Negozju u drittijiet tal-bniedem

Spanja

Il-kontenut ipprovdut minn
Spanja

1. X’tip ta’ ħarsien ġudizzjarju għandi f’pajjiżek bħala vittma ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju? Dan il-ħarsien jinkludi kumpens?

Fi Spanja, l-aċċess għal rimedju ġudizzjarju għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem huwa disponibbli quddiem qrati ċivili, kriminali, amministrattivi u industrijali.

Il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili (Ley de Enjuiciamiento Civil) tistabbilixxi l-obbligu li jiġu pprovduti ċerti intitolamenti; drittijiet u ċirkustanzi legali; miżuri kawtelatorji, u kull tip ieħor ta’ protezzjoni espressament previst mil-liġi li jista’ jaffettwa dan it-tip ta’ abbuż.

Il-Liġi dwar il-Proċedura Kriminali (Ley de Enjuiciamiento Criminal) tistabbilixxi l-mekkaniżmi u r-rimedji ġudizzjarji li jistgħu jintużaw matul il-proċeduri kriminali. Il-Kodiċi Kriminali (Código Penal) jipprevedi speċifikament ir-responsabbiltà kriminali tal-persuni ġuridiċi (l-Artikolu 31 bis et seq.) u jistabbilixxi diversi reati li jistgħu jinvolvu abbużi tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju, bħal reati kontra d-drittijiet tal-ħaddiema jew kontra s-saħħa pubblika, reati ambjentali, il-finanzjament tat-terroriżmu, u l-bqija.

Fir-rigward tal-miżuri amministrattivi, il-Liġi 39/2015 tal-1 ta’ Ottubru 2015 dwar il-proċedura amministrattiva komuni applikabbli għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-Liġi 40/2015 tal-1 ta’ Ottubru 2015 dwar l-ordinament ġuridiku applikabbli għas-settur pubbliku tistabbilixxi regoli ġenerali dwar il-proċeduri dixxiplinari u r-responsabbiltà Statali tal-korpi tal-gvern. Dawn ir-regoli huma implimentati b’liġijiet speċifiċi dwar abbużi relatati man-negozju (pereżempju, il-Liġi 26/2007 tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar ir-responsabbiltà ambjentali). Ir-rimedji stabbiliti fil-Liġi 29/1998 tat-13 ta’ Lulju 1998 dwar l-istħarriġ ġudizzjarju amministrattiv japplikaw fil-proċeduri ġudizzjarji.

Fil-qasam industrijali, il-Liġi 36/2011 tal-10 ta’ Ottubru 2011 li tirregola l-qrati industrijali tistabbilixxi l-proċedura ġudizzjarja applikabbli għall-każijiet meta ħaddiem jew trade union jallegaw ksur tad-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni, id-dritt tal-istrajkjar jew drittijiet fundamentali u libertajiet pubbliċi oħrajn, inkluża l-projbizzjoni ta’ trattament diskriminatorju u ta’ fastidju.

Il-liġi proċedurali Spanjola tistabbilixxi l-mezzi ta’ rimedju disponibbli sabiex jinkiseb kumpens f’każijiet li fihom l-azzjonijiet ta’ korporazzjoni jkunu wasslu għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem. L-Artikolu 116 tal-Liġi dwar il-Proċedura Kriminali u l-Artikolu 116 tal-Kodiċi Kriminali jistipulaw li persuna kriminalment responsabbli għal reat tkun responsabbli wkoll ċivilment għar-reat jekk dan tal-aħħar jirriżulta f’dannu jew f’korriment. Fil-każ ta’ persuni ġuridiċi, ir-responsabbiltà kriminali tagħhom tinvolvi r-responsabbiltà ċivili skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti, in solidum mal-persuni fiżiċi kkundannati għall-istess reati.

2. Għandkom xi regoli speċifiċi għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem? Dawn ir-regoli japplikaw għal reati ambjentali jew ta’ sfruttament qawwi tal-forza tax-xogħol?

Iva, il-Kodiċi Kriminali Spanjol jistabbilixxi l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jikkostitwixxi reati kriminali.

Fil-qasam tal-ambjent, il-Kodiċi Kriminali għandu taqsima dwar “reati relatati mal-użu tal-art u l-ippjanar urban, il-protezzjoni tal-wirt storiku u l-ambjent”. It-taqsima tikkriminalizza diversi tipi ta’ kondotta: il-kostruzzjoni f’żoni ħodor jew f’żoni ta’ interess ekoloġiku (l-Artikolu 319), l-emissjoni u t-trasport ta’ skart, ir-rimi, l-istorbju, l-estrazzjoni jew it-tqattigħ fil-barrieri u l-bqija li jistgħu jikkawżaw ħsara sostanzjali fil-kwalità tal-arja, tal-ħamrija jew tal-ilma, jew lill-annimali jew lill-pjanti (l-Artikoli 325 et seq.). Dawn l-atti huma punibbli b’sentenzi ta’ priġunerija, b’multi jew b’esklużjoni minn ċerti professjonijiet jew karigi pubbliċi. Il-Kodiċi Kriminali jagħti wkoll lill-imħallfin u lill-qrati s-setgħa li jordnaw l-adozzjoni, a spejjeż tal-awtur, tal-miżuri meħtieġa għar-restawr tal-bilanċ ekoloġiku ddisturbat mill-att, flimkien ma’ kwalunkwe miżura kawtelatorja oħra meħtieġa għall-protezzjoni tal-assi ssalvagwardjati mit-taqsima msemmija hawn fuq (l-Artikolu 339).

Ir-reati kontra l-ħaddiema huma rregolati bit-Titolu XV tal-Ktieb II tal-Kodiċi Kriminali (l-Artikoli 311 sa 318 tal-Kodiċi Kriminali). Dawn li ġejjin huma punibbli b’multi jew b’sentenzi ta’ priġunerija: l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol jew ta’ forom ta’ affiljazzjoni tas-Sigurtà Soċjali li jagħmlu l-ħsara, jirtiraw jew jillimitaw id-drittijiet tal-ħaddiema kif rikonoxxuti f’dispożizzjonijiet legali, fi ftehimiet kollettivi jew f’kuntratti individwali (l-Artikolu 311); l-impjieg simultanju ta’ diversi ħaddiema mingħajr ir-reġistrazzjoni tagħhom fl-iskema tas-Sigurtà Soċjali xierqa, jew mingħajr il-kisba tal-permess tax-xogħol rilevanti (l-Artikolu 311), jew l-impjieg ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ tfal mingħajr permess tax-xogħol (l-Artikolu 311 bis); it-traffikar illegali ta’ ħaddiema, jew ir-reklutaġġ permezz ta’ qerq jew b’intenzjonijiet ta’ ingann (l-Artikolu 312); qerq, is-simulazzjoni ta’ kuntratt ta’ impjieg sabiex persuna titħeġġeġ temigra (l-Artikolu 313); diskriminazzjoni serja f’impjieg pubbliku jew privat kontra kwalunkwe persuna bbażata fuq l-ideoloġija, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-etniċità, ir-razza jew in-nazzjon ta’ oriġini, is-sess, l-orjentazzjoni sesswali, iċ-ċirkustanzi tal-familja, il-mard jew id-diżabbiltà tagħha, l-istatus tagħha bħala rappreżentant legali jew uffiċjal ta’ trade union, ir-relazzjonijiet tagħha ma’ ħaddiema oħra fil-kumpanija, jew l-użu minnha ta’ kwalunkwe lingwa uffiċjali fl-istat Spanjol (l-Artikolu 314); restrizzjoni tal-libertà ta’ assoċjazzjoni u tad-dritt tal-istrajkjar (l-Artikolu 315); ksur tal-istandards ta’ prevenzjoni tar-riskju fuq il-post tax-xogħol, b’mod li jipperikola l-ħajja, is-saħħa jew l-integrità fiżika tal-ħaddiema (l-Artikolu 316).

Jekk ir-reat jitwettaq minn persuna ġuridika, il-piena tapplika għad-diretturi jew għall-persuni responsabbli mis-servizz kif ukoll għal dawk il-persuni li kellhom għarfien dwar ir-reat u setgħu ħadu azzjoni ta’ rimedju iżda naqsu milli jagħmlu dan.

3. Jiena vittma ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem li rriżulta minn attivitajiet ta’ korporazzjoni transnazzjonali Ewropea li seħħew ’il barra mill-Unjoni Ewropea. Għandi aċċess għall-qrati f’pajjiżek jekk jien m’iniex ċittadin tal-UE jew jekk ma ngħixx fl-UE? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex jintalbu d-danni għal ksur tad-drittijiet tiegħi? Fejn nista’ insib xi informazzjoni addizzjonali?

Il-Liġi Organika 6/1985 tal-1 ta’ Lulju 1985 dwar il-ġudikatura fiha regoli li jiddeterminaw ir-rabta meħtieġa bejn att partikolari u Spanja sabiex jistabbilixxu l-ġuriżdizzjoni tal-qrati Spanjoli.

F’materji ċivili u kummerċjali, din il-liġi tistipula li l-qrati Spanjoli huma kompetenti sabiex jisimgħu t-talbiet kollha magħmula fit-territorju Spanjol f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-trattati u tal-konvenzjonijiet internazzjonali li Spanja hija parti fihom, mar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea u mal-liġi Spanjola (l-Artikolu 21). Meta l-attur ma jkunx jgħix Spanja, il-qrati Spanjoli għandhom ġuriżdizzjoni fil-każijiet li ġejjin (l-Artikolu 22 quinquies):

  1. Fi kwistjonijiet ta’ obbligi kuntrattwali, meta l-obbligu li t-talba tirreferi għalih ikun ġie ssodisfat jew irid jiġi ssodisfat fi Spanja.
  2. Fi kwistjonijiet ta’ obbligi ekstrakuntrattwali, meta l-att dannuż ikun seħħ fit-territorju Spanjol.
  3. F’talbiet relatati mal-attività ta’ fergħa, ta’ aġenzija jew ta’ stabbiliment kummerċjali, meta jkun jinsabu fit-territorju Spanjol.
  4. Fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratti konklużi minn konsumaturi, dawn jistgħu jippreżentaw talba fi Spanja jekk il-post tar-residenza abitwali tagħhom jew dak tal-parti l-oħra jkun fit-territorju Spanjol. Il-parti l-oħra tista’ tippreżenta talba fi Spanja biss jekk il-post tar-residenza abitwali tal-konsumatur ikun fit-territorju Spanjol.

Fil-liġi kriminali, il-qrati jistgħu jisimgħu każijiet dwar reati u delitti mwettqa fit-territorju Spanjol jew abbord bastimenti jew inġenji tal-ajru Spanjoli, mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-trattati internazzjonali li Spanja hija parti fihom. Il-qrati Spanjoli għandhom ukoll ġuriżdizzjoni fuq reati mwettqa barra mit-territorju nazzjonali meta dawk miżmuma kriminalment responsabbli jkunu ċittadini Spanjoli jew ta’ pajjiżi terzi li kisbu n-nazzjonalità Spanjola wara li wettqu r-reat, soġġetti għal ċerti rekwiżiti (l-Artikolu 23).

Fi kwistjonijiet relatati max-xogħol, il-qrati Spanjoli għandhom ġuriżdizzjoni fil-każijiet li ġejjin (l-Artikolu 25):

1.º Fl-isfera tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw minn kuntratti ta’ impjieg, meta s-servizzi jkunu ġew ipprovduti fi Spanja jew il-kuntratt ikun ġie ffirmat fit-territorju Spanjol; meta r-rikorrent ikun domiċiljat fi Spanja jew ikollu aġenzija, fergħa, delegazzjoni jew kwalunkwe tip ieħor ta’ rappreżentanza fi Spanja; meta l-ħaddiem u l-impjegatur ikunu ċittadini Spanjoli, irrispettivament minn fejn ikunu ġew ipprovduti s-servizzi jew ġie ffirmat il-kuntratt; fil-każ ta’ kuntratti għall-impjieg abbord bastimenti meta l-kuntratt ikun idderivat minn offerta rċevuta fi Spanja minn ħaddiem Spanjol.

2.º Fl-isfera tar-rieżami tal-konformità mal-liġi tal-ftehimiet kollettivi ta’ xogħol iffirmati fi Spanja u tat-talbiet li jirriżultaw minn tilwimiet dwar ftehimiet kollettivi ta’ xogħol li jseħħu fit-territorju Spanjol.

3.º F’talbiet dwar is-sigurtà soċjali magħmula kontra entitajiet Spanjoli jew entitajiet li għandhom l-indirizz reġistrat, l-aġenzija, id-delegazzjoni jew kwalunkwe rappreżentazzjoni oħra tagħhom fi Spanja.

4. L-istituzzjonijiet tal-Ombudsman, il-korpi tal-ugwaljanza jew l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem jistgħu jappoġġaw lill-vittmi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju mwettaq minn korporazzjonijiet transnazzjonali Ewropej barra mill-Unjoni Ewropea? Dawn il-korpi jistgħu jinvestigaw il-każ tiegħi jekk jien m’iniex ċittadin tal-UE jew ma ngħixx fl-UE? Hemm servizzi pubbliċi oħra (bħall-ispettorat tax-xogħol jew tal-ambjent) f’pajjiżek li jistgħu jinvestigaw il-każ tiegħi? Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħi?

Fi Spanja, l-Ombudsman (Defensor del Pueblo) huwa l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tal-Parlament Spanjol (Alto Comisionado de las Cortes Generales), responsabbli għad-difiża tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet pubbliċi taċ-ċittadini billi jissorvelja l-attività tal-korpi governattivi Spanjoli.

Kull ċittadin jista’ jitlob lill-Ombudsman jieħu azzjoni (mingħajr ħlas) sabiex jinvestiga kwalunkwe att irregolari allegat minn korpi governattivi Spanjoli jew minn aġenti tagħhom. L-Ombudsman jista’ jintervjeni wkoll fuq inizjattiva tiegħu stess f’każijiet li jsir jaf bihom anke jekk ma jkunx sar ilment. Madankollu, is-setgħat tiegħu ma jestendux għall-attività ta’ korporazzjonijiet multinazzjonali barra l-Unjoni Ewropea.

L-Ombudsman jirrapporta lill-Parlament Spanjol permezz ta’ rapport annwali, u jista’ jippubblika wkoll rapporti ddedikati dwar kwistjonijiet li huwa jikkunsidra bħala serji, urġenti, jew li jistħoqqilhom attenzjoni speċjali.

Aktar informazzjoni dwar dan tinstab hawnhekk.

L-ispezzjoni tax-xogħol fi Spanja hija r-responsabbiltà tal-Ispettorat tax-Xogħol u tas-Sigurtà Soċjali (Inspección de Trabajo y Seguridad Social), li jaqa’ taħt il-Ministeru tax-Xogħol, tal-Migrazzjoni u tas-Sigurtà Soċjali (Ministerio de Trabajo, Migraciones y Seguridad Social). Is-setgħat amministrattivi vestiti lill-Ispettorat tax-Xogħol u tas-Sigurtà Soċjali jippermettulu jimmonitorja l-konformità mar-regolamenti tax-xogħol u jimponi r-responsabbiltajiet rilevanti, jipprovdi pariri, u jinvolvi ruħu f’konċiljazzjoni, f’medjazzjoni u f’arbitraġġ fi kwistjonijiet tax-xogħol meta jkun xieraq.

Kull min isir jaf b’atti li jistgħu jikkostitwixxu ksur fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-ispettorat tax-xogħol (kwistjonijiet relatati max-xogħol, mas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, mas-sigurtà soċjali, mal-impjiegi, u l-bqija) jista’ jitlob is-servizzi tiegħu. L-ilmenti jistgħu jsiru personalment (fl-ispettorati provinċjali tax-Xogħol u tas-Sigurtà Soċjali); elettronikament, permezz tas-sit web tal-Ministeru tax-Xogħol, tal-Migrazzjoni u tas-Sigurtà Soċjali; jew bil-posta.

Aktar informazzjoni hawnhekk.

L-ispezzjonijiet ambjentali huma r-responsabbiltà tal-gvernijiet reġjonali ta’ Spanja, li jieħdu azzjoni meta meħtieġa biex jippenalizzaw imġiba li tikkostitwixxi ksur f’din l-isfera. Il-Liġi 26/2007 tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar ir-responsabbiltà ambjentali tistabbilixxi obbligu min-naħa tal-operaturi involuti f’attivitajiet ekonomiċi biex jirrimedjaw kwalunkwe ħsara kkawżata lill-ambjent. F’każijiet meta tali attività tikkostitwixxi reat, tapplika l-liġi kriminali msemmija fit-Tweġiba 2. F’każijiet bħal dawn, japplikaw ukoll ir-regoli stabbiliti hawn fuq dwar il-kumpens u t-talbiet għal responsabbiltà ċivili.

5. Pajjiżek jimponi obbligi fuq il-korporazzjonijiet transnazzjonali Ewropej biex jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ lment jew servizzi ta’ medjazzjoni għal ksur li jirriżulta mill-attivitajiet tan-negozju tagħhom? Dawn l-obbligi japplikaw ukoll għal ksur li seħħ barra l-Unjoni Ewropea? Min hu inkarigat mill-monitoraġġ ta’ dawn l-attivitajiet f’pajjiżek? Hemm rapporti pubbliċi disponibbli li jipprovdu informazzjoni dwar il-funzjonament tas-sistema?

Dan it-tip ta’ tilwim ma jistax jiġi solvut mis-sistema Spanjola ta’ medjazzjoni ċivili u kummerċjali deskritta fil-Liġi 5/2012 tas-6 ta’ Lulju 2012 dwar il-medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali, peress li dak ir-regolament jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu t-tilwimiet li jinvolvu drittijiet mingħajr possibbiltà ta’ disponiment (l-Artikolu 2).

Id-Deċiżjoni tal-1 ta’ Settembru 2017 tas-Segretarjat tal-Istat għall-Affarijiet Barranin dwar il-pubblikazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (ippubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali tal-Istat fl-14 ta’ Settembru 2017) hija rilevanti f’dan ir-rigward. Il-Pjan jiddiskuti l-ħtieġa li jiġu stabbiliti miżuri effettivi għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja tan-negozju u li jiġu rregolati mekkaniżmi ġudizzjarji, ekstraġudizzjarji u amministrattivi sabiex jiġi pprovdut rimedju meta jinkisru dawn id-drittijiet.

6. Għandi xi drittijiet speċifiċi jekk inkun vittma vulnerabbli li tfittex rimedju għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju? Jista’ jkolli aċċess għall-għajnuna legali u taħt liema kundizzjonijiet? Liema spejjeż se jkunu koperti mill-għajnuna legali? Għandi aċċess għall-għajnuna legali taħt l-istess kundizzjonijiet jekk m’iniex ċittadin tal-UE jew jekk ma ngħixx fl-UE?

L-Artikolu 119 tal-Kostituzzjoni Spanjola jirrikonoxxi d-dritt għal għajnuna legali meta jkun previst mil-liġi u fil-każijiet kollha li fihom pretendent jista’ juri bil-provi li ma jkollux biżżejjed riżorsi sabiex jieħu azzjoni legali. Dan id-dritt kostituzzjonali huwa implimentat fil-Liġi 1/1996 tal-10 ta’ Jannar 1996 dwar l-għajnuna legali mingħajr ħlas. Il-vittmi ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-kumpaniji jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna legali dment li r-riżorsi finanzjarji tagħhom ma jaqbżux il-limitu stabbilit fil-Liġi 1/1996. Dan il-limitu żdied wara l-emenda tal-Liġi 1/1996 fl-2015. Dan iqis ukoll ċerti ċirkustanzi personali tal-applikant, bħar-responsabbiltajiet tal-familja, bl-għan li jiżdied in-numru potenzjali ta’ benefiċjarji tal-għajnuna legali. L-għajnuna pprovduta tinkludi d-difiża legali minn rappreżentanti legali professjonali, l-assistenza legali, u informazzjoni minn kwalunkwe riżorsa ekstraġudizzjarja disponibbli.

Il-Liġi 1/1996 tirregola wkoll l-għoti ta’ għajnuna legali mingħajr ħlas fi proċeduri legali transfruntiera. Persuni fiżiċi li huma ċittadini tal-Unjoni Ewropea jew ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru tal-UE jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna.

Din tingħata biss f’tilwimiet ċivili jew kummerċjali, u fi proċedimenti ekstraġudizzjarji f’tilwimiet ċivili jew kummerċjali fejn il-liġi tobbliga lill-partijiet sabiex jagħtu bidu għall-proċeduri jew lill-qorti inkwistjoni sabiex tagħżel li tibda dawk il-proċeduri.

L-aħħar aġġornament: 28/07/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.