kif ukoll li jsewwi d-danni jew il-ħsara morali mġarrba bħala riżultat tal-imġiba tal-imputat. Il-Kodiċi Kriminali Portugiż (Código Penal) jipprevedi r-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi fil-każ ta’ ċerti delitti u f’ċerti ċirkostanzi.

Il-liġi proċedurali ċivili, kriminali, amministrattiva u tax-xogħol tirregola l-proċeduri għall-kisba ta’ kumpens.

2. Għandkom xi regoli speċifiċi għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem? Dawn ir-regoli japplikaw għal reati ambjentali jew ta’ sfruttament qawwi tal-forza tax-xogħol?

Ma hemm l-ebda sett speċifiku ta’ regoli nazzjonali għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem. Madankollu, meta tali ksur ikun delitt jew reat amministrattiv, il-valutazzjoni tal-gravità ta’ ksur partikolari titqies meta tiġi ddeterminata l-piena applikabbli u t-tul ta’ żmien jew l-ammont tagħha. Dan huwa l-każ għal delitti ambjentali u sfruttament gravi tax-xogħol.

3. Jiena vittma ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem li rriżulta minn attivitajiet ta’ korporazzjoni tranżnazzjonali Ewropea li seħħew ’il barra mill-Unjoni Ewropea. Għandi aċċess għall-qrati f’pajjiżek jekk m’iniex ċittadin tal-UE jew jekk ma ngħixx fl-UE? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex jintalbu d-dannu għal ksur tad-drittijiet tiegħi? Fejn nista’ nsib xi informazzjoni addizzjonali?

Skont id-dritt ċivili, japplikaw ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (magħruf bħala r-“Riformulazzjoni ta’ Brussell I”) u fil-Konvenzjoni ta’ Lugano.

Skont ir-Regolament (UE) Nru 215/2012 il-persuni domiċiljati fi Stat Membru għandhom, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, jiġu mħarrka fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru, u kumpanija (jew persuna ġuridika oħra) titqies li tkun domiċiljata fil-post fejn ikollha s-sede statutorja, l-amministrazzjoni ċentrali jew il-post prinċipali tan-negozju tagħha. Madankollu, f’ċerti materji huma previsti regoli speċjali ta’ ġuriżdizzjoni, b’mod partikolari f’materji rigward tort, delitt jew kważi delitt, li fuqhom ikollha ġuriżdizzjoni l-qorti tal-post fejn seħħ jew jista’ jseħħ l-avveniment dannuż. Il-Konvenzjoni dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (il-Konvenzjoni ta’ Lugano) tistabbilixxi regoli identiċi.

Meta kumpanija ma tkunx domiċiljata fl-Unjoni Ewropea jew fi Stat li jkun parti għall-Konvenzjoni ta’ Lugano, il-ġuriżdizzjoni internazzjonali tal-qrati Portugiżi tista’ tiġi dderivata mil-liġi proċedurali ċivili Portugiża. Dan ikun il-każ fejn id-dritt invokat ma jkunx jista’ jiġi eżegwit ħlief permezz ta’ kawża mressqa f’qorti Portugiża (pereżempju, minħabba li l-kombinazzjoni tar-regoli tal-ġuriżdizzjoni internazzjonali ta’ pajjiżi differenti twassal biex ma jkun hemm l-ebda qorti b’ġuriżdizzjoni biex tisma’ t-tilwima) jew fejn ikun diffiċli ħafna għall-ilmentatur biex iressaq kawża barra mill-pajjiż u jkun hemm fattur ta’ konnessjoni personali jew reali importanti bejn is-suġġett tal-kawża u s-sistema legali Portugiża.

Skont il-liġi kriminali, japplikaw ir-regoli ta’ ġuriżdizzjoni li jirriżultaw mill-Kodiċi Kriminali. Għalhekk, sakemm ma jkunx hemm trattat jew konvenzjoni internazzjonali kuntrarja, il-prinċipju ġenerali fis-seħħ huwa li l-liġi kriminali Portugiża hija applikabbli għal atti mwettqa fit-territorju Portugiż, tkun xi tkun in-nazzjonalità tal-awtur tar-reat, jew abbord bastimenti jew inġenji tal-ajru Portugiżi. Madankollu, sakemm ma jkunx hemm trattat jew konvenzjoni internazzjonali kuntrarja, il-liġi kriminali Portugiża tista’ tapplika għal atti mwettqa barra mit-territorju nazzjonali taħt ċerti ċirkostanzi jew meta jkunu involuti ċerti delitti. Fir-rigward ta’ reati kriminali mwettqa barra mit-territorju nazzjonali li jinvolvu persuni ġuridiċi, id-dritt Portugiż japplika biss meta l-fatti jitwettqu minn jew kontra persuna ġuridika li jkollha s-sede statutorja tagħha fit-territorju Portugiż, irrispettivament minn jekk il-vittma tkunx ċittadin tal-UE jew tgħixx fl-UE jew le.

4. L-istituzzjonijiet tal-Ombudsman, il-korpi tal-ugwaljanza jew l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem jistgħu jappoġġaw lill-vittmi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju mwettaq minn korporazzjonijiet tranżnazzjonali Ewropej barra mill-Unjoni Ewropea? Dawn il-korpi jistgħu jinvestigaw il-każ tiegħi jekk m’iniex ċittadin tal-UE u ma ngħixx fl-UE? Hemm servizzi pubbliċi oħra (bħall-ispettorat tax-xogħol jew tal-ambjent) f’pajjiżek li jistgħu jinvestigaw il-każ tiegħi? Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħi?

Intervent fl-investigazzjonijiet mill-Ombudsman, minn korpi tal-ugwaljanza (il-Kummissjoni għall-Ugwaljanza fix-Xogħol u fl-Impjiegi (Comissão para a Igualdade no Trabalho e no Emprego -CITE) u mill-Kummissjoni għaċ-Ċittadinanza u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (Comissão para a Cidadania e Igualdade de Género -CIG)), mill-Ispettorat tax-Xogħol u mill-Ispettorat tal-Ambjent huwa limitat għal ksur tal-liġijiet nazzjonali li jseħħu fit-territorju Portugiż. Il-fatt li vittma ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq minn kumpanija tranżnazzjonali Ewropea barra mill-Unjoni Ewropea (UE) ma tkunx ċittadin tal-UE jew ma tgħixx fl-UE huwa irrilevanti biex iħeġġeġ intervent minn dawn il-korpi.

5. Pajjiżek jimponi obbligi fuq il-korporazzjonijiet transnazzjonali Ewropej biex jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ ilment jew servizzi ta’ medjazzjoni għal ksur li jirriżulta mill-attivitajiet tan-negozju tagħhom? Dawn l-obbligi japplikaw ukoll għal ksur li seħħ barra l-Unjoni Ewropea? Min hu inkarigat mill-monitoraġġ ta’ dawn l-attivitajiet f’pajjiżek? Hemm rapporti pubbliċi disponibbli li jipprovdu informazzjoni dwar il-funzjonament ta’ dawn is-sistemi?

Ma hemm l-ebda obbligu legali għal tali rapporti. Madankollu, fil-qafas tal-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali, il-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali (NCP) għal dawn il-Linji Gwida, ikkoordinat mid-Direttorat Ġenerali għall-Attivitajiet Ekonomiċi (Direção-Geral das Atividades Económicas - DGAE) u l-Aġenzija għall-Investiment u l-Kummerċ Barrani tal-Portugall (Agência para o Investimento e Comércio Externo de Portugal - AICEP Portugal Global), jipprovdi pjattaforma ta’ medjazzjoni u konċiljazzjoni (mhux ġudizzjarja) għas-soluzzjoni ta’ lmenti kontra kumpaniji dwar allegat nuqqas ta’ konformità mal-Linji Gwida. Għalhekk, kwalunkwe individwu jew organizzazzjoni li tqis li l-azzjonijiet jew l-attivitajiet ta’ intrapriża multinazzjonali ma jkunux konsistenti mal-Linji Gwida tista’ tippreżenta lment formali lill-NCP ibbażat f’wieħed mill-pajjiżi fejn topera dik l-intrapriża. Aktar informazzjoni tinstab hawnhekk, inklużi r-rapporti annwali tal-NCP dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-OECD.

6. Għandi xi drittijiet speċifiċi jekk inkun vittma vulnerabbli li tfittex rimedju għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju? Jista’ jkolli aċċess għall-għajnuna legali u taħt liema kundizzjonijiet? Liema spejjeż se jkunu koperti mill-għajnuna legali? Għandi aċċess għall-għajnuna legali taħt l-istess kundizzjonijiet jekk m’iniex ċittadin tal-UE jew jekk ma ngħixx fl-UE?

Skont l-Artikolu 67-A tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Código de Processo Penal):

a) ‘vittma’ tfisser:

i) persuna fiżika li tkun ġarrbet ħsara, fost l-oħrajn fiżika, psikoloġika, emozzjonali jew morali jew ħsara lill-proprjetà, direttament ikkawżata minn att jew ommissjoni fit-twettiq ta’ delitt;

ii) membri tal-familja ta’ persuna li l-mewt tagħha kienet ikkawżata direttament minn reat kriminali u li jkunu sofrew ħsara b’riżultat tal-mewt ta’ dik il-persuna;

b) ‘vittma partikolarment vulnerabbli’ tfisser vittma li tkun partikolarment vulnerabbli b’riżultat, fost l-oħrajn, tal-età, l-istat tas-saħħa jew id-diżabilità tagħha, u l-fatt li t-tip, il-livell u d-durata tal-vittimizzazzjoni kkawżaw ħsara b’konsegwenzi serji għall-benesseri psikoloġiku tagħha jew għall-kundizzjonijiet għall-integrazzjoni soċjali tagħha;

c) ‘membri tal-familja’ tfisser il-konjuġi tal-vittma jew il-persuna li tgħix f’koabitazzjoni mal-vittma, il-qraba diretti u l-aħwa tal-vittma, u persuni li jkunu finanzjarjament dipendenti fuq il-vittma;

d) ‘minuri’ tfisser kull persuna taħt l-età ta’ 18-il sena.

Wieħed mid-drittijiet stabbiliti fl-Istatut tal-Vittma, approvat bil-Liġi Nru 130/2015 tal-4 ta’ Settembru 2015, huwa l-għajnuna legali, li l-qafas legali tagħha huwa stabbilit fil-Liġi Nru 34/2004 tad-29 ta’ Lulju 2004. Fir-rigward tal-għajnuna legali, jekk jogħġbok żur il-paġna< rilevanti tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika.

L-aħħar aġġornament: 07/04/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.