Sorsi legali
Il-Liġi Bażika (Grundgesetz) hija l-Kostituzzjoni Ġermaniża, li tipprovdi l-qafas għas-sistema legali u l-valuri tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. B’mod partikolari, din tistipula dan li ġej:
- id-drittijiet fundamentali bħala l-prinċipji gwida supremi
- l-istruttura fundamentali u l-prinċipji strutturali essenzjali tal-istat u tal-korpi governattivi tiegħu
- il-prinċipji li permezz tagħhom isiru l-elezzjonijiet għall-Bundestag (it-tieni kamra tal-Parlament Ġermaniż)
- il-bażi għall-istatus u għad-drittijiet tal-membri eletti b’mod demokratiku tal-Bundestag
- il-mod kif il-Bundestag huwa organizzat u jopera
- ir-responsabbiltajiet u l-organizzazzjoni tal-Bundesrat (il-kamra superjuri tal-Parlament Ġermaniż li permezz tagħha l-Länder [l-istati federali] jipparteċipaw fil-proċess leġiżlattiv fil-livell federali)
- it-tqassim tal-kompetenzi leġiżlattivi u amministrattivi bejn il-Federazzjoni u l-Länder
- il-prinċipji fundamentali li fuqhom hija bbażata l-organizzazzjoni tal-qrati.
Tipi ta’ strumenti legali - deskrizzjoni
Is-sorsi ewlenin bil-miktub tad-dritt nazzjonali Ġermaniż huma l-Liġi Bażika, il-leġiżlazzjoni, l-istrumenti statutorji u l-liġijiet amministrattivi.
Leġiżlazzjoni
Il-leġiżlazzjoni f’sens materjali hija astratta u ġenerali b’effett estern, filwaqt li l-leġiżlazzjoni f’sens formali hija att legali li ġie adottat mill-korpi leġiżlattivi kompetenti f’konformità mal-proċedura kostituzzjonali.
Il-Ġermanja hija stat federali magħmul minn 16-il stat kostitwent – il-Länder. Għaldaqstant, hemm liġijiet federali, li japplikaw fit-territorju kollu tal-Federazzjoni, u liġijiet tal-Land, li huma validi biss fil-Land ikkonċernat. Kull Land għandu l-kostituzzjoni tiegħu stess u, fil-qafas tal-kompetenzi assenjati lilu mil-Liġi Bażika, għandu wkoll is-setgħa jadotta leġiżlazzjoni kif ukoll strumenti statutorji u liġijiet amministrattivi.
Il-kompetenzi leġiżlattivi tal-Federazzjoni u tal-Länder huma rregolati fid-dettall mil-Liġi Bażika. Il-Länder għandhom setgħat leġiżlattivi, sakemm dawn is-setgħat ma jkunux ġew ittrasferiti lill-gvern federali skont il-Liġi Bażika. Is-setgħat leġiżlattivi ewlenin tal-Federazzjoni huma stabbiliti fl-Artikolu 71 sa 74 tal-Liġi Bażika. Barra minn hekk, f’diversi partijiet il-Liġi Bażika tistabbilixxi setgħat leġiżlattivi ulterjuri tal-Federazzjoni.
Setgħa leġiżlattiva esklużiva tal-Federazzjoni
F’oqsma soġġetti għas-setgħa leġiżlattiva esklużiva tal-Federazzjoni, il-Länder għandhom biss is-setgħa jadottaw leġiżlazzjoni fejn il-liġi federali espressament tawtorizzahom jagħmlu dan (l-Artikolu 71 tal-Liġi Bażika).
Skont l-Artikolu 73 tal-Liġi Bażika, il-Federazzjoni għandha setgħa leġiżlattiva esklużiva fl-oqsma li ġejjin (fost oħrajn): il-kwistjonijiet kollha marbuta mal-politika barranija, id-difiża (inkluża l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili), iċ-ċittadinanza, il-libertà ta’ moviment, il-passaporti, ir-reġistrazzjoni tar-residenza u l-karti tal-identità, l-immigrazzjoni, l-emigrazzjoni u l-estradizzjoni, il-munita u l-flus, l-għaqda taż-żona doganali u ta’ kummerċ, it-trasport bl-ajru, il-kooperazzjoni bejn il-Federazzjoni u l-Länder dwar il-ħidma tal-pulizija f’kuntest kriminali, u l-liġi dwar l-armi u l-isplussivi.
Setgħat leġiżlattivi konkorrenti
F’oqsma soġġetti għal leġiżlazzjoni konkorrenti, il-Länder għandhom id-dritt jadottaw leġiżlazzjoni bil-patt u sakemm il-Federazzjoni ma teżerċitax is-setgħat leġiżlattivi tagħha fl-istess qasam (l-Artikolu 72 tal-Liġi Bażika). L-oqsma legali suġġetti għal leġiżlazzjoni konkorrenti jinkludu: il-liġi ċivili, il-liġi kriminali u l-liġi dwar it-traffiku fit-toroq, kif ukoll il-liġi ta’ assoċjazzjoni, il-liġi dwar ir-residenza u l-istabbiliment ta’ persuni ta’ nazzjonalità barranija, il-liġi dwar kwistjonijiet ekonomiċi, il-liġi dwar l-impjiegi, il-liġi dwar is-sigurtà soċjali u ċerti aspetti tal-protezzjoni tal-konsumatur. Fir-rigward ta’ ċerti kwistjonijiet li fl-Artikolu 74 tal-Liġi Bażika huma elenkati bħala li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni konkorrenti, il-Federazzjoni għandha d-dritt tadotta leġiżlazzjoni biss jekk u sakemm l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ta’ għajxien ekwivalenti fil-Ġermanja jew iż-żamma ta’ għaqda legali jew ekonomika teħtieġ ir-regolamentazzjoni federali fl-interess nazzjonali.
Strument statutorju
L-istrument statutorju huwa regolament ta’ applikazzjoni astratta u ġenerali b’effett estern li jiġi adottat mill-eżekuttiv abbażi ta’ awtorizzazzjoni statutorja xierqa.
Liġi amministrattiva
Il-liġi amministrattiva hija dispożizzjoni legali ta’ applikazzjoni astratta u ġenerali li tista’ tiġi adottata minn persuna ġuridika organizzata skont id-dritt pubbliku fil-qafas tal-awtonomija mogħtija lilha legalment u li tkopri lill-persuni li jappartjenu għar-regoli ta’ dik il-persuna ġuridika jew jaqgħu taħthom.
Status ta’ dritt konswetudinarju u ta’ ġurisprudenza
Minbarra s-sorsi bil-miktub tad-dritt, hemm sorsi mhux miktuba tad-dritt, inkluż il-prinċipji ġenerali stabbiliti fid-dritt internazzjonali u fid-dritt konswetudinarju. Bħala prinċipju l-ġurisprudenza mhijiex sors legali, minkejja li għandha rwol importanti fil-prattika. Ċerti deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali Federali (il-Bundesverfassungsgericht) waħedhom għandhom is-saħħa ta’ liġi.
Sorsi internazzjonali tad-dritt u d-dritt tal-Unjoni Ewropea
Skont l-Artikolu 25 tal-Liġi Bażika, ir-regoli ġenerali tad-dritt internazzjonali jingħataw rwol speċifiku fi ħdan il-ġerarkija nazzjonali tan-normi: f’konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 25 tal-Liġi Bażika, dawn huma parti integrali mid-dritt federali, filwaqt li t-tieni sentenza tal-Artikolu 25 tistipula li jieħdu preċedenza fuq il-leġiżlazzjoni; għalhekk, ir-regoli ġenerali tad-dritt internazzjonali jinsabu bejn il-Kostituzzjoni u l-leġiżlazzjoni fil-ġerarkija nazzjonali tan-normi.
F’konformità mal-Artikolu 59(2)(1) tal-Liġi Bażika, it-trattati internazzjonali li għandhom x’jaqsmu ma’ kwistjonijiet ta’ leġiżlazzjoni federali jridu jiġu approvati mill-korpi kompetenti fil-forma ta’ liġi federali sabiex japplikaw domestikament. Għalhekk, fil-ġerarkija nazzjonali tan-normi dawn jiġu kklassifikati biss fl-istess livell bħal liġi federali.
Id-Dritt tal-Unjoni Ewropea
Dispożizzjonijiet kostituzzjonali speċifiċi japplikaw għall-parteċipazzjoni tal-Ġermanja fl-UE (l-Artikolu 23 tal-Liġi Bażika) u għal sitwazzjonijiet oħra li fihom is-setgħat sovrani jiġu ttrasferiti lil organizzazzjonijiet internazzjonali (l-Artikolu 24 tal-Liġi Bażika) permezz tal-konklużjoni ta’ trattati internazzjonali.
Skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 23 tal-Liġi Bażika, il-leġiżlazzjoni primarja tal-UE tapplika domestikament fil-Ġermanja skont l-att meħtieġ għal dan il-għan (li jeħtieġ ukoll il-kunsens tal-Bundesrat); fil-prinċipju, il-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE (eż. ir-Regolamenti) applikabbli direttament tapplika fil-Ġermanja abbażi tal-istatus tagħha; il-leġiżlazzjoni sekondarja li teħtieġ traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali (eż. Direttivi) fil-prinċipju ssir applikabbli biss fil-Ġermanja meta tiġi adottata l-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni; f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-każ ta’ liġi domestika kunfliġġenti, id-dritt tal-UE fil-prinċipju japplika bi preminenza u l-liġi nazzjonali trid tiġi interpretata b’mod li jkun konformi mad-dritt tal-UE u jtaffi kunflitt bħal dan, sa fejn il-liġi nazzjonali inkwistjoni tħalli lok għall-interpretazzjoni.
L-aktar atti/leġiżlazzjoni importanti
Id-dritt kostituzzjonali
Il-Liġi Bażika għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Grundgesetz, GG) - Traduzzjoni bl-Ingliż
L-Att dwar il-Qorti Kostituzzjonali Federali (Gesetz über das Bundesverfassungsgericht, BVerfGG) - Traduzzjoni bl-Ingliż
Id-dritt ċivili
Il-Kodiċi Ċivili (Bürgerliches Gesetzbuch, BGB) - Traduzzjoni bl-Ingliż
Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung, ZPO) - Traduzzjoni bl-Ingliż
Id-dritt kummerċjali
Il-Kodiċi Kummerċjali (Handelsgesetzbuch, HGB) - Traduzzjoni bl-Ingliż
L-Att dwar il-Kumpaniji b’Ishma (Aktiengesetz, AktG) - Traduzzjoni bl-Ingliż
L-Att dwar il-Kumpaniji b’Responsabbiltà Limitata (Gesetz betreffend die Gesellschaften mit beschränkter Haftung, GmbHG) - Traduzzjoni bl-Ingliż
Id-dritt amministrattiv
Il-Kodiċi tal-Proċedura tal-Qorti Amministrattiva (Verwaltungsgerichtsordnung, VwGO) - Traduzzjoni bl-Ingliż
L-Att dwar il-Proċedura Amministrattiva (Verwaltungsverfahrensgesetz, VwVfG)
Id-dritt kriminali
Il-Kodiċi Kriminali (Strafgesetzbuch, StGB) - Traduzzjoni bl-Ingliż
Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Strafgesetzbuch, StGB) - Traduzzjoni bl-Ingliż
Ġerarkija ta’ normi
Il-Liġi Bażika tinsab fil-quċċata tan-normi nazzjonali. Hija superjuri għas-sorsi l-oħra kollha tal-liġi nazzjonali u, bħala l-Kostituzzjoni, hija l-istrument li fuqu tistrieħ is-sistema legali Ġermaniża kollha. Kull dispożizzjoni legali adottata fil-Ġermanja għandha tkun kompatibbli mal-Liġi Bażika kemm fil-forma kif ukoll fis-sustanza. Għal dan il-għan, l-Artikolu 20(3) tal-Liġi Bażika jispeċifika li l-leġiżlatura hija marbuta bl-ordni kostituzzjonali, u l-eżekuttiv u l-ġudikatura bil-liġi u bil-ġustizzja. Barra minn hekk, il-leġiżlatura, l-eżekuttiv u l-ġudikatura huma b’mod partikolari marbuta bid-drittijiet bażiċi stabbiliti fl-Artikolu 1 sa 19 tal-Liġi Bażika, li huma liġi direttament applikabbli (l-Artikolu 1(3)). Fl-aħħar mill-aħħar il-preċedenza tal-Liġi Bażika hija garantita mill-Qorti Kostituzzjonali Federali. Il-Qorti Kostituzzjonali Federali biss tista’ tiddikjara att tal-Parlament bħala invalidu f’każ li tali att ma jkunx skont il-kostituzzjoni.
L-Artikolu 79(2) jistabbilixxi li l-Liġi Bażika tista’ tiġi emendata biss b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Bundestag u żewġ terzi tal-voti tal-Bundesrat, li huwa l-organu li permezz tiegħu l-Länder jipparteċipaw fil-promulgazzjoni tal-leġiżlazzjoni fi ħdan il-Federazzjoni, u fl-amministrazzjoni tagħha, u fi kwistjonijiet li jirrigwardaw l-Unjoni Ewropea. Ċerti komponenti ewlenin tal-Liġi Bażika – jiġifieri l-qasma tal-Federazzjoni f’Länder, il-parteċipazzjoni tagħhom, fil-prinċipju, fil-proċess leġiżlattiv u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 1 u 20 – bl-ebda mod ma jistgħu jiġu emendati (l-Artikolu 79(3), l-hekk imsejħa klawżola eterna, li tiggarantixxi li deċiżjonijiet kostituzzjonali fundamentali stipulati fil-Liġi Bażika jinżammu).
Ir-regoli ġenerali tad-dritt internazzjonali jikklassifikaw taħt il-Kostituzzjoni iżda ’l fuq mil-liġijiet tal-Federazzjoni u tal-Länder. Dawn ir-regoli ġenerali jinkludu d-dritt internazzjonali konswetudinarju u l-prinċipji ġenerali tad-dritt internazzjonali, iżda mhux id-dritt kuntrattwali internazzjonali. Il-Liġi Bażika tiddikjara b’mod espliċitu li dawn ir-regoli ġenerali huma parti integrali mid-dritt federali, li jieħdu preċedenza fuq dawn il-liġijiet u li joħolqu direttament drittijiet u dmirijiet għall-abitanti tat-territorju federali (l-Artikolu 25). Dawn ir-regoli ġenerali tad-dritt internazzjonali b’effett legali għall-individwi (jiġifieri regoli mfassla għall-protezzjoni tal-individwu) jinkludu, b’mod partikolari, il-garanzija ta’ forma xierqa ta’ protezzjoni legali għall-barranin jew ir-“regola ta’ speċjalità”, li permezz tagħha proċedimenti kriminali huma soġġetti għat-termini tal-awtorizzazzjoni għall-estradizzjoni tal-istat barrani li qed jagħmel l-estradizzjoni.
Il-leġiżlazzjoni ordinarja tinsab f’pożizzjoni subordinata għall-Kostituzzjoni. Il-Bundestag flimkien mal-Bundesrat jgħaddu l-liġijiet. L-abbozzi ta’ liġijiet jistgħu jiġu introdotti fil-Bundestag mill-Gvern Federali, mill-Bundesrat, jew mill-membri tal-Bundestag (minn grupp parlamentari jew minn tal-anqas 5 % tal-membri tiegħu). Il-Liġi Bażika tispeċifika l-każijiet li fihom l-approvazzjoni finali ta’ liġi mill-Bundestag teħtieġ il-kunsens tal-Bundesrat (attwalment – skont il-materjal statistiku ppubblikat mill-Bundesrat fuq is-sit web tiegħu – madwar 38 % tal-liġijiet kollha). Fir-rigward tal-bqija tal-liġijiet li jgħaddi l-Bundestag, il-Bundesrat jista’ joġġezzjona biss għal abbozz ta’ liġi adottat mill-Bundestag; min-naħa tiegħu l-Bundestag jista’ ma jilqax din l-oġġezzjoni. Fejn ikun hemm differenzi ta’ opinjoni bejn il-Bundestag u l-Bundesrat, jista’ jitlaqqa’ kumitat komuni għall-kunsiderazzjoni konġunta tal-abbozz tal-liġijiet (il-Kumitat ta’ Medjazzjoni) magħmul minn għadd indaqs ta’ membri tal-Bundestag u tal-Bundesrat (attwalment 16-il membru kull wieħed). Ir-rwol tal-Kumitat ta’ Medjazzjoni huwa li jipproduċi proposti sabiex tintlaħaq l-unanimità, għalkemm huwa ma jistax jieħu deċiżjonijiet f’isem il-Bundestag u l-Bundesrat.
L-istrumenti statutorji huma subordinati għal-leġiżlazzjoni u jistgħu jinħarġu mill-Gvern Federali, minn ministru federali jew mill-gvernijiet tal-Land. Il-liġijiet amministrattivi jikklassifikaw taħt l-istrumenti statutorji u jistgħu jinħarġu minn korp korporattiv organizzat skont il-liġi pubblika (eż. minn muniċipalità).
Proċess leġiżlattiv
Il-liġijiet Ġermaniżi jsiru miż-żewġ kmamar tal-parlament tal-pajjiż. Għalhekk il-Bundestag huwa l-aktar organu leġiżlattiv importanti. Huwa jiddeċiedi dwar il-liġijiet kollha li jaqgħu fl-isfera ta’ kompetenza tal-Federazzjoni fi proċess leġiżlattiv li jeħtieġ ukoll il-parteċipazzjoni tal-Bundesrat.
Skont is-sistema federali tal-Ġermanja, il-Länder għandhom sehem konsiderevoli mis-setgħat tal-istat, u għalhekk il-Bundesrat jipparteċipa wkoll fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni. L-atti kollha jiġu ppreżentati lill-Bundesrat biex jivvota dwarhom u f’każ ta’ leġiżlazzjoni li teħtieġ l-approvazzjoni tiegħu, huwa jista’ saħansitra jwassal biex ċerti abbozzi ta’ atti ma jiġux aċċettati.
Inizjattiva leġiżlattiva
Il-parti l-kbira tal-abbozzi ta’ atti u tal-proposti jitfasslu mill-Gvern Federali. Bħala l-livell ċentrali tal-eżekuttiv, huwa għandu l-akbar esperjenza fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u għarfien dirett ta’ fejn, fil-prattika, hemm bżonn ta’ dispożizzjonijiet statutorji ġodda.
Madankollu, mhux biss il-Gvern Federali iżda anke l-Bundesrat huwa intitolat li jagħtu bidu għall-abbozzi tal-atti.
Il-membri u l-gruppi parlamentari tal-Bundestag għandhom ukoll id-dritt li jintroduċu biċċiet ta’ leġiżlazzjoni ġodda jew riveduti fil-Bundestag bħala abbozzi ta’ atti.
Dawn jiġu diskussi, jsiru deliberazzjonijiet u votazzjonijiet dwarhom fil-Parlament skont proċedura regolata b’mod preċiż.
Inizjattivi introdotti mill-Gvern Federali jew mill-Bundesrat
Jekk il-Gvern Federali jkun jixtieq jipproponi jew jemenda liġi, il-Kanċillier Federali għandu l-ewwel jirreferi l-abbozz lill-Bundesrat.
Bħala regola, il-Bundesrat imbagħad għandu perjodu ta’ 6 ġimgħat biex jagħti l-kummenti tiegħu dwar l-abbozz tal-att, li min-naħa tiegħu l-gvern jista’ jirrispondi b’kontrodikjarazzjoni bil-miktub. Il-Kanċillier Federali mbagħad jgħaddi l-abbozz lill-Bundestag bil-kummenti tal-Bundesrat. Eċċezzjoni waħda għal din il-proċedura hija l-abbozz tal-Att dwar il-Baġit, li jintbagħat simultanjament lill-Bundesrat u lill-Bundestag.
Proċedura simili tapplika meta l-Bundesrat jintroduċi inizjattivi leġiżlattivi. Wara li l-maġġoranza tal-membri tal-Bundesrat ikunu vvutaw favur abbozz ta’ att, dan l-ewwel imur quddiem il-Gvern Federali, li miegħu jehmeż il-kummenti tiegħu, ġeneralment fi żmien 6 ġimgħat, u mbagħad jintbagħat lill-Bundestag.
Inizjattivi introdotti mill-membri tal-Bundestag
L-abbozzi ta’ atti jistgħu jiġu ppreżentati wkoll minn membri tal-Bundestag, f’liema każ iridu jkunu appoġġati jew minn tal-anqas wieħed mill-gruppi parlamentari jew minn tal-anqas 5 % tal-membri tal-Bundestag.
Ma huwiex meħtieġ li l-abbozzi ta’ atti introdotti b’dan il-mod l-ewwel jiġu ppreżentati lill-Bundesrat. Għal din ir-raġuni, il-gvern xi drabi jagħmel arranġamenti biex abbozzi ta’ atti partikolarment urġenti jiġu introdotti fil-Bundestag mill-gruppi parlamentari fil-gvern.
Deliberazzjoni dwar l-abbozz tal-att u l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni
Tqassim tal-punti għad-diskussjoni
Qabel ma jkunu jistgħu jibdew id-deliberazzjonijiet dwar abbozz ta’ att fil-Bundestag, l-ewwel irid jintbagħat lill-President tal-Bundestag u mbagħad jiġi rreġistrat mill-amministrazzjoni.
Imbagħad jitqassam lill-membri kollha tal-Bundestag u tal-Bundesrat, u lill-ministeri federali, bħala dokument stampat jew, ħafna drabi, f’forma elettronika.
Malli l-abbozz ta’ att jitqiegħed fuq l-aġenda tal-plenarja, l-ewwel stadju tal-mogħdija tiegħu mill-Parlament ikun lest: imbagħad jista’ jiġi ppreżentat uffiċjalment fil-forum pubbliku tal-Bundestag.
Tliet proċessi ta’ qari fil-plenarja
Bħala regola, l-abbozzi ta’ atti jiġu diskussi tliet darbiet fil-plenarja tal-Bundestag. Dawn id-dibattiti huma magħrufa bħala qari.
Matul l-ewwel qari, isir dibattitu biss jekk ikun intlaħaq qbil dwar dan fl-Ältestenrat (Kunsill tal-Anzjani, il-korp eżekuttiv tal-Bundestag) jew jekk dan jintalab minn wieħed mill-gruppi parlamentari. Fil-parti l-kbira, dan jiġri meta proġetti leġiżlattivi jkunu partikolarment kontroversjali jew ta’ interess speċjali għall-pubbliku.
L-għan ewlieni tal-ewwel qari huwa li jinħatar kumitat wieħed jew aktar biex jikkunsidraw l-abbozz ta’ att u jippreparawh għat-tieni qari tiegħu. Dan isir abbażi ta’ rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kunsill tal-Anzjani.
F’każ li jkunu nħatru diversi kumitati, kumitat wieħed jingħata r-responsabbiltà ġenerali għad-deliberazzjonijiet dwar il-punt, u għalhekk huwa responsabbli biex l-abbozz ta’ att jgħaddi mill-Parlament. Il-kumitati l-oħra jintalbu jagħtu l-opinjonijiet tagħhom.
Ħidma leġiżlattiva fil-kumitati
Il-ħidma dettaljata dwar il-leġiżlazzjoni ssir fil-kumitati permanenti, li huma magħmula minn membri tal-gruppi parlamentari kollha. Il-membri tal-kumitat jiffamiljarizzaw ruħhom mal-materjal u jiddeliberaw dwaru waqt il-laqgħat tagħhom. Huma jistgħu jistiednu wkoll xi esperti u rappreżentanti tal-gruppi tal-partijiet ikkonċernati għas-seduti pubbliċi.
B’mod parallel għall-ħidma li ssir mill-kumitati, il-gruppi parlamentari jifformaw gruppi ta’ ħidma, li fihom jeżaminaw il-kwistjonijiet ikkonċernati u jiddefinixxu l-pożizzjonijiet tagħhom.
Huwa normali li l-gruppi parlamentari fil-kumitati jsibu pożizzjonijiet komuni. Il-biċċa l-kbira tal-abbozzi ta’ atti jiġu riveduti, xi ftit jew wisq, bħala riżultat ta’ kollaborazzjoni bejn il-gruppi parlamentari tal-gvern u tal-oppożizzjoni.
Wara li jintemmu d-deliberazzjonijiet, il-kumitat bir-responsabbiltà ġenerali għall-abbozz ta’ att jippreżenta rapport lill-plenarja dwar l-andament u l-eżitu tad-deliberazzjonijiet tiegħu. Id-deċiżjoni li jirrakkomanda tifforma l-bażi għat-tieni qari li issa jsir fil-plenarja.
Dibattitu waqt it-tieni qari
Qabel it-tieni qari, il-membri kollha jirċievu r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni ppubblikata f’forma stampata. Għalhekk ikunu ppreparati sew għad-dibattitu. Qabel dan id-dibattitu l-gruppi parlamentari jikkoordinaw ukoll il-pożizzjonijiet tagħhom f’laqgħat interni, sabiex jippreżentaw front magħqud waqt it-tieni qari pubbliku.
Wara d-dibattitu ġenerali, id-dispożizzjonijiet kollha stabbiliti fl-abbozz ta’ att jistgħu jiġu kkunsidrati individwalment. Madankollu, bħala regola, il-plenarja tgħaddi direttament għal votazzjoni dwar l-abbozz tal-att fl-intier tiegħu.
Kull membru tal-Bundestag jista’ jressaq mozzjonijiet għal emendi, li mbagħad jiġu trattati immedjatament fil-plenarja. Jekk il-plenarja tadotta l-emendi, il-verżjoni l-ġdida tal-abbozz tal-att l-ewwel trid tiġi stampata u mqassma. Madankollu, din il-proċedura tista’ titqassar bil-kunsens ta’ żewġ terzi tal-membri preżenti. B’hekk ikun possibbli li t-tielet qari jibda minnufih.
Votazzjoni waqt it-tielet qari
Matul it-tielet qari jsir dibattitu ieħor biss jekk dan jintalab minn grupp parlamentari jew minn tal-anqas 5 % tal-membri tal-Bundestag.
F’dan l-istadju, il-membri individwali ma jistgħux iressqu aktar mozzjonijiet għal emendi, iżda dan jista’ jsir biss minn wieħed mill-grupp parlamentari jew minn 5 % tal-membri tal-Bundestag. Barra minn hekk, jistgħu jitressqu biss mozzjonijiet dwar emendi li ġew adottati waqt it-tieni qari.
Il-votazzjoni finali ssir fl-aħħar tat-tielet qari. Meta l-President tal-Bundestag jitlob għal voti favur, voti kontra u astensjonijiet, il-membri jirrispondu billi jqumu bilwieqfa.
Ladarba abbozz ta’ att ikun kiseb il-maġġoranza meħtieġa fil-plenarja tal-Bundestag, dan jgħaddi għand il-Bundesrat bħala att.
Kunsens tal-Bundesrat
Permezz tal-Bundesrat, il-Länder huma involuti fit-tfassil ta’ kull biċċa leġiżlazzjoni. F’dan ir-rigward, id-drittijiet tal-Bundesrat li jipparteċipa fil-proċess leġiżlattiv huma definiti b’mod preċiż.
Il-Bundesrat ma jistax jagħmel emendi għal att li jkun ġie adottat mill-Bundestag. Madankollu, jekk ma jaqbilx ma’ att, jista’ jitlob li jitlaqqa’ l-Kumitat ta’ Medjazzjoni (Vermittlungsausschuss). Il-Kumitat ta’ Medjazzjoni huwa magħmul minn għadd indaqs ta’ membri tal-Bundestag u tal-Bundesrat.
Għal ċerti abbozzi ta’ atti, imsejħa liġijiet li jirrikjedu l-kunsens (Zustimmungsgesetze), il-kunsens tal-Bundesrat huwa rekwiżit obbligatorju. Dawn jinkludu, pereżempju, atti li jirrikjedu li l-Länder iħallas benefiċċji liċ-ċittadini jew li jaffettwaw il-kompetenzi amministrattivi tal-Länder.
Fil-każ ta’ abbozzi ta’ atti li għalihom il-Bundesrat jista’ joġġezzjona, il-Bundestag jista’ jdaħħal att fis-seħħ anke jekk ma jkunx intlaħaq ftehim fil-Kumitat ta’ Medjazzjoni. Madankollu, dan jeħtieġ votazzjoni oħra li fiha l-Bundestag jgħaddi l-abbozz ta’ att b’maġġoranza assoluta.
Għal aktar dettalji jekk jogħġbok irreferi għas-sit web tal-Bundestag u tal-Bundesrat.Promulgazzjoni, pubblikazzjoni u dħul fis-seħħ
Ladarba abbozz ta’ att ikun ġie approvat mill-Bundestag u mill-Bundesrat, dan irid jgħaddi minn għadd ta’ stadji oħra qabel ma jkun jista’ jidħol fis-seħħ.
Att li jkun ġie adottat l-ewwel jiġi stampat u jintbagħat lill-Kanċillier Federali u lill-ministru federali kompetenti, li jikkontrofirmawh.
Il-President Federali mbagħad jirċievi l-att biex bil-firma tiegħu jsir liġi. Huwa jeżamina jekk l-att ġiex adottat f’konformità mal-Kostituzzjoni u jekk huwiex ħieles minn ksur materjali evidenti tal-Liġi Bażika. Ladarba jsiru dawn il-verifiki, il-President Federali jiffirma l-att u jordna li jiġi ppubblikat fil-Gazzetta tal-Liġijiet Federali (Bundesgesetzblatt).
F’dan il-punt, l-att jiġi ppromulgat. Jekk fl-att ma tissemma’ l-ebda data speċifika meta għandu jidħol fis-seħħ, dan iseħħ fl-14-il jum wara d-data tal-pubblikazzjoni fil-Gazzetta tal-Liġijiet Federali li fiha jkun ġie stampat.
Mezzi ta’ riżoluzzjoni ta' kunflitti bejn sorsi legali differenti
Il-Liġi Bażika tirregola l-kwistjoni ta’ kwalunkwe kunflitt bejn il-liġi federali u dik tal-Land. Ir-regola fundamentali hija stabbilita fl-Artikolu 31 tal-Liġi Bażika: “Il-liġi federali għandha tieħu preċedenza fuq il-liġi tal-Land”. Dan il-prinċipju japplika irrispettivament mill-istatus ġerarkiku tar-regoli legali konfliġġenti biex b’hekk, pereżempju, statut federali jipprevali fuq il-kostituzzjoni ta’ Land.
Inkella, il-kunflitti jistgħu jiġu solvuti abbażi tal-istatus ġerarkiku tar-regoli legali konfliġġenti. Fil-każ ta’ regoli legali li formalment għandhom l-istess status fil-ġerarkija, jista’ jitqies l-aspett tal-ispeċifiċità (lex specialis) jew il-kronoloġija tal-promulgazzjoni tagħhom (lex posterior).
Bażijiet tad-data legali (b’links xierqa)
Gesetze im Internet (liġijiet online)
Il-Ministeru Federali tal-Ġustizzja u l-Uffiċċju Federali tal-Ġustizzja jippubblikaw kważi l-liġi federali attwali kollha online. Din l-informazzjoni hija disponibbli bla ħlas għal dawk interessati. Il-leġiżlazzjoni u l-istrumenti statutorji jistgħu jiġu aċċessati fil-verżjonijiet attwali tagħhom. Jiġu konsolidati fuq bażi kontinwa miċ-ċentru ta’ dokumentazzjoni fl-Uffiċċju Federali għall-Ġustizzja.
Il-liġijiet ippubblikati bil-Ġermaniż jistgħu jintużaw liberament fil-formati kollha pprovduti. It-testi legali li jistgħu jiġu aċċessati online ma humiex il-verżjonijiet uffiċjali. Dawn jistgħu jinstabu biss fl-edizzjoni stampata tal-Gazzetta tal-Liġijiet Federali.
Il-bażi tad-data tista’ tiġi aċċessata mingħajr ħlas?
Iva.
F’liema lingwi hija disponibbli?
Il-liġijiet huma disponibbli bil-Ġermaniż. F’ħafna każijiet hemm ipprovduti traduzzjonijiet bl-Ingliż.
X’inhuma l-kriterji ta’ tfittxija disponibbli?
1. Tfittxija tat-titlu
Tista’ tagħmel tfittxija limitata għall-kliem li jinsab fit-titlu twil jew qasir u fl-abbrevjazzjonijiet uffiċjali tal-liġijiet kollha disponibbli. Jistgħu jintużaw żewġ operaturi differenti:
Operatur AND:
It-tfittxija ssir għad-dokumenti kollha li fihom jidher il-kliem kollu mdaħħal.
Operatur OR:
It-tfittxija ssir għad-dokumenti li fihom tidher mill-inqas waħda mill-kliem imdaħħal.
2. Tfittxija b’test sħiħ
Huwa possibbli wkoll li ssir tfittxija ta’ kelma ewlenija tat-testi legali kollha disponibbli. Hawn ukoll jistgħu jintużaw żewġ operaturi differenti:
Operatur AND:
It-tfittxija ssir għad-dokumenti kollha li fihom jidher il-kliem kollu mdaħħal.
Operatur OR:
It-tfittxija ssir għad-dokumenti li fihom tidher mill-inqas waħda mill-kliem imdaħħal.
Rechtsprechung im Internet (ġurisprudenza online)
Mill-2010 ’l hawn, il-Ministeru Federali tal-Ġustizzja u l-Uffiċċju Federali tal-Ġustizzja ppubblikaw għażla ta’ deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali Federali, tal-qrati supremi federali u tal-Qorti Federali tal-Privattivi online. Din l-informazzjoni hija disponibbli bla ħlas għal dawk interessati. Id-deċiżjonijiet huma anonimizzati u, fil-prinċipju, jiġu ppubblikati fil-forma sħiħa. Il-bażi tad-data tiġi aġġornata kuljum.
Id-deċiżjonijiet jistgħu jintużaw liberament fil-formati kollha pprovduti.
Il-bażi tad-data tista’ tiġi aċċessata mingħajr ħlas?
Iva.
F’liema lingwi hija disponibbli?
Id-deċiżjonijiet huma disponibbli bil-Ġermaniż.
X’inhuma l-kriterji ta’ tfittxija disponibbli?
1. “Tfittxija sempliċi”
It-tfittxija standard (“tfittxija sempliċi”) tippermettilek twettaq tfittxija sħiħa tad-deċiżjonijiet kollha ppubblikati mill-Helpdesk taċ-Ċittadini (Bürgerservice). Fejn ikun possibbli, l-entrati tal-utent jiġu assenjati għal ċerta metadata u l-ortografija tiġi standardizzata. Wara li tkun twettqet it-tfittxija, it-termini tat-tfittxija jintwerew taħt il-formola tat-tiftix flimkien man-numru ta’ hits. Hemm kaxxa ta’ input disponibbli fejn tista’ ddaħħal kważi l-kriterji speċifiċi kollha tat-tfittxija li jistgħu jintużaw b’magna tat-tiftix fuq l-internet.
Il-hits possibbli jiġu ssuġġeriti awtomatikament f’lista waqt li jkun qed jiddaħħal it-terminu tat-tfittxija. Wara li l-utent ikun beda jdaħħal kriterju, it-test u termini oħrajn tat-tfittxija jidhru fil-lista ta’ suġġerimenti ġġenerata awtomatikament u jistgħu jiġu adottati direttament fl-iskema tat-tiftix minn hemm. Is-sistema tirrikonoxxi u tenfasizza wkoll l-iżbalji fl-input. Il-funzjoni ta’ tfittxija rapida tinterpreta l-entrati u toffri ortografija alternattiva permezz tal-lista ta’ suġġerimenti (il-funzjoni ta’ “Ridt tfisser?”).
L-entrati tat-tiftix huma marbuta b’“u” awtomatikament; l-utent ma għandux għalfejn idaħħal il-kelma “u”. Issir tfittxija awtomatika ta’ intersezzjoni għall-kriterji tat-tiftix li jkunu ddaħħlu wieħed wara l-ieħor. Meta jdaħħal l-operaturi “OR” jew “NOT”, l-utent jista’ jispeċifika jekk id-dokumenti mfittxija jistgħux jiġu inklużi jew esklużi. Is-sekwenza tal-input tat-termini tat-tiftix tinżamm meta jiġu ppreżentati t-termini tat-tiftix. Ir-relazzjonijiet OR jew NOT jiġu ppreżentati separatament fil-lista tat-termini tat-tiftix.
2. “Tfittxija avvanzata”
Il-funzjoni tat-tfittxija avvanzata toffri lill-utent il-possibbiltà li jirrelata l-kriterji individwali tat-tiftix ma’ xulxin fid-dokumenti kollha b’mod differenzjat.
Minbarra t-tfittxija tat-test sħiħ, it-tfittxija avvanzata tippermetti tfittxija ta’ metadata bbażata fuq il-kriterji ta’ tiftix li ġejjin:
- il-Qorti
- id-Dispożizzjoni legali
- id-Data
- In-numru ta’ referenza tad-dokument/ECLI
Verwaltungsvorschriften im Internet (regolamenti amministrattivi online)
Taħt ir-responsabbiltà ġenerali tal-Ministeru Federali tal-Intern, il-Gvern Federali, fi proġett konġunt ma’ juris GmbH, jipprovdi bażi tad-data online komprensiva li fiha r-regolamenti amministrattivi attwali maħruġa mill-ogħla awtoritajiet federali. Din l-informazzjoni hija disponibbli bla ħlas għal dawk interessati. Il-bażi tad-data fiha “dokumenti ħajjin”, jiġifieri d-dipartimenti tal-gvern jaġġornaw id-dokumenti magħmula disponibbli fuq bażi kontinwa. Regolamenti amministrattivi ġodda u regolamenti amministrattivi li qed jiġu riveduti jistgħu jiżdiedu fi kwalunkwe ħin minn juris GmbH.
Ir-regolamenti amministrattivi ma humiex liġijiet. Dawn huma regolamenti astratti u ġenerali fl-organizzazzjoni amministrattiva u jinħarġu minn korpi amministrattivi ta’ livell ogħla jew superjuri lil korpi subordinati jew impjegati bil-għan li jiġu speċifikati l-organizzazzjoni u l-azzjonijiet tal-amministrazzjoni kkonċernata. Aktar dettalji dwar ir-regolamenti amministrattivi individwali jistgħu jinstabu, jekk ikun meħtieġ, fuq is-siti web tal-ministeru federali li taħt il-qasam ta’ responsabbiltà tiegħu taqa’ l-materja inkwistjoni.
Il-bażi tad-data tista’ tiġi aċċessata mingħajr ħlas?
Iva.
F’liema lingwi hija disponibbli?
Ir-regolamenti amministrattivi huma disponibbli bil-Ġermaniż.
X’inhuma l-kriterji ta’ tfittxija disponibbli?
1. Tfittxija tat-titlu
Tista’ tagħmel tfittxija limitata għall-kliem li jinsab fit-titlu twil jew qasir u fl-abbrevjazzjonijiet uffiċjali tar-regolamenti amministrattivi kollha disponibbli. Jistgħu jintużaw żewġ operaturi differenti:
Operatur AND:
It-tfittxija ssir għad-dokumenti kollha li fihom jidher il-kliem kollu mdaħħal.
Operatur OR:
It-tfittxija ssir għad-dokumenti li fihom tidher mill-inqas waħda mill-kliem imdaħħal.
2. Tfittxija b’test sħiħ
Huwa possibbli wkoll li ssir tfittxija ta’ kelma ewlenija tat-testi legali kollha disponibbli. Hawn ukoll jistgħu jintużaw żewġ operaturi differenti:
Operatur AND:
It-tfittxija ssir għad-dokumenti kollha li fihom jidher il-kliem kollu mdaħħal.
Operatur OR:
It-tfittxija ssir għad-dokumenti li fihom tidher mill-inqas waħda mill-kliem imdaħħal.
Justizportal des Bundes und der Länder (portal tal-ġustizzja federali u statali)
Il-Ministeru Federali tal-Ġustizzja u l-amministrazzjonijiet tal-Länder jagħmlu t-testi legali disponibbli online għaċ-ċittadini interessati. F’xi każijiet japplika xi ħlas. Hemm ukoll xi differenzi fil-kriterji tat-tiftix.
Bażijiet tad-data legali oħra
Bundesgesetzblatt (Il-Gazzetta tal-Liġijiet Federali)
Il-Gazzetta tal-Liġijiet Federali hija ppubblikata f’forma stampata u b’mod elettroniku permezz tal-link li ġejja: https://www.bgbl.de/xaver/bgbl/start.xav Il-verżjoni stampata hija vinkolanti.
Bundesanzeiger (Il-Gazzetta Federali)
Il-Gazzetta Federali tiġi ppubblikata elettronikament permezz tal-link li ġejja: https://www.bundesanzeiger.de/pub/de/amtlicher-teil
Il-verżjoni elettronika hija vinkolanti.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.