Leġiżlazzjoni nazzjonali

Francuska

F’din it‑taqsima inti għandek issib ħarsa ġenerali tas‑sorsi diffferenti tal‑liġi fi Franza.

Sadržaj omogućio
Francuska

Sorsi tal‑liġi

Il‑liġi fi Franza hija essenzjalment magħmula minn regoli miktubin msejħa sorsi tal‑liġi. Dawn jistgħu jkunu regoli adottati mill‑Istati jew bejn l‑Istati fuq livell nazzjonali, iżda jinkludu wkoll każistika mill‑qrati nazzjonali u internazzjonali. Barra minn hekk, huma jkopru regoli magħmula fuq livell lokali, bħal by‑laws muniċipali, jew minn organizzazzjonijiet professjonali u tan‑negozju, bħall‑Kulleġġ tat‑Tobba, jew regoli stabbiliti minn ċittadini bejniethom, bħal ftehim kollettiv jew kuntratti, u finalment sempliċiment użanzi.

Din il‑ġabra hija ordnata bi qbil ma’ ġerarkija ta’ regoli. Għalhekk, regola ġdida:

  • għandha tirrispetta r‑regoli superjuri preċedenti;
  • tista’ temenda regoli preċedenti fuq l‑istess livell;
  • tirrevoka regoli inferjuri u kontradittorji.

Sorsi internazzjonali tal‑liġi

Trattati u ftehmiet internazzjonali

Fi Franza, Trattat jiġi fis‑seħħ biss meta jkun ratifikat jew approvat u mbagħad ippubblikat. Xi trattati huma applikabbli direttament fl‑ordni legali Franċiża, filwaqt li oħrajn jeħtieġ li jiġu trasposti b’regola interna.

Liġi tal-Unjoni Ewropea

Il‑kunċett ta’ liġi tal-Unjoni Ewropea jirreferi għar‑regoli magħmula minn istituzzjonijiet tal‑Unjoni Ewropea. Dawn jistgħu jkunu rakkommandazzjonijiet, opinjonijiet, regolamenti, deċiżjonijiet jew direttivi.

Sorsi nazzjonli tal‑liġi

Regoli kostituzzjonali:

  • il‑Kostituzzjoni tal‑4 ta’ Ottubru 1958;
  • il‑preambolu għall‑Kostituzzjoni tas‑27 ta’ Ottubru 1946, flimkien mad‑Dikjarazzjoni tad‑Drittijiet tal-Bniedem u taċ‑Ċittadin tas‑26 ta’ Awwissu 1789 u l‑prinċipji fundamentali rikonoxxuti mil‑liġijiet tar‑Repubblika li jirreferu għalihom;
  • il‑liġijiet organiċi sottomessi lill‑Kunsill Kostituzzjonali qabel ma jiġu fis‑seħħ, li l‑għan tagħhom huwa li jikkumplimentaw il‑Kostituzzjoni.

Regoli leġiżlattivi

Leġiżlazzjoni, mgħoddija mill‑Parlament, hija subordinata għall‑Kostituzzjoni. Meta indirizzata, il‑Kunsill Kostituzzjonali jirrevedi l‑kostituzzjonalità tal‑leġiżlazzjoni qabel ma tidħol fis‑seħħ, jiġifieri, jiċċekkja biex jara jekk hijiex konformi mal‑Kostituzzjoni. Il‑Kunsill Kostituzzjonali jista’ jkun indirizzat ukoll mill‑President tar‑Repubblika, mill‑Prim Ministru, mill‑Presidenti tal‑Assemblea Nazzjonali u s‑Senat, jew minn sittin membru jew sittin senatur. Barra minn hekk, il-Kunsill Kostituzzjonali jista’ jiġi invokat, meta ssir referenza għalih mill-Kunsill tal-Istat jew mill-Qorti tal-Kassazzjoni, fir-rigward ta’ talbiet li jwasslu għal abrogazzjoni ta' liġijiet fis-seħħ, ippreżentati mill-partijiet li jkunu qed jikkontestawhom matul litigazzjoni li tirrigwarda dawn il-liġijiet u l-konformità tagħhom mad-drittijiet u l-libertajiet iggarantiti mill-Kostituzzjoni.

Skont l-Artikolu 55 tal‑Kostituzzjoni, trattati internazzjonali ratifikati minn Franza huma superjuri għal‑leġiżlazzjoni. Qrati kemm mill‑ġuriżdizzjoni amministrattiva kif ukoll minn dik ordinarja għandhom jirrifjuttaw li japplikaw leġiżlazzjoni li tidher inkompatibbli ma’ trattat, kemm jekk ikun ratifikat qabel jew wara l‑leġiżlazzjoni.

Strumenti statutorji

  1. Ordnijiet
  2. Skont l-Artikolu 38 tal‑Kostituzzjoni, biex jimplimenta l‑programm tiegħu, il‑Gvern jista’ jitlob permess mill‑Parlament għal perjodu limitat ta’ żmien biex jieħu miżuri ta’ natura leġiżlattiva. Dawn l-ordinanzi huma biss atti formalment regolamentati sakemm ma jiġux ratifikati mil-leġiżlatur u għalhekk sakemm jiġu ratifikati dawn jistgħu jiġu kkontestati quddiem imħallef amministrattiv.

  3. Regolamenti

    Ir‑Regolamenti jvarjaw skont l‑awtorità li introduċiethom:
    • digrieti mill-President tar-Repubblika jew mill-Prim Ministru (meta jkunu ġew adottati fil-Kunsill tal-Ministri jew fil-Kunsill tal-Istat jistgħu jiġu emendati biss taħt l-istess ċirkustanzi);
    • ordnijiet interministerjali jew ministerjali;
    • deċiżjonijiet regolatorji meħudin mill‑awtoritajiet delegati mill‑Istat (prefett, sindku eċċ.) jew awtoritajiet deċentralizzati (muniċipalità, département – simili għal kontea - jew reġjun).
  4. Ir‑Regolamenti jvarjaw skont l‑awtorità li introduċiethom:

  5. Ftehimiet Kollettivi
  6. Il‑Kodiċi tal‑Impjiegi jistabbilixxi r‑regoli ġenerali li jirregolaw il‑kundizzjonijiet tal‑impjiegi. F’dan il‑kuntest, imsieħba soċjali mis‑settur privat (min iħaddem u trejdunjins) jinnegozjaw ftehimiet u kuntratti. Għalhekk ftehimiet kollettivi jiddefinixxu l‑kundizzjonijiet tal‑impjiegi u jiggarantixxu benefiċċji tal‑impjieg għall‑impjegati tal‑organizzazzjonijiet ikkonċernati (negozju u industriji ta’ materjal mormi u riċiklar, djar għal ħaddiema żgħażagħ, istituzzjonijiet tal‑pensjoni supplimentari, eċċ). Ftehimiet kollettivi min‑naħa l‑oħra, jikkonċernaw biss qasam speċifiku (pagi, sigħat tax‑xogħol, eċċ). Ftehimiet kollettivi u kunsensi jistgħu jkunu konklużi fuq il‑livell ta’ settur partikolari (in‑negozji kollha li għandhom l‑istess attività f’territorju partikolari), negozju partikolari jew stabbiliment partikolari. Il‑ftehim kollettiv jista’ jkun “estiż” mill‑Ministeru tal‑Impjiegi, Affarijiet Soċjali u l‑Fond Solidali jew mill‑Ministeru tal‑Agrikultura u s‑Sajd sabiex japplika għall‑organizzazzjonijiet fis‑settur fil-mira.

Il-każistika ġudizzjarja u amministrattiva

Il-każistika tista’ tiġi minn qrati ġudizzjarji jew amministrattivi. Il-każistika ġudizzjarja tinterpreta l-liġi imma, bi prinċipju, tappika biss għall-każ li jkun qed jiġi deċiż. Il-każistika amministrattiva għandha valur li jmur lil hinn mir-regolamentazzjoni, fis-sens li tista' tħassar regolament jew leġiżlazzjoni sekondarja.

Qafas Istituzzjonali

Il‑proċess leġiżlattiv fi Franza

Huwa importanti li ssir distinzjoni bejn abbozz ta’ liġi, li t-test tiegħu jibda mill-gvern u li jiġi ppreżentat minn xi ministru lill-Kunsill tal-Ministri , u l-proposta, li t-test tagħha jibda mill-Parlament. L‑abbozz ta’ liġi jew il-proposta ta’ liġi għandhom jiġu ppreżentati lill‑Assemblea Nazzjonali jew lis‑Senat.

Imbagħad, l‑abbozz ta’ liġi jiġi eżaminat mill‑Parlament, u jiġi adottat skont l‑istess termini miż‑żewġ Kmamar.

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn iż-żewġ assembleji, jiġi msejjaħ kumitat imħallat konġunt. Dan il‑kumitat, magħmul minn seba’ membri u minn seba’ senaturi jingħata d-dmir li jipproponi test miftiehem, normalment wara żewġ qari minn kull Kamra.

Madankollu, il-gvern jista’ jniedi l-proċedura aċċellerata; f’dan il-każ il-kumitat imħallat konġunt jista’ jiġi ffurmat immedjatament wara l-ewwel qari.

It-test tal-liġi jiġi ppromulgat (jiġfieri ffirmat) mill-President tar-Repubblika fi żmien 15-il jum minn meta t-test adottat mill-Parlament jiġi trażmess lill-Gvern. Matul dan iż-żmien il-President jista' jitlob li ssir reviżjoni tat-test u l-Kunsill Kostituzzjonali jista’ jiġi invokat biex jivverfika l-konformità tat-test mal-Kostituzzjoni. L‑att promulgat jidħol fis‑seħħ wara li jkun ippubblikat fil‑Ġurnal Uffiċjali.

Pubblikazzjoni tal‑atti u r‑regolamenti

Biex ikollhom effetti vinkolattivi, l‑atti u r‑regolamenti għandhom jinġiebu għall‑attenzjoni taċ‑ċittadini. Għalhekk, miżuri individwali għandhom jiġu nnotifikati lin‑nies li jkunu sejrin jiġu affettwati minnhom, li jfisser li miżuri regolatorji għandhom jiġu ppubblikati.

Ir‑regoli relatati mat‑testi leġiżlattivi u regolatorji li jkunu sejrin jidħlu fis‑seħħ ġew emendati bl-Ordni Nru. 2004-164 tal‑20 ta’ Frar 2004 mill‑1 ta’ Ġunju 2004.

Minn issa ‘l quddiem, l-Artikolu 1 tal-Kodiċi Ċivili jistipula li, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, it-testi jidħlu fis-seħħ l-għada tal-publikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali.

Madankollu, f’emerġenzi, dawn li ġejjin jistgħu jidħlu fis‑seħħ fl‑istess jum li fih jiġu ppubblikati: liġijiet fejn id‑digriet li jġibhom fis‑seħħ jippreskrivi dan, u miżuri amministrattivi fejn dan kien preordinat mill‑gvern permezz ta’ dispożizzjoni speċjali.

Minbarra digrieti, dispożizzjonijiet regolatorji, introdotti mill‑awtoritajiet kompetenti tal‑Istat fuq livell nazzjonali (ordnijiet ministerjali, miżuri meħudin minn awtoritajiet amministrativi indipendenti, eċċ) huma wkoll ippubblikati fil‑Ġurnal Uffiċjali. Dawn l‑ordnijiet tal‑ministeri huma ħafna drabi ppubblikati wkoll fil‑Gazzetti Uffiċjali tal‑ministeri.

Biex dispożizzjoni regolatorja tkun ippubblikata biss fil‑Gazzetta Uffiċjali, din għandha tikkonċerna biss kategorija speċifika ta’ ċittadini (essenzjalment impjegati taċ‑ċivil u aġenti tal‑ministeru).

Miżuri meħudin mill‑awtoritajiet lokali jsegwu metodi speċifiċi ta’ pubblikazzjoni. Huma ma jidhrux fil‑Ġurnal Uffiċjali.

Ċirkulari jew struzzjonijiet bħala regola ġenerali m’għandhomx effett regolatorju. Dawn il‑miżuri huma limitati għall-għoti ta’ struzzjonijiet lid‑dipartimenti għall‑applikazzjoni tal‑liġijiet u d‑digrieti, jew biex jikkjarifikaw l‑interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet.

Sabiex ikunu jistgħu jiġu applikati, iridu jiġu ppubblikati fuq il-websajt tal-Prim Ministru, maħsub għal dan il-għan (id-digriet 2008-1281 tat-8 ta’ Diċembru 2008). Iċ‑ċirkolari l‑iktar importanti biss jiġu ppubblikati fil‑Ġurnal Uffiċjali.

Data banks tal‑leġiżlazzjoni

Id‑databases legali pubbliċi fi Franza huma koperti minn servizz ta’ disseminazzjoni pubblika fuq l‑Internet (SPDDI) skont id-Digriet Nru. 2002-1064 tas-7 ta’ Awwissu 2002 (Verżjoni bl-Ingliż)

Din is‑sistema hija spjegata fid‑dettall fil-Folja ta’ fatti dwar użu mill‑ġdid tad‑dejta disponibbli fuq Légifrance :

Légifrance jinkludi li ġej:

  • il‑kodiċi, l‑atti u r‑regolamenti fil‑verżjoni kkonsolidata (database “Legi”)
  • id‑dokumenti huma ppubblikati fl‑edizzjoni tal‑“lois et décrets” (liġijiet u digrieti) tal‑Ġurnal Uffiċjali (database “Jorf”)
  • il‑ftehimiet kollettivi nazzjonali kollettivi (database “Kali”)
  • id‑deċiżjonijiet tal‑Kunsill Kostituzzjonali (database “Constit”)
  • id‑deċiżjonijiet tal‑Qorti tal‑Kassazzjoni u tal‑Qorti tal‑Appell (database “Cass” għal deċiżjonijiet ippubblikati fil‑gazzetta, database “Inca” għal deċiżjonijiet mhux ippubblikati, u database “Capp” għal deċiżjonijiet tal‑Qorti tal‑Appell)
  • id‑deċiżjonijiet tal‑Conseil d’Etat u tal‑Qorti tal‑Kunflitti, id‑deċiżjonijiet tal‑Qrati Amministrativi tal‑Appell u għażla ta’ deċiżjonijiet mill‑Qrati Amministrativi tal‑Prim’Istanza (database “Jade”)
  • id‑deliberazzjonijiet tal‑Kummissjoni Nazzjonali għat‑Teknoloġija tal‑Informazzjoni u l‑Libertajiet Ċivili (CNIL) (database “CNIL”).

Għal għanijiet ta’ referenza, siti oħrajn, aċċessibbli jew direttament jew permezz tal‑Légifrance, jieħdu sehem f’dan is‑servizz (SPDDI); dawn jikkonċernaw:

  • il‑Qorti tal-Awdituri għal deċiżjonijiet mill‑qrati finanzjarji,
  • kull ministeru għall‑gazzetta uffiċjali tiegħu,
  • id‑Direttorat Ġenerali għat‑Taxxi għad-dokumentazzjoni tat-taxxa,
  • il‑Ministeru tal‑Affarijiet Barranin u Ewropej għall‑konvenzjonijiet internazzjonali (database “Pact”).

Informazzjoni marbuta ma’ termini u kundizzjonijiet għall-irkupru u l-użu mill‑ġdid ta’ dejta li tikkonċerna t‑tieni kategorija ta’ hawn fuq hija disponibbli fuq kull sit elettroniku.

Huwa wkoll possibbli li ssib Katalgu tad-databases elenkat hawn fuq, fuq is‑sit elettroniku ta’ Légifrance.

Il-lista tat-tariffi tal-liċenzja ta’ Légifrance hija disponibbli wkoll.

Databases

Dain li ġejja hija lista mhux eżawrjenti tad‑databases legali:

  • Id‑database LEGI tinkludi kodiċi, atti u regolamenti fil‑verżjoni konsolidata tagħhom;
  • Id‑database JORF tinkludi dokumenti kif ikunu ppubblikati fl‑edizzjoni tal‑“lois et décrets” (liġijiet u digrieti) tal‑Ġurnal Uffiċjali;
  • Id‑database KALI tinkludi l ftehimiet kollettivi nazzjonali estiżi;
  • Id‑database CONSTIT tinkludi d‑deċiżjonijiet tal‑Kunsill Kostituzzjonali;
  • Id‑database JADE tinkludi d deċiżjonijiet tal‑Conseil d’Etat u tal‑Qorti tal‑Kunflitti, id‑deċiżjonijiet tal‑Qrati Amministrativi tal‑Appell u għażla ta’ deċiżjonijiet mill‑Qrati Amministrativi tal‑Prim’Istanza;
    • Id‑database CNIL tinkludi d-deliberazzjonijiet tas‑CNIL (il‑Kummissjoni Nazzjonali għat‑Teknoloġija tal‑Informazzjoni u l‑Libertajiet Ċivili).

Il‑każistika tal‑Qorti tal-Kassazzjoni hija disponibbli fuq is‑sit elettroniku tagħha.

Hemm servizz online biex tordna d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Kassazzjoni,  u xi deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Kassazzjoni huma tradotti għall-Ingliż, l-Għarbi u l-Mandarin.

L-aħħar aġġornament: 13/12/2016

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.