Sib informazzjoni għal kull reġjun
Sorsi tal-liġi
Is-sorsi prinċipali tal-liġi fil-ġuriżdizzjoni tal-Ingilterra u Wales tar-Renju Unit huma:
- Leġiżlazzjoni primarja fil-forma ta’ Atti tal-Parlament tar-Renju Unit, Atti tal-Assemblea Nazzjonali għal Wales u Miżuri tal-Assemblea Nazzjonali ta' Wales
- Id-dritt tal-Unjoni Ewropea
- Leġiżlazzjoni sekondarja (jew sussidjarja) fil-forma ta’ strumenti statutorji magħmula mis-Sovran, il-gvern tar-Renju Unit, il-gvern tal-Assemblea għal Wales jew awtorità oħra. Xi leġiżlazzjoni sussidjarja oħra tista’ ssir bħala ordnijiet amministrattivi.
- Id-dritt komuni kif żviluppat permezz ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji
Tipi ta' strumenti ġuridiċi – deskrizzjoni
Il-leġiżlazzjoni primarja, jew l-Atti tal-Parlament, isiru mill-Parlament tar-Renju Unit f’Londra u jistgħu japplikaw għar-Renju Unit kollu jew għal kwalunkwe parti minnu. L-Assemblea Nazzjonali għal Wales tista' tgħaddi Atti dwar 20 qasam devolut elenkat fl-Iskeda 7 mal-Att tal-2006 dwar il-Gvern ta' Wales. Leġiżlazzjoni primarja oħra tista’ ssir mis-Sovran, minħabba l-prerogattiva li għandu, f’diversi forom, bħal Ordnijiet fil-Kunsill, Proklamazzjonijiet, Mandati Rjali, Struzzjonijiet Irjali, Regolamenti u Letters Patent.
Il-leġiżlazzjoni sekondarja ssir skont is-setgħat ikkonferiti minn jew skont l-istatut tal-Maestà Tagħha fil-Kunsill jew ta’ Ministru, dipartiment (Ministeru), Ministri ta’ Wales jew entità jew persuna oħra. Din tissejjaħ anki leġiżlazzjoni delegata jew sekondarja, u l-istatut li jagħti s-setgħa jissejjaħ l-Att li jagħti l-possibbiltà jew is-setgħa jew l-Att “prinċipali”. Il-leġiżlazzjoni sekondarja jista' jkollha diversi ismijiet: bħal Ordnijiet fil-Kunsill, Regolamenti jew Regoli, li kollha kemm huma, kollettivament, jistgħu jissejħu “Strumenti Statutorji” jew “Regoli Statutorji”.
F’Lulju 1999, ċerti setgħat li jfasslu l-liġijiet kienu ttrasferiti mill-Parlament tar-Renju Unit lill-Assemblea Nazzjonali għal Wales f’Cardiff. L-Assemblea ngħatat is-setgħa li tagħmel strumenti statutorji li jolqtu lil Wales, imma l-leġiżlazzjoni primarja dwar l-affarijiet ta’ Wales baqgħet issir mill-Parlament tar-Renju Unit. Wara l-Att dwar il-Gvern ta’ Wales tal-2006, l-Assemblea ngħatat is-setgħa li tgħaddi Miżuri (leġiżlazzjoni primarja) dwar l-affarijiet ta’ Wales li l-Parlament tar-Renju Unit approva l-ordnijiet ta’ kompetenza leġiżlattiva għalihom li jkopru s-suġġetti stabbiliti fl-Att. Il-Miżuri, madankollu, iridu jitressqu għall-approvazzjoni tas-Sovran fil-Kunsill qabel ma jkunu jistgħu jsiru liġi. L-Assemblea hija responsabbli għal kwistjonijiet li jinkludu l-iżvilupp ekonomiku, l-edukazzjoni, l-ambjent, is-saħħa, id-djar, it-turiżmu u t-trasport; imma mhix responsabbli għad-dritt ċivili jew id-dritt kriminali. Il-leġiżlazzjoni ta’ Wales li ssir mill-Assemblea u mill-Ministri ta’ Wales (il-gvern tal-Assemblea għal Wales) issir kemm bl-Ingliż kif ukoll bl-ilsien ta’ Wales.
Is-setgħa biex isiru trattati internazzjonali f’isem ir-Renju Unit hija tal-Kuruna – jiġifieri, tas-Sovran skont il-Prerogattiva Rjali, li jaġixxi fuq il-parir tal-Gvern tar-Renju Unit. Fil-mument, il-Parlament tar-Renju Unit ma għandu l-ebda rwol formali fit-tfassil tat-trattati, imma fejn trattat jeħtieġ emenda fil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit jew għotja ta’ flejjes pubbliċi, il-Parlament jivvota dwar dan bil-mod normali. It-Trattati kollha tal-UE jeħtieġu leġiżlazzjoni biex jiġu implimentati fir-Renju Unit u għalhekk huma suġġetti għall-iskrutinju tal-Parlament. La jidħol fis-seħħ l-Att dwar ir-Riforma Kostituzzjonali u l-Governanza tal-2010 trattat ma jkunx jista' jiġi rratifikat biss jekk (a) Ministru tal-Kuruna jkun l-ewwel nett ressaq kopja tat-trattat quddiem il-Parlament, (b) it-trattat ikun ġie ppubblikat u (c) ikun skada perjodu ta' 21 ġurnata ta' seduti mingħajr ma l-ebda Kamra tal-Parlament tkun iddeċidiet li t-trattat ma għandux jiġi rratifikat.
Ġerarkija ta' normi
Fejn ikun hemm kunflitti bejn is-sorsi tal-liġi differenti, il-forum prinċipali biex dawn ikunu solvuti huma l-qrati. It-tilwim dwar l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni ukoll jista’ jiġi solvut mill-qrati. Madankollu, peress li fir-Renju Unit ma hemm l-ebda “kostituzzjoni miktuba”, mhux possibbli li Att tal-Parlament jiġi kkontestat fil-qorti għaliex ikun “antikostituzzjonali”. Skont id-duttrina kostituzzjonali tas-“sovranità parlamentari”, il-Parlament tar-Renju Unit huwa l-awtorità leġiżlattiva suprema, fis-sens li jista’ jagħmel u jirrevoka kwalunkwe liġi, u li l-ebda entità oħra ma tista’ tirrevoka jew tiddubita l-validità ta’ Att tal-Parlament.
Madankollu, id-duttrina tas-sovranità parlamentari hija kkwalifikata mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea tar-Renju Unit. Bis-saħħa tal-Att dwar il-Komunitajiet Ewropej tal-1972, il-liġi tal-Unjoni Ewropea tifforma parti mil-liġi tal-Ingilterra u Wales (kif ukoll tal-Iskozja u tal-Irlanda ta’ Fuq). Il-leġiżlazzjoni domestika trid tiġi interpretata b’tali mod li, kull fejn ikun possibbli, tkun konformi mal-liġi tal-UE.
L-Att dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1998, li kien jinkorpora l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-liġi tar-Renju Unit, jagħti lill-qrati setgħa oħra li permezz tagħha jistgħu jiġu kkontestati l-Atti tal-Parlament. Sa fejn ikun possibbli, il-leġiżlazzjoni domestika trid tiġi interpretata b’mod li jkun kompatibbli mad-drittijiet stabbiliti fil-Konvenzjoni.
Id-deċiżjonijiet tal-qrati, u b’mod partikolari dawk tal-qrati tal-appell, għandhom rwol importanti fl-iżvilupp tal-liġi. Mhux biss jipprovdu deċiżjonijiet awtorevoli dwar l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni, imma jifformaw ukoll il-bażi tad-dritt komuni, li ġejja mid-deċiżjonijiet tal-qrati f’kawżi preċedenti (jew il-ġurisprudenza).
Rigward liema deċiżjonijiet tal-qrati jorbtu liema qrati oħrajn, il-prinċipju ġenerali huwa li qorti tkun marbuta b’deċiżjonijiet preċedenti li ttieħdu minn qorti superjuri.
Rigward kwistjonijiet tal-liġi tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja hija l-ogħla awtorità. Il-Law Lords fil-House of Lords aġixxew bħala l-Qorti Suprema tar-Renju Unit, iżda ġew sostitwiti mill-Qorti Suprema l-ġdida li bdiet topera mill-1 ta’ Ottubru 2009. Il-Law Lords eżistenti saru l-ewwel Imħallfin tal-Qorti Suprema, u s-Senior Law Lord sar il-President.
Qafas istituzzjonali
Istituzzjonijiet responsabbli għall-adozzjoni ta' regoli ġuridiċi u l-proċess deċiżjonali
Il-leġiżlazzjoni primarja ssir mill-Parlament tar-Renju Unit f’Londra. Qabel ma proposta għal leġiżlazzjoni (magħrufa bħala Abbozz ta’ Liġi) tkun tista’ ssir Att tal-Parlament, din trid tkun approvata miż-żewġt Ikmamar tal-Parlament: il-House of Commons u l-House of Lords. L-istadji li ġejjin iseħħu fiż-żewġt Ikmamar:
- L-ewwel qari (introduzzjoni formali tal-Abbozz mingħajr dibattitu)
- It-tieni qari (dibattitu ġenerali)
- L-istadju tal-kumitat (eżami dettaljat, dibattitu u emendi. Fil-House of Commons dan l-istadju normalment iseħħ f’Kumitat tal-Abbozzi Pubbliku)
- Stadju tar-rapport (opportunità għal emendi ulterjuri)
- It-tielet qari (opportunità finali għal dibattitu; huma possibbli emendi quddiem il-Lords).
Ladarba l-Abbozz jgħaddi miż-żewġt Ikmamar, dan jerġa’ jintbagħat fl-ewwel Kamra (fejn beda) biex jiġu kkunsidrati l-emendi tat-tieni Kamra.
Iż-żewġt Ikmamar iridu jaqblu fuq it-test finali. Jista’ jkun hemm diversi sensiliet ta’ skambji bejn iż-żewġt Ikmamar sakemm jintlaħaq ftehim fuq kull kelma tal-Abbozz. Ladarba dan iseħħ, l-Abbozz jista’ jitressaq għall-Kunsens Irjali.
Il-leġiżlazzjoni primarja ssir ukoll mill-Assemblea Nazzjonali għal Wales. Qabel ma Abbozz ta' liġi jsir Att tal-Assemblea, irid jiġi kkunsidrat u jgħaddi mill-Assemblea u jingħata l-Kunsens Irjali mill-mornarkija. Att tal-Assemblea huwa liġi, u jkun eżegwit fiż-żoni kollha ta' Wales fejn ikun applikabbli.
Ġeneralment ikun hemm proċess b'erba' stadji għall-kunsiderazzjoni ta' Abbozz tal-Gvern fl-Assemblea li huwa kif ġej:
Stadju 1: Kunsiderazzjoni tal-prinċipju ġenerali tal-Abbozz jew Miżura minn kumitat (jew kumitati), u qbil dwar dawk il-prinċipji ġenerali mill-Assemblea.
Stadju 2: Kunsiderazzjoni dettaljata minn Kumitat dwar l-Abbozz jew Miżura u kwalunkwe emenda proposta mill-Membri tal-Assemblea.
Stadju 3: Kunsiderazzjoni dettaljata mill-Assemblea dwar l-Abbozz jew Miżura u kwalunkwe emenda proposta mill-Membri tal-Assemblea. L-Uffiċjali li jippresjedi jiddeċiedi liema emendi jiġu kkunsidrati mill-Assemblea.
Stadju 4: Vot mill-Assemblea biex jgħaddi t-test finali tal-Abbozz jew Miżura.
Meta Abbozz ta’ Liġi jkun għadda mill-istadji parlamentari kollha fil-Parlament tar-Renju Unit jew l-Assemblea ta' Wales, huwa jintbagħat lis-Sovrana għall-Kunsens Irjali, u wara dan isir Att. Il-Miżuri tal-Assemblea Nazzjonali għal Wales iridu jitressqu għall-approvazzjoni tar-Reġina fil-Kunsill.
Il-leġiżlazzjoni primarja ġeneralment tista’ tiġi emendata jew irrevokata biss minn leġiżlazzjoni primarja ġdida. Madankollu, hemm eċċezzjonijiet fejn jistgħu jsiru ċerti emendi u revoki permezz ta’ strument statutorju. Dan jinkludi fejn ikun hemm obbligi implimentattivi tal-UE jew biċċa riforma leġiżlattiva li tnaqqas jew telimina l-piżijiet regolatorji. Ordnijiet ta’ din ix-xorta, madankollu, iridu jkunu approvati permezz ta’ riżoluzzjoni affermattiva taż-żewġt Ikmamar tal-Parlament qabel ma jsiru.
Il-leġiżlazzjoni primarja tidħol fis-seħħ skont id-dispożizzjonijiet tal-bidu inklużi fl-Att jew fil-Miżura. L-Att jew il-Miżura tista’ tispeċifika data partikolari għad-dħul fis-seħħ. Dan jista’ jkun minnufih wara l-Kunsens Irjali, f’data speċifikata (ġeneralment mill-inqas xahrejn wara l-Kunsens Irjali) jew data li għandha tiġi speċifikata minn Ministru jew minn dipartiment permezz ta’ ordni ta’ bidu (strument statutorju). Għal dispożizzjonijiet differenti ta’ Att jistgħu jiġu speċifikati dati differenti.
Id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ kwalunkwe biċċa leġiżlazzjoni sekondarja ġeneralment tkun speċifikata fl-istrument innifsu. B’mod eċċezzjonali, id-data tal-bidu tista’ ssir bil-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-gazzetta uffiċċjali (il-London Gazette).
Bażijiet tad-dejta ġuridiċi
Legislation.gov.uk, ġestit mill-Arkivji Nazzjonali, huwa s-sit uffiċjali tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit.
Legislation.gov.uk jipprovdi aċċess għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit li jkopri l-leġiżlazzjonijiet kollha (l-Ingilterra, l-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta' Fuq). Is-sit fih il-leġiżlazzjoni Ġenerali mill-1988 sal-lum, il-parti l-kbira tal-leġiżlazzjoni primarja ta' qabel l-1988 kemm fil-verżjonijiet oriġinali u kemm f'dawk riveduti, u għażla kbira ta' leġiżlazzjoni sekondarja mill-1948 'il quddiem meta din il-leġiżlazzjoni tkun għadha fis-seħħ.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.