Sorsi tal-liġi
1. Il-liġi tal-Unjoni Ewropea
Ċipru sar Stat Membru sħiħ u ndaqs tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 u huwa suġġett għal-liġi tal-UE. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Δικαστήριο της Ευρωπαϊκης Ένωσης), il-liġi tal-UE tieħu preċedenza fuq il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri, inklużi kemm il-liġijiet domestiċi kif ukoll il-Kostituzzjoni.
Is-supremazija tal-liġi tal-UE fuq il-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru hija ssalvagwardjata fil-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru, li kienet emendata fil-Liġi dwar il-Ħames Emenda tal-Kostituzzjoni (O περί της Πέμπτης Τροποποίησης του Συντάγματος Νόμος) (Liġi 127(Ι)/2006) sabiex ikunu ċċarati s-supremazija u l-preċedenza tal-liġi tal-UE fuq il-Kostituzzjoni.
Ir-Repubblika ta’ Ċipru anki adattat għal u armonizzat il-liġijiet nazzjonali tagħha mal-liġi tal-UE billi ppromulgat għadd ta’ atti leġiżlattivi u, fl-istess ħin, irrevokat jew emendat diversi dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali, inklużi d-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni, kif ġie deskritt iktar ’il fuq.
Għalhekk, fir-Repubblika ta’ Ċipru, il-liġi tal-UE hija s-sors tal-liġi li għandha supremzija u tinkludi kemm ir-regoli adottati mill-Istat Membru, jiġifieri t-Trattati li jistabbilixxu l-Komunità Ewropea u l-protokolli u l-annessi tagħhom, kif ġew sussegwentement supplimentati jew emendati, kif ukoll ir-regoli maħruġa mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fil-forma ta’ Regolamenti, Direttivi jew Deċiżjonijiet. Hija tinkludi wkoll ir-regoli tal-konvenzjonijiet internazzjonali li jsiru partijiet għalihom l-UE u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, prinċipji tal-liġi ġenerali u fundamentali, il-common law, ir-regoli ġenerali tad-dritt pubbliku internazzjonali, u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fejn jingħad li, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi, id-drittijiet fundamentali tal-bniedem huma parti integrali mill-acquis Ewropew.
2. Il-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru
Il-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru kienet adottata fl-1960, meta ġiet iddikjarata r-Repubblika ta’ Ċipru u, skont l-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni, hija l-liġi suprema tar-Repubblika ta’ Ċipru. Wara l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru mal-Unjoni Ewropea u wara li ġiet emendata l-Kostituzzjoni tagħha kif ġie deskritt fl-ewwel paragrafu t’iktar ’il fuq, il-liġi tal-UE tieħu preċedenza fuq l-ordni kostituzzjonali intern u r-regoli tal-liġi inklużi fil-Kostituzzjoni jridu jkunu konformi mal-liġi tal-UE.
3. Konvenzjonijiet / Trattati / Ftehimiet Internazzjonali
Skont l-Artikolu 169 tal-Kostituzzjoni, ladarba l-konvenzjonijiet, it-trattati jew il-ftehimiet internazzjonali li ssir parti għalihom ir-Repubblika ta’ Ċipru, skont deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali, jiġu rratifikati bil-liġi u ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern, huma jkollhom supremazija fuq kwalunkwe liġi nazzjonali (ħlief għall-Kostituzzjoni) u, fil-każ ta’ kunflitt ma’ tali liġijiet, huma jieħdu l-preċedenza, sakemm ikunu applikati b’mod simili mill-kontroparti.
4. Liġijiet formali
Il-liġijiet formali huma l-liġijiet li tgħaddi l-Kamra tar-Rappreżentanti (Βουλή των Αντιπροσώπων), li teżerċita l-poter leġiżlattiv u, dawn iridu jkunu konformi kemm mal-liġi tal-UE kif ukoll mal-Kostituzzjoni.
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 188 tal-Kostituzzjoni, il-liġijiet li japplikaw fir-Repubblika ta’ Ċipru llum huma l-liġijiet li kienu fil-ktieb tal-istatuti, skont dak l-artikolu, lejliet Jum l-Indipendenza, sakemm ma saritx jew mhix se ssir xi dispożizzjoni oħra skont liġi li tapplika jew li ġiet mgħoddija skont il-Kostituzzjoni u l-liġijiet li għaddiet il-Kamra tar-Rappreżentanti (Βουλή των Αντιπροσώπων) wara l-indipendenza.
5. Atti regolatorji
L-atti regolatorji huma atti leġiżlattivi maħruġa mill-eżekuttiv skont il-poteri statutorji kkonferiti lilu u jridu jkunu konformi kemm mal-liġi tal-UE kif ukoll mal-Kostituzzjoni u mal-liġijiet.
Dawn il-poteri tal-amministrazzjoni biex ikunu ppromulgati regoli tal-liġi addizzjonali (leġiżlazzjoni sekondarja), li huma meħtieġa sabiex tkun applikata u eżegwita liġi, huma magħrufa bħala poteri regolatorji u, għalkemm il-poteri leġiżlattivi f’Ċipru huma kkonferiti lill-Kamra tar-Rappreżentanti, dawn jiġu permessi sabiex ikunu jistgħu jiġu rregolati kwistjonijiet speċifiċi jew ta’ interess lokali jew tekniċi jew dettaljati.
6. Ġurisprudenza tal-Qorti Suprema (Ανώτατο Δικαστήριο)
Id-duttrina li tapplika f’Ċipru hija li s-sentenzi mogħtija mill-Qorti Suprema jorbtu lill-qrati inferjuri kollha. Għalhekk, sentenza mill-Qorti Suprema li tinterpreta regola tal-liġi tiġi interpretata bħala sors tal-liġi.
7. Common law – Prinċipji ta’ ekwità
Il-common law (κοινoδίκαιο) u l-prinċipji ta’ ekwità (επιείκεια) wkoll huma sorsi tal-liġi f’każijiet fejn ma jkun hemm l-ebda dispożizzjoni leġiżlattiva oħra.
Tipi ta' strumenti legali – deskrizzjoni
Miktubin
- Il-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru
- Il-konvenzjonijiet/it-trattati/il-ftehimiet internazzjonali li r-Repubblika ta’ Ċipru hija parti għalihom flimkien ma’ pajjiżi terzi, irratifikati bil-liġi u ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern tar-Repubblika, li jieħdu preċedenza fuq kwalunkwe liġi nazzjonali, sakemm jiġu applikati b’mod simili mill-kontroparti.
- Il-liġijiet fis-seħħ skont l-Artikolu 188 tal-Kostituzzjoni lejliet Jum l-Indipendenza skont id-dispożizzjonijiet tiegħu, sakemm ma saritx jew mhix se ssir xi dispożizzjoni oħra skont liġi li tapplika jew li ġiet mgħoddija skont il-Kostituzzjoni. Liġijiet li għaddew il-Kamra tar-Rappreżentanti wara l-indipendenza.
- Atti regolatorji (Κανονιστικές Πράξεις) (Regolamenti) (Κανονισμοί).
Mhux miktubin
- Il-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema, tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem.
- Il-common law u l-prinċipji ta’ ekwità, sakemm ma saritx jew mhix se ssir xi dispożizzjoni oħra skont liġi li tapplika jew li ġiet mgħoddija skont il-Kostituzzjoni.
Ġerarkija ta' normi
Wara l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru mal-Unjoni Ewropea, il-ġerarkija tan-normi fir-Repubblika ta’ Ċipru hija kif ġej:
- IL-LIĠI TAL-UNJONI EWROPEA
- IL-KOSTITUZZJONI TAR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU
- KONVENZJONIJIET/ TRATTATI/FTEHIMIET INTERNAZZJONALI
- LIĠIJIET FORMALI
- ATTI REGOLATORJI
- IL-ĠURISPRUDENZA TAL-QORTI SUPREMA
- IL-COMMON LAW U L-PRINĊIPJI TA’ EKWITÀ
Il-common law u l-prinċipji ta’ ekwità huma sors tal-liġi Ċiprijotta u jiġu applikati f’każijiet fejn ma jkun hemm l-ebda dispożizzjoni leġiżlattiva oħra jew l-ebda qafas istituzzjonali ieħor.
Istituzzjonijiet responsabbli għall-adozzjoni ta' regoli legali
Il-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru tagħmel distinzjoni ċara bejn tliet stati. Il-poteri eżekuttivi jiġu eżerċitati mill-President, mill-Viċi President u mill-Kunsill Ministerjali, il-poteri ġudizzjarji jiġu eżerċitati mill-qrati tar-Repubblika, u l-poteri leġiżlattivi jiġu eżerċitati mill-Kamra tar-Rappreżentanti, li hija l-entità leġiżlattiva suprema tar-Repubblika. Għalkemm il-Kamra tar-Rappreżentanti hija l-entità leġiżlattiva suprema, l-eżekuttiv għandu l-faċilità li jistabbilixxi r-regoli tal-liġi meħtieġa sabiex tkun applikata liġi u li jirrispondi għall-għadd ta’ każijiet fejn jista’ jkun meħtieġ li tiġi applikata. Dawn il-poteri li huma kkonferiti lill-amministrazzjoni biex tippromulga r-regoli tal-liġi addizzjonali meħtieġa għall-applikazzjoni u għall-eżekuzzjoni ta’ liġi huma magħrufa bħala poteri regolatorji.
Proċess deċiżjonali
Il-proċedura biex tgħaddi liġi tibda meta proposta għal abozz ta’ liġi jew abbozz ta’ liġi titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Ir-Rappreżentanti għandhom id-dritt li jqiegħdu proposta għal abbozz ta’ liġi fuq il-medja tal-Kamra filwaqt li l-ministri għandhom id-dritt li fuq il-medja tal-Kamra jqiegħdu abbozz ta’ liġi. L-abbozzi kollha tal-liġijiet u l-proposti kollha għal abbozzi ta’ liġijiet li jitqiegħdu fuq il-medja tal-Kamra tar-Rappreżentanti għall-ewwel ikunu suġġetti għal dibattitu mill-kumitat parlamentari kompetenti u mbagħad jgħaddu mill-istadju tad-dibattitu waqt sessjoni plenarja tal-Kamra.
Il-liġijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-Kamra tar-Rappreżentanti jgħaddu b’maġġoranza sempliċi tar-rappreżentanti preżenti u li jivvotaw u, ladarba jgħaddu, jiġu nnotifikati lill-Uffiċċju tal-President tar-Repubblika, li jew joħroġhom billi jippromulgahom fil-Gazzetta tal-Gvern tar-Repubblika jew jibgħathom lura quddiem il-Kamra tar-Rappreżentanti biex jiġu eżaminati mill-ġdid, f’liema każ, jekk il-Kamra tikkonferma d-deċiżjoni tagħha, il-President irid joħroġ il-liġi inkwistjoni, sakemm ma jeżerċitax id-dritt kostituzzjonali tiegħu li jirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Suprema sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar jekk il-liġi hiex konformi mal-Kostituzzjoni jew mal-liġi tal-UE. Jekk il-Qorti tiddeċiedi li l-liġi tkun konformi, din tiġi ppromulgata immedjatament; jekk il-Qorti tiddeċiedi li m’hemmx konformità, il-liġi ma tiġix ippromulgata.
Il-liġijiet jitniżżlu fil-ktieb tal-istatuti malli jiġu ppromulgati fil-Gazzetta tal-Gvern tar-Repubblika jew fid-data stipulata fil-liġi u jistgħu jiġu rrevokati permezz ta’ liġi oħra jew b’mod impliċitu f’ċerti ċirkustanzi.
Bażijiet tad-dejta legali
Fir-Repubblika ta’ Ċipru huma disponibbli l-bażijiet tad-dejta legali li ġejjin:
- Sors ta' Informazzjoni Legali Ċiprijotta
- IL-PORTAL LEGALI TA’ ĊIPRU (ΝΟΜΙΚΟΣ ΚΟΜΒΟΣ ΣΤΟ ΔΙΑΔΙΚΤΥΟ)
L-aċċess għall-bażijiet tad-dejta huwa mingħajr ħlas?
L-aċċess għal CYLAW huwa mingħajr ħlas. Il-PORTAL LEGALI TA’ ĊIPRU huwa aċċessibbli biss għall-abbonati.
Deskrizzjoni fil-qosor
1. Sors ta' Informazzjoni Legali Ċiprijotta (CYLAW)
CyLaw ġiet stabbilita f’Jannar 2002 bħala bażi tad-dejta mhux għal skopijiet ta’ lukru sabiex tkun ipprovduta informazzjoni legali mingħajr ħlas u indipendenti dwar u aċċess għas-sorsi tal-liġi Ċiprijotta bħala parti mill-moviment internazzjonali għal aċċess mingħajr ħlas għal-liġi li tiegħu Ċipru huwa membru. Il-bażijiet tad-dejta Cylaw jinkludu sentenzi mogħtija mill-Qorti Suprema u mill-Qorti tal-Familja tat-tieni istanza sa mill-1997, ir-regoli tal-proċedura ċivili u numru ta’ artikli u ta’ testi legali.
Is-sentenzi inklużi fil-bażi tad-dejta CyLaw kienu rreġistrati f’format elettroniku mill-Qorti Suprema. It-testi tas-sentenzi inklużi huma testi awtentiċi, kif ippronunzjathom il-Qorti Suprema, bla ebda interferenza jew korrezzjoni.
2. Il-Portal Legali ta’ Ċipru
Il-Portal Legali ta’ Ċipru jipprovdi aċċess faċli, fost l-oħrajn, għal artikli ġurnalistiċi, testi u artikli ta’ interess immedjat għal kull min huwa involut fi kwistjonijiet legali u aċċess għal bażi tad-dejta legali bi ħlas li tinkludi l-bażijiet tad-dejta tal-“Leġiżlazzjoni” (‘Νομοθεσία’) u tal-“Ġurisprudenza” (‘Νομολογία’) tar-Repubblika ta’ Ċipru.
Id-Direttorju tal-Liġijiet (Ευρετήριο των Νόμων) jinkludi direttorju tal-liġijiet kollha jew li jinsabu fil-ktieb tal-istatuti jew li ġew irrevokati kif ukoll direttorju tar-regolamenti relatati kollha. Dawn id-direttorji jiġu aġġornati b’mod kostanti meta tiġi ppubblikata l-Gazzetta tal-Gvern.
Fid-Direttorju tal-Ġurisprudenza (Eυρετήριο της Νομολογίας) hemm il-faċilità li tfittex għat-test ta’ kwalunkwe deċiżjoni permezz ta’ diversi kriterji ta’ tiftix.
Links relatati
Uffiċċju Legali (Uffiċċju Legali)
Kamra tar-Rappreżentanti (Βουλή των Αντιπροσώπων)
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.