Sib informazzjoni għal kull reġjun
Sorsi ġuridiċi
Il-liġi Awstrijaka hija primarjament liġi miktuba (gesatztes). Min-naħa l-oħra l-liġi konswetudinarja għandha rwol ristrett ferm. Is-sentenzi tal-ogħla qrati jipprovdu gwida importanti għall-applikazzjoni tal-liġi, u huma ta’ importanza kbira, iżda l-liġi żviluppata mill-ġurisprudenza mhijiex formalment rikonoxxuta bħala sors ta’ liġi.
Il-Kostituzzjoni Awstrijaka tiddikjara li n-normi ġeneralment rikonoxxuti tad-dritt internazzjonali jagħmlu parti mil-liġi federali tal-Awstrija, u tipprevedi għall-inkorporazzjoni tat-trattati internazzjonali fl-ordinament ġuridiku Awstrijak (bi jew mingħajr leġiżlazzjoni speċifika). Il-klassifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-trattati fl-ordinament ġuridiku nazzjonali hija determinata mill-kontenut tagħhom.
Sabiex jiġu approvati fin-Nationalrat (il-kamra tad-deputati tal-Parlament Awstrijak), it-trattati internazzjonali li jemendaw jew li jissupplimentaw il-Kostituzzjoni jeħtieġu l-istess maġġoranzi speċjali bħal-liġijiet federali kostituzzjonali. Trattati li jemendaw jew li jissupplimentaw il-liġi statutorja jeħtieġu l-istess kworums bħall-istatuti.
Bħala prinċipju, il-President Federali jikkonkludi trattati internazzjonali fuq talba tal-gvern federali jew tal-ministru federali li jkun ingħata din is-setgħa mill-gvern. It-trattati politiċi u t-trattati li jemendaw jew li jissupplimentaw il-leġiżlazzjoni jeħtieġu l-kunsens minn qabel tan-Nationalrat. Il-President Federali jista’ jagħti s-setgħa lill-gvern federali jew lill-membri rilevanti tal-gvern federali biex jikkonkludu ċerti kategoriji ta’ trattati internazzjonali li mhumiex politiċi u li la jemendaw u lanqas ma jissupplimentaw il-leġiżlazzjoni.
Skont il-Kostituzzjoni tal-Awstrija, id-disa’ provinċji (Bundesländer) huma lkoll soġġetti għad-dritt kostituzzjonali provinċjali tagħhom stess minbarra li huma soġġetti wkoll għad-dritt kostituzzjonali federali. Id-dritt kostituzzjonali provinċjali ma għandux ikun inkonsistenti mad-dritt kostituzzjonali federali, u għalhekk huwa subordinat għalih. Iżda fil-prinċipju m’hemmx din l-ordni ta’ preċedenza bejn il-liġijiet federali u l-liġijiet tal-provinċji. Mill-1988, l-istati jistgħu jikkonkludu wkoll trattati internazzjonali fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom. Madankollu, fil-qasam tal-affarijiet barranin, il-gvern federali jżomm is-supremazija tiegħu.
Tipi ta’ strumenti legali – ġerarkija tan-normi
Biex tgħaddi, leġiżlazzjoni kostituzzjonali Federali teħtieġ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti fin-Nationalrat, b’tal-anqas nofs il-membri preżenti. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni maħluqa b’dan il-mod għandha tkun speċifikament deżinjata bħala “att kostituzzjonali” jew “dispożizzjoni kostituzzjonali”.
Min-naħa l-oħra, riżoluzzjoni valida dwar dispożizzjoni bbażata fuq liġi statutorja Federali teħtieġ il-preżenza ta’ mill-inqas terz tal-membri tan-Nationalrat u maġġoranza assoluta tal-voti mitfugħa.
1. Prinċipji ta’ gwida tal-Kostituzzjoni
Il-prinċipji gwida li ġejjin (Grundprinzipien) tal-Kostituzzjoni Awstrijaka huma l-aktar dispożizzjonijiet importanti fl-ordinament ġuridiku tal-pajjiż:
- il-prinċipju demokratiku
- il-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat
- il-prinċipju tal-istat tad-dritt
- il-prinċipju repubblikan
- il-prinċipju federali, u
- il-prinċipju liberali.
Flimkien, dawn il-prinċipji gwida jifformaw dak li jissejjaħ l-ordni kostituzzjonali fundamentali (verfassungsrechtliche Grundordnung).
Huma għandhom importanza kostituzzjonali kbira. Jekk emenda prinċipali tal-Kostituzzjoni twassal għall-abbandun ta’ xi wieħed mill-prinċipji gwida, jew tbiddel b’mod sostanzjali r-relazzjoni bejn dawk il-prinċipji, din titqies bħala reviżjoni komprensiva tal-Kostituzzjoni u teħtieġ tiġi approvata b’referendum.
2. Id-dritt primarju u sekondarju tal-UE
L-adeżjoni tal-Awstrija mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Jannar 1995 kienet tirrikjedi reviżjoni komprensiva tal-Kostituzzjoni Awstrijaka. Mill-adeżjoni tal-Awstrija, l-ordinament ġuridiku huwa bbażat mhux biss fuq id-dritt kostituzzjonali Awstrijak iżda wkoll fuq id-dritt tal-Unjoni (duwaliżmu kostituzzjonali). Skont l-opinjoni prevalenti d-dritt tal-Unjoni jipprevali fuq id-dritt nazzjonali kif ukoll fuq id-dritt kostituzzjonali federali ordinarju, iżda mhux fuq il-prinċipji gwida tal-Kostituzzjoni.
3. Dritt kostituzzjonali federali “ordinarju”
Id-dritt kostituzzjonali jistabbilixxi r-regoli tax-xena politika, billi jispeċifika:
- il-proċedura leġiżlattiva
- l-istatus tal-ogħla korpi fi ħdan l-istat
- ir-relazzjoni bejn il-gvern federali u l-provinċji fil-proċess leġiżlattiv u l-applikazzjoni tal-liġi, u
- il-kontroll tal-azzjoni tal-gvern mill-qrati tal-liġi pubblika.
4. Statut Federali
Il-prinċipju fundamentali tal-istat tad-dritt stabbilit fil-Kostituzzjoni jeħtieġ li l-applikazzjoni tal-liġi fl-amministrazzjoni pubblika u fil-qrati ssir skont il-liġi. Il-Kostituzzjoni taqsam is-setgħat leġiżlattivi bejn il-gvern federali u l-provinċji.
5. Regolamenti
Ir-Regolamenti (Verordnungen) huma dispożizzjonijiet legali ġenerali magħmula minn awtoritajiet amministrattivi li huma vinkolanti fuq il-persuni kollha soġġetti għal-liġi. Il-Kostituzzjoni tikkonferixxi awtorizzazzjoni ġenerali għall-ħruġ ta’ regolamenti ta’ implimentazzjoni bil-għan li jiġu elaborati aktar ir-regoli stabbiliti f’dispożizzjonijiet aktar ġenerali, ħafna drabi liġijiet. Ir-regolamenti jistgħu jemendaw jew jissupplimentaw liġijiet biss meta jkun hemm awtorizzazzjoni espressa fil-Kostituzzjoni.
6. Deċiżjonijiet
Id-Deċiżjonijiet (Bescheide) huma primarjament atti amministrattivi li japplikaw il-liġi li huma indirizzati biss lejn il-persuni msemmija f’dawk id-deċiżjonijiet.
Qafas istituzzjonali
Il-leġiżlatura
Il-Kostituzzjoni taqsam il-poteri bejn il-gvern federali u l-provinċji, b’diversi entitajiet involuti fil-proċess leġiżlattiv.
In-Nationalrat jippromulga l-leġiżlazzjoni federali, ġeneralment bl-involviment tal-Bundesrat (is-senat tal-Parlament Awstrijak). Il-183 membru tan-Nationalrat jiġu eletti direttament mill-poplu. Madankollu, il-Bundesrat jiġi elett mill-kunsilli provinċjali (Landtage). Bħala regola l-Bundesrat huwa awtorizzat biss jippreżenta oġġezzjoni sospensiva għal abbozz ta’ liġi.
Il-liġi provinċjali tiġi promulgata mill-kunsilli provinċjali.
Il-proċedura leġiżlattiva
Abbozzi ta’ liġijiet jistgħu jiġu sottomessi lin-Nationalrat kif ġej:
- mill-membri tan-Nationalrat innifsu (abbozz ta’ liġi privata)
- mill-gvern federali (abbozz ta’ liġi tal-gvern), jew
- mill-Bundesrat.
Barra minn hekk, inizjattiva taċ-ċittadini għandha titressaq quddiem in-Nationalrat għal diskussjoni jekk tkun iffirmata minn 100 000 votant, jew minn wieħed minn kull sitta tal-votanti fi tliet provinċji.
Fil-prattika, il-biċċa l-kbira tal-inizjattivi leġiżlattivi joriġinaw mill-gvern federali. Abbozzi ta’ liġijiet tal-gvern federali jeħtieġu approvazzjoni unanima tal-gvern federali (fil-kabinett). Dawn jiġu abbozzati mill-ministru rilevanti, u qabel ma jiġu approvati mill-gvern jintalbu l-kummenti ta’ korpi oħra, bħall-provinċji jew partijiet interessati oħra.
Wara li jkunu għaddew fin-Nationalrat, l-abbozzi ta’ liġijiet jeħtieġu l-kunsens tal-Bundesrat. (L-abbozzi tal-liġijiet federali tal-finanzi ma għandhomx għalfejn jiġu sottomessi lill-Bundesrat – is-sovranità federali tan-Nationalrat.) Il-Kanċillier imbagħad jissottometti l-abbozzi tal-liġijiet lill-President għall-awtentikazzjoni.
In-Nationalrat jista’ jiddeċiedi li jsir referendum dwar abbozz ta’ liġi. Referendum jista’ jintalab ukoll minn maġġoranza tal-membri tan-Nationalrat. F’dan il-każ, abbozz ta’ liġi li jkun diġà għadda min-Nationalrat għandu mbagħad jiġi approvat permezz ta’ referendum qabel jiġi awtentikat. Barra minn hekk kull reviżjoni komprensiva tal-Kostituzzjoni teħtieġ li tkun soġġetta għal referendum.
Il-President jiċċertifika li att ikun għadda f’konformità mal-Kostituzzjoni billi jiffirmah. Dik l-awtentikazzjoni mbagħad trid tiġi kontrofirmata mill-Kanċillier.
Ladarba l-Kanċillier jikkontrofirmaha, il-leġiżlazzjoni federali tiġi ppubblikata fil-Bundesgesetzblatt (Il-Gazzetta tal-Liġi Federali). Sakemm liġi nnifisha ma tinkludix dispożizzjoni espliċita għal effett retroattiv jew tispeċifika d-data meta għandha tidħol fis-seħħ (vacatio legis), din tidħol fis-seħħ fl-aħħar tal-jum tal-pubblikazzjoni u tad-distribuzzjoni tal-ħarġa tal-Gazzetta tal-Liġi Federali li fiha tiġi ppubblikata.
Att jista’ jiġi abrogat jew b’mod espliċitu (deroga formali) jew bil-mogħdija ta’ leġiżlazzjoni ġdida li l-kontenut tagħha ma jkunx konsistenti mad-dispożizzjoni preċedenti (deroga materjali), mingħajr dikjarazzjoni formali li d-dispożizzjoni preċedenti ma għadhiex fis-seħħ (lex posterior derogat legi priori). Normi speċifiċi jipprevalu fuq dawk ġenerali (lex specialis derogat legi generali). Il-perjodu ta’ validità ta’ liġi jista’ anke jiġi determinat mill-bidu.
Bażijiet ta’ data ġuridiċi
Ir-Rechtsinformationssystem des Bundes (Is-Sistema ta’ Informazzjoni Ġuridika tar-Repubblika tal-Awstrija), operata mill-Ministeru Federali għall-Affarijiet Diġitali u Ekonomiċi, tipprovdi aċċess online għal-leġiżlazzjoni Awstrijaka.
L-aċċess għall-bażi tad-data huwa mingħajr ħlas?
L-aċċess għar-Rechtsinformationssystem des Bundes huwa mingħajr ħlas.
Deskrizzjoni qasira tal-kontenut
Is-Sistema ta’ Informazzjoni Ġuridika tar-Repubblika tal-Awstrija tipprovdi informazzjoni dwar:
Dritt Federali
- Dritt Federali (verżjoni konsolidata)
- Verżjoni awtorevoli tal-Gazzetta tal-Liġi Federali Awstrijaka (Bundesgesetzblatt) mill-2004
- Gazzetta tal-Liġi Federali Awstrijaka 1945-2003
- Gazzetti tal-Liġi Federali u Imperjali (Reichs-, Staats- u Bundesgesetzblatt) 1848-1940
- Ġabriet ta’ liġijiet u ta’ regolamenti 1740-1848 (estern)
- Gazzetti tal-Liġi Ġermaniża (Reichsgesetzblatt) 1919-1945 (estern)
- Abbozzi ta’ liġijiet (Begutrachtungsentwürfe)
- Abbozzi ta’ liġijiet tal-gvern (Regierungsvorlagen)
Liġi Provinċjali
- Liġi Provinċjali (verżjoni konsolidata)
- Gazzetti tal-liġi provinċjali awtorevoli u mhux awtorevoli (Landesgesetzblätter) (diversi perjodi ta’ żmien)
Liġi muniċipali: għażla ta’ dispożizzjonijiet legali ta’ muniċipalitajiet tal-provinċji li ġejjin:
- Carinthia (il-muniċipalitajiet kollha)
- L-Awstrija t’Isfel
- L-Awstrija ta’ Fuq
- Salzburg
- Styria
- Vjenna
Sentenzi
- Qorti Kostituzzjonali (Verfassungsgerichtshof)
- Qorti Amministrattiva (Verwaltungsgerichtshof)
- Il-lista ta’ atti leġiżlattivi (Normenliste) imfassla mill-Qorti Amministrattiva Suprema
- Sentenzi tal-Qorti Suprema (Oberster Gerchtshof), tal-ogħla qrati reġjonali (Oberlandsgerichte), tal-qrati reġjonali (Landesgerichte), tal-qrati distrettwali (Bezirksgerichte) u tal-Qorti Suprema tal-Privattivi u tat-Trade Marks (Oberste Patent- und Markensenat), u sentenzi internazzjonali
- Qorti Amministrattiva Federali (Bundesverwaltungsgericht)
- Qrati Amministrattivi Reġjonali (Landesverwaltungsgerichte)
- Qorti Fiskali Federali (Bundesfinanzgericht) (estern)
- L-awtorità għall-Protezzjoni tad-Data (qabel l-2014: Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Data)
- Kummissjonijiet Dixxiplinari, Kummissjoni Dixxiplinari Suprema, Tribunal tal-Appelli (Disziplinarkommissionen, Disziplinaroberkommission, Berufungskommission)
- L-awtorità Superviżorja għar-Rappreżentanza tal-Impjegati (Personalvertretungsaufsichtsbehörde) (qabel l-2014: It-Tribunal Superviżorju għar-Rappreżentanza tal-Impjegati (Personalvertretungs-Aufsichtskommission)
- Kummissjonijiet għat-Trattament Ugwali (Gleichbehandlungskommissionen) mill-2014
- Kummissjonijiet għat-Trattament Ugwali (Gleichbehandlungskommissionen) mill-2008 (estern)
- Dokumentazzjoni finanzjarja, Tribunal tal-Finanzi Indipendenti (Unabhängiger Finanzsenat) (estern)
- Tribunali Amministrattivi Indipendenti (Unabhängige Verwaltungssenate) – għażla ta’ deċiżjonijiet mill-1991 sal-2013
- Qorti tal-Ażil (Asylgerichtshof) – Lulju 2008 sal-2013
- Bord Federali Indipendenti tal-Ażil (Unabhängiger Bundesasylsenat) – għażla ta’ deċiżjonijiet mill-1998 sal-aħħar ta’ Ġunju 2008
- Tribunal Ambjentali (Umweltsenat) - għażla ta’ deċiżjonijiet mill-1994 sal-2013
- Bord Federali tal-Komunikazzjonijiet (Bundeskommunikationssenat) – għażla ta’ deċiżjonijiet mill-2001 sal-2013
- Korpi għas-sorveljanza tal-akkwist pubbliku (Vergabekontrollbehörden) – għażla ta’ deċiżjonijiet sal-2013
- Deċiżjonijiet tal-Qorti Suprema u tal-Qorti tal-Kassazzjoni f’Materji Ċivili u Kriminali (1885-1897) (estern)
- Ġabra tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Imperjali Awstrijaka (Reichsgericht) 1869-1918 (estern)
- Ġabra tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Amministrattiva Awstrijaka (Verfassungsgerichtshof) 1919-1979 (estern)
- Ġabra tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Amministrattiva Awstrijaka (Verfassungsgerichtshof) 1876-1934 (estern)
Proklamazzjonijiet oħrajn:
- Regolamenti għall-eżamijiet ta’ kapumastri u għall-eżamijiet tal-kompetenza professjonali skont il-Kodiċi Industrijali (Gewerbeordnung)
- Dispożizzjonijiet uffiċjali tas-sistema tas-sigurtà soċjali – awtorevoli mill-2002
- Pjanijiet għall-Infrastruttura fil-Qasam tal-Kura tas-Saħħa (ÖSG, RSG)
- Bullettini veterinarji uffiċjali (OVB) mill-15.9.2004
Ċirkulari ġenerali (Erlässe)
- Ċirkulari maħruġa minn ministeri federali
- Direttivi u ċirkulari maħruġa mill-Ministeru Federali tal-Finanzi (estern)
- Ċirkulari maħruġa mill-Ministeru Federali tax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali, is-Saħħa u l-Protezzjoni tal-Konsumatur (Bundesministerium für Arbeit, Soziales, Gesundheit und Konsumentenschutz) fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (estern)
Il-liġijiet Awstrijaċi
Xi liġijiet Awstrijaċi huma disponibbli wkoll bl-Ingliż.
Aktar informazzjoni
Aktar informazzjoni tista’ tinstab fuq is-sit web tar-Rechtsinformationssystem des Bundes.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.