- 1. Liema huma l-istrumenti ġuridiċi jew "is-sorsi tal-liġi" li jistipulaw ir-regoli tal-liġi?
- 2. Liema hu l-istatus ġuridiku tal-prinċipji ġenerali tal-liġi, tad-dritt konswetudinarju u tal-ġurisprudenza?
- 3. X'inhi l-ġerarkija bejn l-istrumenti ġuridiċi differenti?
- 4. Liema huma l-modalitajiet tad-dħul fis-seħħ fit-territorju nazzjonali tar-regoli li jinsabu fi strumenti sopranazzjonali?
- 5. Liema huma l-awtoritajiet differenti li għandhom id-dritt li jadottaw regoli dwar il-liġi?
- 6. X'inhu l-proċess ta' adozzjoni ta' dawn ir-regoli tal-liġi?
- 7. Liema huma l-modalitajiet tad-dħul fis-seħħ ta' regoli ta' oriġini nazzjonali?
- 8. Liema huma l-mezzi li jirregolaw il-kunflitti eventwali bejn ir-regoli differenti tal-liġi fl-Istat Membru?
1. Liema huma l-istrumenti ġuridiċi jew "is-sorsi tal-liġi" li jistipulaw ir-regoli tal-liġi?
Il-liġi hija ġabra ta’ regoli ġuridiċi vinkolanti, bil-miktub u mhux bil-miktub, li jirregolaw ir-relazzjonijiet soċjali bejn iċ-ċittadini u l-awtoritajiet u bejn iċ-ċittadini stess u li jorganizzaw ukoll l-amministrazzjoni pubblika.
Issir distinzjoni bejn is-sorsi formali u s-sorsi materjali. Bil-kontra għas-sorsi formali, is-sorsi materjali ma jinkludux regoli reali dwar il-liġi. B'mod partikolari dan jinvolvi bona fede, ewkità u tmexxija raġonevoli.
Jeżistu ħames kategoriji ta' sorsi formali. Tlieta minnhom għandhom natura vinkolanti: il-liġi, id-dritt konswetudinarju u l-prinċipji ġenerali tal-liġi. It-tnejn l-oħra mhumiex vinkolanti, imma sempliċiment "persważivi": il-ġurisprudenza u d-duttrina.
Il-leġiżlazzjoni se tkun eżaminata fid-dettall fil-punti 3 u 5 hawn taħt. Il-leġiżlazzjoni hija definita bħala r-regoli bil-miktub, ippromulgati minn awtorità. Id-dritt konswetudinarju hu, taċitu u jirregola l-użanzi u d-drawwiet taċ-ċittadini b'mod ġenerali, u b'mod partikolari kategoriji professjonali. Il-prinċipji ġenerali tal-liġi jistipulaw il-valuri superjuri li soċjetà partikolari tixtieq tirrispetta, bħall-prinċipju tal-ugwaljanza taċ-ċittadini kollha, il-proporzjonalità tar-regoli u tal-miżuri adottati u l-prinċipju li skontu l-awtoritajiet għandhom jaġixxu filwaqt li jirrispettaw il-liġi. Bosta minn dawn il-prinċipji huma stabbiliti f'dak li nsejħulhom prinċipji tal-liġi bħal "non bis in idem" fil-liġi kriminali jew "lex posterior derogat legi priori".
Il-ġurisprudenza u d-duttrina huma sorsi persważivi tal-liġi. Il-ġurisprudenza tikkonsisti mid-deċiżjonijiet kollha li ttieħdu mill-qrati u t-tribunali. Sentenza mhijiex infurzata ħlief mill-partijiet tal-kawża. Fil-Belġju, ma kienx hemm sistema preċedenti. L-uniċi deċiżjonijiet ġudizzjarji eżegwibbli universalment huma dawk tal-Qorti Kostituzzjonali. Il-ġuriżdizzjonijiet l-oħra superjuri huma l-Kunsill tal-Istat (il-ġuriżdizzjoni amministrattiva suprema) u l-Qorti tal-Kassazzjoni (il-ġuriżdizzjoni suprema fir-rigward tal-liġi komuni).
Sors ieħor li ma għandux jiġi injorat, id-dritt internazzjonali, huwa kkostitwit, b’mod partikolari, mit-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea, mir-Regolamenti u d-Direttivi tal-Unjoni u mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Barra minn hekk, jeżistu wkoll għadd ta’ konvenzjonijiet stabbiliti fil-qafas tal-funzjonament ta’ istituzzjonijiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti jew il-Kunsill tal-Ewropa (konvenzjonijiet multilaterali), jew bejn il-Belġju u Stat ieħor (konvenzjonijiet bilaterali). Dan is-sors ta’ dritt kiseb ħafna importanza f’dawn l-aħħar deċennji, u din l-importanza qiegħda tkompli tikber. Bosta dispożizzjonijiet li jinsabu f’dawn l-istrumenti jinfluwenzaw direttament il-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Is-siti Législation belge (bil-Franċiż) jew Belgische Wetgeving (bl-Olandiż) jagħtuk aċċess għal bażi ta' dejta tal-leġiżlazzjoni Belġjana konsolidata. Wieħed jista' juża l-magna tat-tiftix u tal-indiċizzazzjoni biex ifittex l-atti leġiżlattivi kollha li għadhom fis-seħħ u li ġew ippubblikati fil-Moniteur Belge mill-1830. Madankollu, l-atti leġiżlattivi amministrattivi u fiskali ppubblikati qabel l-1994 għadhom ma ġewx inklużi kollha.
2. Liema hu l-istatus ġuridiku tal-prinċipji ġenerali tal-liġi, tad-dritt konswetudinarju u tal-ġurisprudenza?
Ara l- mistoqsija 1.
3. X'inhi l-ġerarkija bejn l-istrumenti ġuridiċi differenti?
Il-persuni li joqogħdu l-Belġju għandhom jobdu bosta kategoriji ta' regoli tal-liġi: ir-regoli adottati mill-awtoritajiet federali Belġjani, iżda wkoll dawk li ġejjin minn entitajiet inferjuri, bħall-provinċji u l-komuni(1). Barra minn hekk, il-Belġju jagħmel parti minn numru kbir ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u sopranazzjonali, bħan-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Ewropa u n-NATO. Ir-regoli ta' dawn l-organizzazzjonijiet japplikaw ukoll għall-awtoritajiet u l-popolazzjoni Belġjana.
Meta wieħed iqis li l-awtoritajiet leġiżlattivi kollha ma għandhomx qasam ġuridiku strettament definit u li l-kategoriji tal-liġi mhux kollha kemm huma jgawdu mill-istess status, dan joħloq riskju ta' kunflitt. Għaldaqstant, teżisti ġerarkija ta' normi, fejn hemm il-prinċipju li n-normi inerfjuri qatt ma jistgħu jkunu f'kunflitt man-normi superjuri.
Fir-rigward tal-liġi Belġjana interna, il-Kostituzzjoni hija n-norma l-aktar għolja. Din tirregola s-separazzjoni tal-poteri u l-mod kif jiġu eżerċitati. Il-Kostituzzjoni tiddikjara wkoll il-valuri fundamentali tas-soċjetà tagħna u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini. F'sentenza tas-27 ta' Mejju 1971, il-Qorti tal-Kassazzjoni kkonfermat il-preminenza tan-normi kollha tal-liġi internazzjonali u sopranazzjonali fuq in-normi kollha tal-liġi interna, inkluża l-Kostituzzjoni. F'każ ta' kunflitt bejn regolament tal-Unjoni Ewropea u l-Kostituzzjoni, huwa r-regolament komunitarju li jipprevali.
Wara l-Kostituzzjoni, imbagħad hemm:
- il-liġijiet speċjali (liġijiet b’maġġoranza speċjali li jiddeterminaw it-tqassim tal-kompetenzi u r-regoli essenzjali ta’ funzjonament tal-istituzzjonijiet pubbliċi), imbagħad
- il-liġijiet, digrieti u ordinanzi, imbagħad
- l-ordnijiet irjali u l-ordnijiet tal-gvern, li jimplimentaw il-liġijiet jew id-digrieti, u fl-aħħar,
- l-ordnijiet ministerjali.
4. Liema huma l-modalitajiet tad-dħul fis-seħħ fit-territorju nazzjonali tar-regoli li jinsabu fi strumenti sopranazzjonali?
Ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea huma direttament applikabbli. Il-korp leġiżlattiv Belġjan mhuwiex direttament implikat fl-implimentazzjoni tagħhom. Madankollu, l-intervent intern tiegħu huwa meħtieġ biex jiġu approvati u rratifikati t-trattati internazzjonali. F'ċerti oqsma, l-entitajiet leġiżlattivi kollha Belġjani jridu japprovaw u jirratifikaw it-trattati, u dan jista' jwassal għal proċeduri twal u peżanti. L-entitajiet leġiżlattivi tal-pajjiż jipparteċipaw ukoll fl-implimentazzjoni tad-direttivi tal-Unjoni Ewropea, għaliex dawn jeħtieġu dejjem traspożizzjoni fil-qafas ġuridiku intern.
5. Liema huma l-awtoritajiet differenti li għandhom id-dritt li jadottaw regoli dwar il-liġi?
Tliet poteri kostituzzjonali separati jiffurmaw l-Istat federali Belġjan: il-poter leġiżlattiv, il-poter eżekuttiv u l-poter ġudizzjarju. Il-poter leġiżlattiv joħloq il-liġijiet, il-poter eżekuttiv jimplimentahom u l-poter ġudizzjarju jiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet li jirriżultaw mill-infurzar tal-liġijiet.
Il-poter leġiżlattiv federali
Inizjattiva leġiżlattiva federali tista' tiġi minn membru wieħed jew aktar tal-Kamra tar-rappreżentanti, membru wieħed jew aktar tas-Senat jew tar-Re (jiġifieri, fil-prattika, mill-Ministri tiegħu jew mis-Segretarji tal-Istat). Dawn it-tliet entitajiet jiffurmaw it-tliet fergħat tal-poter leġiżlattiv fil-Belġju.
Il-liġijiet jinħarġu jew minn proposti ta' liġi, li jkunu ġejjin minn membru tas-Senat jew tal-Kamra, jew minn abbozzi ta' liġi, li jkunu ġejjin mir-Re (il-ministri kompetenti huma inkarigati mir-Re biex jippreżentaw abbozzi ta' liġi). L-abbozzi u l-proposti għandhom l-istess importanza.
Il-normi ta' implimentazzjoni tal-liġi federali huma elaborati mill-poter eżekuttiv, taħt l-awtorità rjali. Is-setgħat jistgħu jkunu delegati lil Ministru – din hija id-differenza bejn l-ordnijiet irjali u dawk ministerjali.
Komunitajiet, reġjuni, provinċji u komuni
Il-Belġju huwa Stat federali magħmul minn komunitajiet u reġjuni. Dawn tal-aħħar min-naħa tagħhom huma responsabbli mil-liġi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilhom mill-Kostituzzjoni u minn ċerti liġijiet speċjali.
B'hekk, is-setgħat tal-komunitajiet jikkonċernaw b'mod partikolari l-kultura u t-tagħlim; dawk tar-reġjuni jikkonċernaw il-politika ekonomika u l-ħarsien tal-ambjent. Biex jeżerċitaw dawn is-setgħat, kull komunità u kull reġjun għandha/għandu parlament. Għalhekk, il-komunitajiet u r-reġjuni jistgħu joħorġu liġijiet, imsejħa digrieti (ordinanzi fir-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale). Il-gvernijiet tagħhom jagħmlu parti, flimkien mad-deputati parlamentari, mill-poter leġiżlattiv fil-livell tal-Unjoni Ewropea, dak reġjonali jew komunitarju (inizjattiva leġiżlattiva). Il-gvernijiet għandhom jiżguraw ukoll l-eżekuzzjoni tad-digrieti jew tal-ordinanzi adottati.
It-territorju Belġjan huwa maqsum ukoll fi provinċji u f’komuni. Fil-livell tagħhom, il-kunsilli tagħhom jistabbilixxu wkoll regolamenti u ordinanzi fl-oqsma li jaqgħu taħt is-setgħat tagħhom, bħas-sigurtà pubblika, il-ġbir tal-iskart, il-kultura, it-tagħlim provinċjali u komunali. Il-kulleġġ provinċjali u l-kulleġġ komunali jeżegwixxu dawn ir-regolamenti differenti (kif ukoll, fil-limiti tal-mandati tagħhom, in-normi superjuri bħal ma huma l-liġijiet, id-digrieti, l-ordinanzi u l-ordnijiet).
Għalhekk, f'dawn il-livelli wieħed isib tnejn mit-tliet poteri: il-poter leġiżlattiv, eżerċitat mill-parlamenti tal-komunitajiet u tar-reġjuni, il-kunsill provinċjali u l-kunsill komunali, u l-poter eżekuttiv, eżerċitat mill-gvernijiet tal-komunitajiet u tar-reġjuni, il-kulleġġ provinċjali u l-kulleġġ komunali. Il-poter ġudizzjarju ma jidħolx f’din is-suddiviżjoni. L-organizzazzjoni tal-qrati u tat-tribunali hija kompetenza esklussivament federali.
6. X'inhu l-proċess ta' adozzjoni ta' dawn ir-regoli tal-liġi?
Ara l-mistoqsija 5.
Fil-livell federali, l-abbozzi jew il-proposti ta’ liġi, wara evalwazzjoni possibbli mill-Kunsill tal-Istat, jiġu vvutati, mill-Kamra u, fejn xieraq, mis-Senat. Dawn imbagħad jiġu kkomunikati lir-Re li jawtorizzahom u jippromulgahom, wara li jkunu rċevew il-kontrofirma ministerjali.
7. Liema huma l-modalitajiet tad-dħul fis-seħħ ta' regoli ta' oriġini nazzjonali?
L-atti leġiżlattivi federali jibdew jeżistu minn meta jiġu adottati u ppromulgati mir-Re. Fil-prinċipju, id-dħul fis-seħħ tagħhom għandu jkun għaxart ijiem wara l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Moniteur Belge, sakemm ma jkunx indikat mod ieħor(2).
In-normi leġiżlattivi ta' entitajiet federali - id-digrieti u l-ordinanzi - huma adottati u ppubblikati mill-gvern tal-entità federali kkonċernata. Dawn jidħlu fis-seħħ għaxart ijiem wara l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Moniteur Belge, sakemm ma jkunx indikat mod ieħor.
8. Liema huma l-mezzi li jirregolaw il-kunflitti eventwali bejn ir-regoli differenti tal-liġi fl-Istat Membru?
Meta n-normi leġiżlattivi adottati skont ir-regoli jidħlu f'kunflitt, jeżistu bosta mezzi li jsolvu dan il-kunflitt. Il-ġerarkija tan-normi tippermetti li tevita l-maġġoranza fosthom, iżda meta dan ma jkunx il-każ, jeħtieġ li wieħed jirrikorri għal dawn l-istrumenti.
L-Artikolu 142 tal-Kostituzzjoni jagħti lill-Qorti Kostituzzjonali l-unika setgħa li teżamina mill-ġdid l-atti leġiżlattivi sabiex tivverifika r-rispett tar-regoli li jirregolaw is-setgħat tal-Istat, il-Komunitajiet u r-Reġjuni. Dawn ir-regoli huma miktuba fil-Kostituzzjoni u fil-liġi ta' riforma istituzzjonali tal-Istat federali Belġjan.
Il-Qorti Kostituzzjonali għandha wkoll is-setgħa li tiddeċiedi fuq każijiet fejn jiġi allegat li att leġiżlattiv imur kontra l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali stipulati fit-Titolu II (l-Artikoli 8-32) tal-Kostituzzjoni. Dawn huma b'mod partikolari l-prinċipji ta' ugwaljanza (l-Artikolu 10) u ta' nondiskriminazzjoni (l-Artikolu 11). Il-Qorti Kostituzzjonali hija wkoll kompetenti biex teżamina mill-ġdid l-atti leġiżlattivi fir-rigward tal-Artikolu 170 (prinċipju ta' legalità fir-rigward tal-liġi fiskali), tal-Artikolu 172 (ugwaljanza fir-rigward tal-liġi fiskali) u tal-Artikolu 191 (ħarsien taċ-ċittadini barranin) tal-Kostituzzjoni.
Ara wkoll is-Service public fédéral Justice (Servizz Pubbliku Federali tal-Ġustizzja) u l-liġi speċjali tas-6 ta' Jannar 1989 dwar il-Qorti Kostituzzjonali taħt l-intestatura «Législation consolidée».
Il-Kunsill tal-Istat(3), li jaġixxi abbażi tal-Artikolu 160 tal-Kostituzzjoni, jirregola l-kunflitti kollha bejn in-normi tal-applikazzjoni (atti individwali u regolamenti) u n-normi leġiżlattivi. Barra minn hekk, kummissjoni parlamentari ta' konċiljazzjoni hija inkarigata li tirregola l-kunflitti ta' interess.
----------
(1) Ara s- Servizz Pubbliku Federali tal-Ġustizzja (https://justitie.belgium.be), intestatura «Législation consolidée», il-Kostituzzjoni tal-1994 u l-liġi speċjali dwar ir-riformi istituzzjonali tat-8 ta' Awwissu 1980, kif ukoll il-portal federali, taħt l-intestatura «La Belgique
Il-Komunità Fjamminga u l-Kunsill Fjamming (li jissejjaħ ukoll il-Parlament Fjamming)
Il-Komunità Franċiża u l-Kunsill tal-Komunità Franċiża
Il-Komunità li titkellem bil-Ġermaniż u l-Kunsill tal-Komunità li titkellem bil-Ġermaniż
Ir-Reġjun Fjamming, li għandu l-istess Parlament bħall-Komunità Fjamminga, jiġifieri l-Kunsill Fjamming.
Ir-Reġjun tal-Wallonja u l-Parlament tal-Wallonja
Ir-Reġjun ta' Bruxelles-capitale u l-Kunsill tar-Reġjun ta' Bruxelles-capitale (maqsum fil-qafas ta' ċerti setgħat bejn il-Kummissjonijiet komunitarji Fjammingi u Franċiżi)
Il-Komunitajiet għandhom is-setgħa fuq:
1° l-oqsma kulturali;
2° l-edukazzjoni, ħlief […];
3° il-kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet u l-kooperazzjoni internazzjonali, b'mod partikolari s-setgħat fir-rigward ta' konklużjoni tat-Trattati fl-oqsma msemmija fil-punti 1 u 2.
Il-Kunsilli tal-Komunitajiet Fjamminga u Franċiża jivvutaw għal digrieti applikabbli għat-territorju tagħhom fl-oqsma personalizzabbli u għal dawk dwar il-kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet u l-kooperazzjoni internazzjonali f'dawn l-oqsma, u jibbenefikaw minn setgħat fir-rigward tal-konklużjoni ta' trattati. Il-Kunsill tal-Komunità li titkellem bil-Ġermaniż għandu setgħat simili.
Il-parlamenti reġjonali jibbenefikaw minn setgħat b'mod partikolari fir-rigward tal-immaniġġjar tat-territorju, il-ġestjoni tal-monumenti u ta' żoni rurali, l-ekonomija, l-agrikoltura, eċċ.
(2) Ara s-Servizz Pubbliku Federali tal-Ġustizzja, intestatura «Législation consolidée», il-liġi tal-31 ta' Mejju 1961 dwar l-użu tal-lingwi f'oqsma leġiżlattivi, l-elaborazzjoni, il-pubblikazzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-liġijiet u r-regolamenti.
(3) Ara s-Servizz Pubbliku Federali tal-Ġustizzja, intestatura «Législation consolidée», liġijiet koordinati tat-12 ta' Jannar 1973 dwar il-Kunsill tal-Istat.
« Ordni ġuridika - Informazzjoni ġenerali | Belġju - Informazzjoni ġenerali
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.