Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Ġermaniż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Ġermanja

Din il-paġna tipprovdilek informazzjoni dwar is-sistema legali fil-Ġermanja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Ġermanja
Ma hemm l-ebda traduzzjoni uffiċjali tal-verżjoni tal-lingwa li qed tara.
Hawnhekk tista' tara verżjoni tradotta awtomatikament ta' dan il-kontenut. Jekk jogħġbok innota li din hi pprovduta biss għal finijiet kuntestwali. Is-sid ta’ din il-paġna ma jaċċetta ebda responsabbiltà jew obbligazzjoni fir-rigward tal-kwalità ta’ dan it-test tradott b'mod awtomatiku.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija stat kostituzzjonali demokratiku, federali u soċjali. Flimkien mad-drittijiet fundamentali, il-prinċipji ta’ stat kostituzzjonali demokratiku, federali u soċjali jiffurmaw il-qalba invjolabbli tal-kostituzzjoni Ġermaniża, li r-rispett lejha huwa salvagwardjat mill-Qorti Kostituzzjonali Federali.

Sorsi legali

Il-Liġi Bażika (Grundgesetz) hija l-Kostituzzjoni Ġermaniża, li tipprovdi l-qafas għas-sistema legali u l-valuri tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Il-Grundgesetz jistabbilixxi dan li ġej:

  • id-drittijiet fundamentali bħala l-prinċipji gwida supremi
  • l-istruttura fundamentali u l-prinċipji strutturali essenzjali tal-istat u tal-korpi governattivi tiegħu
  • il-prinċipji li permezz tagħhom isiru l-elezzjonijiet għall-Bundestag (it-tieni kamra tal-Parlament Ġermaniż)
  • il-bażi għall-istatus u għad-drittijiet tal-membri eletti b’mod demokratiku tal-Bundestag
  • il-mod kif il-Bundestag huwa organizzat u jopera.

Tipi ta’ strumenti legali – deskrizzjoni

Is-sorsi ewlenin bil-miktub tad-dritt nazzjonali Ġermaniż huma l-Liġi Bażika, il-leġiżlazzjoni, l-istrumenti statutorji u l-liġijiet amministrattivi. Barra minn hekk, hemm sorsi mhux miktuba tad-dritt, inkluż il-prinċipji ġenerali stabbiliti fid-dritt internazzjonali u fid-dritt konswetudinarju. Bħala prinċipju l-ġurisprudenza mhijiex sors legali, minkejja li għandha rwol importanti fil-prattika. Ċerti deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali Federali (il-Bundesverfassungsgericht) waħedhom għandhom is-saħħa ta’ liġi.

Il-Ġermanja hija stat federali magħmul minn 16-il stat kostitwent – il-Länder. Għaldaqstant, hemm liġijiet federali, li japplikaw fit-territorju kollu tal-Federazzjoni, u liġijiet tal-Land, li huma validi biss fil-Land ikkonċernat. Kull Land għandu l-kostituzzjoni tiegħu stess u, fil-qafas legali stabbilit mil-Liġi Bażika, għandu wkoll is-setgħa jadotta leġiżlazzjoni, strumenti statutorji u liġijiet amministrattivi.

Il-kompetenzi leġiżlattivi tal-Federazzjoni u tal-Länder huma rregolati fid-dettall mil-Liġi Bażika. Il-Länder għandhom setgħa leġiżlattiva, sakemm din is-setgħa ma tkunx ġiet trasferita lill-gvern federali skont il-Liġi Bażika. Is-setgħat leġiżlattivi ewlenin tal-Federazzjoni huma stabbiliti fl-Artikolu 71 sa 74 tal-Liġi Bażika. Barra minn hekk, f’diversi partijiet il-Liġi Bażika tistabbilixxi setgħat leġiżlattivi ulterjuri tal-Federazzjoni.

Setgħa leġiżlattiva esklużiva tal-Federazzjoni

F’oqsma soġġetti għas-setgħa leġiżlattiva esklużiva tal-Federazzjoni, il-Länder għandhom biss is-setgħa jadottaw leġiżlazzjoni fejn il-liġi federali espressament tawtorizzahom jagħmlu dan (l-Artikolu 71 tal-Liġi Bażika).

Skont l-Artikolu 73 tal-Liġi Bażika, il-Federazzjoni għandha s-setgħa leġiżlattiva esklużiva fl-oqsma li ġejjin (fost oħrajn): il-kwistjonijiet kollha marbuta mal-politika barranija, id-difiża (inkluża l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili), iċ-ċittadinanza, il-libertà ta’ moviment, il-passaporti, ir-reġistrazzjoni tar-residenza u l-karti tal-identità, l-immigrazzjoni, l-emigrazzjoni u l-estradizzjoni, il-munita u l-flus, l-għaqda taż-żona doganali u ta’ kummerċ, it-trasport bl-ajru, il-kooperazzjoni bejn il-Federazzjoni u l-Länder dwar il-ħidma tal-pulizija f’kuntest kriminali, u l-liġi dwar l-armi u l-isplużivi.

Setgħat leġiżlattivi konkorrenti

F’oqsma soġġetti għal leġiżlazzjoni konkorrenti, il-Länder għandhom id-dritt jadottaw leġiżlazzjoni bil-patt u sakemm il-Federazzjoni ma teżerċitax is-setgħat leġiżlattivi tagħha fl-istess qasam (l-Artikolu 72 tal-Liġi Bażika). L-oqsma legali soġġetti għal leġiżlazzjoni konkorrenti jinkludu l-liġi ċivili, il-liġi kriminali u l-liġi dwar it-traffiku fit-toroq, kif ukoll il-liġi ta’ assoċjazzjoni, il-liġi dwar ir-residenza u l-istabbiliment ta’ persuni ta’ nazzjonalità barranija, il-liġi dwar kwistjonijiet ekonomiċi, il-liġi dwar l-impjiegi u ċerti aspetti tal-protezzjoni tal-konsumatur. Fir-rigward ta’ ċerti kwistjonijiet li fl-Artikolu 74 tal-Liġi Bażika huma elenkati bħala li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni konkorrenti, il-Federazzjoni għandha d-dritt tadotta leġiżlazzjoni biss jekk u sakemm l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ta’ għajxien ekwivalenti fit-territorju federali kollu jew iż-żamma ta’ għaqda legali jew ekonomika teħtieġ ir-regolamentazzjoni federali fl-interess nazzjonali.

Il-Liġi Bażika tirregola wkoll il-kwistjoni ta’ kwalunkwe konflitt bejn il-liġi federali u dik tal-Land. Ir-regola fundamentali hija stabbilita fl-Artikolu 31 tal-Liġi Bażika: “Il-liġi federali għandha tieħu preċedenza fuq il-liġi tal-Land”. Dan il-prinċipju japplika irrispettivament mill-istatus ġerarkiku tar-regoli legali konfliġġenti biex b’hekk, pereżempju, statut federali jipprevali fuq il-kostituzzjoni ta’ Land.

Ġerarkija ta’ normi

Il-Liġi Bażika hija fil-quċċata tan-normi nazzjonali. Hija superjuri għas-sorsi l-oħra kollha tad-dritt nazzjonali u, bħala l-Kostituzzjoni, hija l-istrument li fuqu tistrieħ is-sistema legali Ġermaniża kollha. Kull dispożizzjoni legali adottata fil-Ġermanja għandha tkun kompatibbli mal-Liġi Bażika kemm fil-forma kif ukoll fis-sustanza. Għal dan il-għan, l-Artikolu 20(3) tal-Liġi Bażika jispeċifika li l-leġiżlatura hija marbuta bl-ordni kostituzzjonali, u l-eżekuttiv u l-ġudikatura bil-liġi u bil-ġustizzja. Barra minn hekk, il-leġiżlatura, l-eżekuttiv u l-ġudikatura huma b’mod partikolari marbuta bid-drittijiet bażiċi stabbiliti fl-Artikolu 1 sa 19 tal-Liġi Bażika, li huma liġi direttament applikabbli (l-Artikolu 1(3)). Fl-aħħar mill-aħħar il-preċedenza tal-Liġi Bażika hija infurzata mill-Qorti Kostituzzjonali Federali. Il-Qorti Kostituzzjonali Federali biss tista’ tiddikjara att tal-Parlament bħala invalidu f’każ li tali att ma jkunx skont il-kostituzzjoni.

L-Artikolu 79(2) jistabbilixxi li l-Liġi Bażika tista’ tiġi emendata biss b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Bundestag u żewġ terzi tal-voti tal-Bundesrat (l-ewwel kamra tal-Parlament Ġermaniż), li huwa l-organu li permezz tiegħu l-Länder jipparteċipaw fil-promulgazzjoni tal-leġiżlazzjoni fi ħdan il-Federazzjoni, u fl-amministrazzjoni tagħha, u fi kwistjonijiet li jirrigwardaw l-Unjoni Ewropea. Ċerti komponenti ewlenin tal-Liġi Bażika – jiġifieri l-qasma tal-Federazzjoni f’Länder, il-parteċipazzjoni tagħhom, fil-prinċipju, fil-proċess leġiżlattiv u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 1 u 20 – bl-ebda mod ma jistgħu jiġu emendati (l-Artikolu 79(3)).

Ir-regoli ġenerali tad-dritt internazzjonali jikklassifikaw taħt il-Kostituzzjoni iżda ’l fuq mil-liġijiet tal-Federazzjoni u tal-Länder. Dawn ir-regoli ġenerali jinkludu d-dritt internazzjonali konswetudinarju u l-prinċipji ġenerali tad-dritt internazzjonali, iżda mhux id-dritt kuntrattwali internazzjonali. Il-Liġi Bażika tiddikjara b’mod espliċitu li dawn ir-regoli ġenerali huma parti integrali mid-dritt federali, li jieħdu preċedenza fuq dawn il-liġijiet u li joħolqu direttament drittijiet u dmirijiet għall-abitanti tat-territorju federali (l-Artikolu 25). Dawn ir-regoli ġenerali tad-dritt internazzjonali b’effett legali għall-individwi (jiġifieri regoli mfassla għall-protezzjoni tal-individwu) jinkludu, b’mod partikolari, il-garanzija ta’ forma xierqa ta’ protezzjoni legali għall-barranin jew ir-“regola ta’ speċjalità”, li permezz tagħha proċedimenti kriminali huma soġġetti għat-termini tal-awtorizzazzjoni għall-estradizzjoni tal-istat barrani li qed jagħmel l-estradizzjoni.

Il-leġiżlazzjoni ordinarja hija f’pożizzjoni subordinata għall-Kostituzzjoni. Il-Bundestag flimkien mal-Bundesrat jgħaddu l-liġijiet. L-abbozzi ta’ liġijiet jistgħu jiġu introdotti fil-Bundestag mill-Gvern Federali, mill-Bundesrat, jew mill-membri tal-Bundestag (minn grupp parlamentari jew minn tal-anqas 5 % tal-membri tiegħu). Il-Liġi Bażika tispeċifika l-każijiet li fihom l-approvazzjoni finali ta’ liġi mill-Bundestag teħtieġ il-kunsens tal-Bundesrat (attwalment – skont il-materjal statistiku ppubblikat mill-Bundesrat fis-sit web tiegħu – madwar 45% tal-liġijiet kollha). Fir-rigward tal-bqija tal-liġijiet li jgħaddi l-Bundestag, il-Bundesrat jista’ joġġezzjona biss għal abbozz ta’ liġi adottat mill-Bundestag, li min-naħa tiegħu l-Bundestag jista’ ma jilqax din l-oġġezzjoni. Fejn ikun hemm differenzi ta’ opinjoni bejn il-Bundestag u l-Bundesrat, jista’ jitlaqqa’ kumitat komuni għall-kunsiderazzjoni konġunta tal-abbozz tal-liġijiet (il-Kumitat ta’ Medjazzjoni) magħmul minn għadd indaqs ta’ membri tal-Bundestag u tal-Bundesrat (attwalment 16-il membru kull wieħed). Ir-rwol tal-Kumitat ta’ Medjazzjoni huwa li jipproduċi proposti sabiex tintlaħaq l-unanimità, għalkemm huwa ma jistax jieħu deċiżjonijiet f’isem il-Bundestag u l-Bundesrat.

L-istrumenti statutorji huma subordinati għal-leġiżlazzjoni u jistgħu jinħarġu mill-Gvern Federali, minn ministru federali jew mill-gvernijiet tal-Land. Il-liġijiet amministrattivi jikklassifikaw taħt l-istrumenti statutorji u jistgħu jinħarġu minn korp korporattiv organizzat skont il-liġi pubblika (eż. minn muniċipalità).

Qafas istituzzjonali

Il-leġiżlatura

Il-liġijiet Ġermaniżi jsiru miż-żewġ kmamar tal-parlament tal-pajjiż. Għalhekk il-Bundestag huwa l-aktar organu leġiżlattiv importanti. Huwa jiddeċiedi dwar il-liġijiet kollha li jaqgħu fl-isfera ta’ kompetenza tal-Federazzjoni Ġermaniża fi proċess leġiżlattiv li jeħtieġ ukoll il-parteċipazzjoni tal-Bundesrat.

Il-Bundesrat, il-Gvern Federali u l-membri u l-gruppi parlamentari tal-Bundestag għandhom id-dritt jintroduċu biċċiet ġodda jew riveduti ta’ leġiżlazzjoni fil-Bundestag bħala abbozzi ta’ liġijiet. Dawn l-abbozzi ta’ liġijiet jiġu diskussi, isiru deliberazzjonijiet u votazzjonijiet dwarhom fil-Parlament skont proċedura regolata b’mod preċiż.

Skont is-sistema federali tal-Ġermanja, il-Länder għandhom sehem konsiderevoli mis-setgħat tal-istat, u għalhekk il-Bundesrat jipparteċipa wkoll fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni. L-atti kollha jiġu ppreżentati lill-Bundesrat biex jivvota dwarhom u – skont in-natura tal-leġiżlazzjoni proposta – jista’ saħansitra jwassal biex ċerti proposti ma jiġux aċċettati.

Għal aktar dettalji irreferi għas-sit web tal-Bundestag.

Il-proċedura leġiżlattiva

Mogħdija tal-leġiżlazzjoni

Il-parti l-kbira tal-abbozzi tal-liġijiet u l-punti għad-diskussjoni jitfasslu mill-Gvern Federali. Bħala l-livell ċentrali tal-eżekuttiv, huwa għandu l-akbar esperjenza fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u għandu għarfien dirett ta’ fejn, fil-prattika, hemm bżonn ta’ dispożizzjonijiet statutorji ġodda.

Madankollu, mhux biss il-Gvern Federali iżda anke l-Bundesrat u l-membri tal-Bundestag Ġermaniż għandhom id-dritt li jippreżentaw l-abbozzi ta’ liġijiet li jirriżultaw f’atti legali ġodda.

Inizjattivi introdotti mill-Gvern Federali jew mill-Bundesrat

Jekk il-Gvern Federali jkun jixtieq jemenda jew jintroduċi liġi, il-Kanċillier Federali għandu l-ewwel jirreferi l-abbozz lill-Bundesrat.

Bħala regola, il-Bundesrat imbagħad għandu perjodu ta’ sitt ġimgħat biex jagħti l-kummenti tiegħu dwar l-abbozz tal-liġi, li min-naħa tiegħu l-gvern jista’ jirrispondi b’kontrodikjarazzjoni bil-miktub. Il-Kanċillier Federali mbagħad jgħaddi l-abbozz lill-Bundestag bil-kummenti tal-Bundesrat. Eċċezzjoni waħda għal din il-proċedura hija l-abbozz tal-Att dwar il-Baġit, li jintbagħat simultanjament lill-Bundesrat u lill-Bundestag.

Proċedura simili tapplika meta l-Bundesrat jintroduċi inizjattivi leġiżlattivi. Wara li l-maġġoranza tal-membri tal-Bundesrat ikunu vvutaw favur abbozz ta’ liġi, dan l-ewwel imur quddiem il-Gvern Federali, li miegħu jehmeż il-kummenti tiegħu, ġeneralment fi żmien sitt ġimgħat, u mbagħad jintbagħat lill-Bundestag.

Inizjattivi introdotti mill-membri tal-Bundestag

L-abbozzi ta’ liġijiet jistgħu jiġu ppreżentati wkoll minn membri tal-Bundestag, f’liema każ iridu jkunu appoġġati minn tal-anqas wieħed mill-gruppi parlamentari jew minn tal-anqas 5 % tal-membri tal-Bundestag.

L-abbozzi ta’ liġijiet introdotti b’dan il-mod m’hemmx bżonn li l-ewwel jiġu ppreżentati lill-Bundesrat. Għal din ir-raġuni, il-gvern xi drabi jagħmel arranġamenti biex abbozzi ta’ liġijiet partikolarment urġenti jiġu introdotti mill-gruppi parlamentari tiegħu fil-Bundestag.

Tqassim tal-punti għad-diskussjoni

Qabel ma jistgħu jibdew id-deliberazzjonijiet dwar abbozz ta’ liġi fil-Bundestag, l-ewwel irid jintbagħat lill-President tal-Bundestag u mbagħad jiġi rreġistrat mill-Amministrazzjoni.

Imbagħad jitqassam lill-membri kollha tal-Bundestag u tal-Bundesrat, u lill-ministeri federali, bħala dokument stampat jew, ħafna drabi, f’forma elettronika.

Malli l-abbozz ta’ liġi jitqiegħed fuq l-aġenda tal-plenarja, l-ewwel stadju tal-mogħdija tiegħu mill-Parlament ikun lest: imbagħad jista’ jiġi ppreżentat uffiċjalment fil-forum pubbliku tal-Bundestag.

Tliet proċessi ta’ qari fil-plenarja

Bħala regola, l-abbozzi ta’ liġijiet jiġu diskussi tliet darbiet fil-plenarja tal-Bundestag. Dawn id-dibattiti huma magħrufa bħala qari.

Matul l-ewwel qari, isir dibattitu biss jekk ikun intlaħaq qbil dwar dan fil-Kunsill tal-Anzjani (korp eżekuttiv speċjali tal-Bundestag) jew jekk dan jintalab minn wieħed mill-gruppi parlamentari. Fil-parti l-kbira, dan jiġri meta proġetti leġiżlattivi jkunu partikolarment kontroversjali jew ta’ interess speċjali għall-pubbliku.

L-għan ewlieni tal-ewwel qari huwa li jinħatar kumitat wieħed jew aktar biex jikkunsidraw l-abbozz ta’ liġi u jippreparawh għat-tieni qari tiegħu. Dan isir abbażi ta’ rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kunsill tal-Anzjani.

F’każ li jkunu nħatru diversi kumitati, kumitat wieħed jingħata r-responsabbiltà ġenerali għad-deliberazzjonijiet dwar il-punt, u għalhekk huwa responsabbli biex l-abbozz ta’ liġi jgħaddi mill-Parlament. Il-kumitati l-oħra jintalbu jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-abbozz ta’ liġi.

Ħidma leġiżlattiva fil-kumitati

Il-ħidma dettaljata dwar il-leġiżlazzjoni ssir fil-kumitati permanenti, li huma magħmula minn membri tal-gruppi parlamentari kollha. Il-membri tal-kumitat jiffamiljarizzaw ruħhom mal-materjal u jiddeliberaw dwaru waqt il-laqgħat tagħhom. Huma jistgħu jistiednu wkoll xi esperti u rappreżentanti tal-gruppi tal-partijiet ikkonċernati għas-seduti pubbliċi.

B’mod parallel għall-ħidma li ssir mill-kumitati, il-gruppi parlamentari jifformaw gruppi ta’ ħidma, li fihom jeżaminaw il-kwistjonijiet ikkonċernati u jiddefinixxu l-pożizzjonijiet tagħhom.

Huwa komuni li jiġu stabbiliti relazzjonijiet bejn il-gruppi parlamentari fil-kumitati. Il-biċċa l-kbira tal-abbozzi ta’ liġijiet jiġu riveduti, xi ftit jew wisq, bħala riżultat ta’ kollaborazzjoni bejn il-gruppi parlamentari tal-gvern u tal-oppożizzjoni.

Wara li jintemmu d-deliberazzjonijiet, il-kumitat bir-responsabbiltà ġenerali għall-abbozz ta’ liġi jippreżenta rapport lill-plenarja dwar l-andament u l-eżitu tad-deliberazzjonijiet tiegħu. Id-deċiżjoni li jirrakkomanda tifforma l-bażi għat-tieni qari li issa jsir fil-plenarja.

Dibattitu waqt it-tieni qari

Qabel it-tieni qari, il-membri kollha jirċievu r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni ppubblikata f’forma stampata. Għalhekk ikunu ppreparati sew għad-dibattitu. Qabel dan id-dibattitu l-gruppi parlamentari jikkoordinaw ukoll il-pożizzjonijiet tagħhom f’laqgħat interni, sabiex jippreżentaw front magħqud waqt it-tieni qari pubbliku.

Wara d-dibattitu ġenerali, id-dispożizzjonijiet kollha stabbiliti fl-abbozz ta’ liġi jistgħu jiġu kkunsidrati individwalment. Madankollu, bħala regola, il-plenarja tgħaddi direttament għal votazzjoni dwar l-abbozz tal-liġi fl-intier tiegħu.

Kull membru tal-Bundestag jista’ jressaq mozzjonijiet għal emendi, li mbagħad jiġu trattati immedjatament fil-plenarja. Jekk il-plenarja tadotta l-emendi, il-verżjoni l-ġdida tal-abbozz tal-liġi l-ewwel għandha tiġi stampata u mqassma. Madankollu, din il-proċedura tista’ titqassar bil-kunsens ta’ żewġ terzi tal-membri preżenti. B’hekk ikun possibbli li t-tielet qari jibda minnufih.

Votazzjoni waqt it-tielet qari

Matul it-tielet qari jsir dibattitu ieħor biss jekk dan jintalab minn grupp parlamentari jew minn tal-anqas 5 % tal-membri tal-Bundestag.

F’dan l-istadju, il-membri individwali ma jistgħux iressqu aktar mozzjonijiet għal emendi, iżda dan jista’ jsir biss minn wieħed mill-grupp parlamentari jew minn 5 % tal-membri tal-Bundestag. Barra minn hekk, jistgħu jitressqu biss mozzjonijiet dwar emendi li ġew adottati waqt it-tieni qari.

Il-votazzjoni finali ssir fl-aħħar tat-tielet qari. Meta l-President tal-Bundestag jitlob għal voti favur, voti kontra u astensjonijiet, il-membri jirrispondu billi jqumu bilwieqfa.

Ladarba abbozz ta’ liġi jkun kiseb il-maġġoranza meħtieġa fil-plenarja tal-Bundestag, dan jgħaddi għand il-Bundesrat bħala att.

Kunsens tal-Bundesrat

Permezz tal-Bundesrat, il-Länder huma involuti fit-tfassil ta’ kull biċċa leġiżlazzjoni. F’dan ir-rigward, id-drittijiet tal-Bundesrat li jipparteċipa fil-proċess leġiżlattiv huma definiti b’mod preċiż.

Il-Bundesrat ma jistax jagħmel emendi għal att li jkun ġie adottat mill-Bundestag. Madankollu, jekk ma jagħtix il-kunsens tiegħu għal att, jista’ jitlob li jitlaqqa’ l-Kumitat ta’ Medjazzjoni. Il-Kumitat ta’ Medjazzjoni huwa magħmul minn għadd indaqs ta’ membri tal-Bundestag u tal-Bundesrat.

Għal ċerti abbozzi ta’ liġijiet, il-kunsens tal-Bundesrat huwa rekwiżit obbligatorju. Dawn jinkludu, pereżempju, atti li jaffettwaw il-finanzi u l-kompetenzi amministrattivi tal-Länder.

Fil-każ ta’ abbozzi ta’ liġijiet li għalihom il-Bundesrat jista’ joġġezzjona, il-Bundestag jista’ jdaħħal att fis-seħħ anke jekk ma jkunx intlaħaq ftehim fil-Kumitat ta’ Medjazzjoni. Madankollu, dan jeħtieġ votazzjoni oħra li fiha l-Bundestag jgħaddi l-abbozz ta’ liġi b’maġġoranza assoluta.

Dħul fis-seħħ

Ladarba abbozz ta’ liġi jkun ġie approvat mill-Bundestag u mill-Bundesrat, dan irid jgħaddi minn għadd ta’ stadji oħra qabel ma jkun jista’ jidħol fis-seħħ.

Att li jkun ġie adottat l-ewwel jiġi stampat u jintbagħat lill-Kanċillier Federali u lill-ministru federali kompetenti, li jikkontrofirmawh.

Il-President Federali mbagħad jirċievi l-att biex bil-firma tiegħu jsir liġi. Huwa jeżamina jekk l-att ġiex adottat f’konformità mal-Kostituzzjoni u jekk huwiex ħieles minn ksur materjali evidenti tal-Liġi Bażika. Ladarba jsiru dawn il-verifiki, il-President Federali jiffirma l-att u jordna li jiġi ppubblikat fil-Gazzetta tal-Liġijiet Federali (Bundesgesetzblatt).

F’dan il-punt, l-att jiġi ppromulgat. Jekk fl-att ma tissemma’ l-ebda data speċifika meta għandu jidħol fis-seħħ, dan iseħħ fl-14-il jum wara d-data tal-pubblikazzjoni fil-Gazzetta tal-Liġijiet Federali li fiha jkun ġie stampat.

Għal aktar dettalji, irreferi għas-sit web tal-Bundestag.

Bażijiet tad-data legali

Il-Ministeru Federali għall-Ġustizzja u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Uffiċċju Federali għall-Ġustizzja jipprovdu kważi l-liġi Federali attwali kollha, mingħajr ħlas, fuq l-internet għaċ-ċittadini interessati li jaraw dik l-informazzjoni, fis-sit Gesetze im Internet. Il-leġiżlazzjoni u l-istrumenti statutorji jistgħu jiġu aċċessati fil-verżjonijiet attwali tagħhom. Jiġu konsolidati fuq bażi kontinwa miċ-ċentru ta’ dokumentazzjoni fl-Uffiċċju Federali għall-Ġustizzja.

Ħafna biċċiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni huma disponibbli wkoll fis-sit bl-Ingliż. Sa mill-2010 ġew ippubblikati sentenzi magħżula mill-Qorti Kostituzzjonali Federali, mill-qrati supremi federali u mill-Qorti Federali tal-Privattivi fis-sit web Rechtsprechung im Internet [ġurisprudenza online]. Din l-informazzjoni hija disponibbli mingħajr ħlas.

Barra minn hekk, il-gvern Federali, taħt it-tmexxija tal-Ministeru Federali għall-Intern, il-Bini u l-Komunità, jipprovdi bażi tad-data komprensiva li fiha r-regolamenti amministrattivi attwali maħruġa mill-ogħla awtoritajiet Federali, mingħajr ħlas fuq l-Internet fis-sit web Verwaltungsvorschriften im Internet.

Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija stat federali, kull Land individwali jirregola l-pubblikazzjoni tal-liġi tal-istat federali tiegħu stess. Għal dan il-għan huma ħolqu s-siti web tagħhom stess, li għalihom hemm ipprovduti links fis-sit web Justizportal des Bundes und der Länder.

Links relatati

Bundesgesetzblatt (Il-Gazzetta tal-Liġijiet Federali)

Gesetze im Internet (liġijiet online)

Traduzzjonijiet bl-Ingliż tal-leġiżlazzjoni fuq Gesetze im Internet

Verwaltungsvorschriften im Internet

Justizportal des Bundes und der Länder (portal tal-ġustizzja federali u statali)

Bundestag

Bundesrat (L-Ewwel Kamra tal-Parlament Ġermaniż)

Gvern Federali Ġermaniż

Dokumentations- und Informationssystem für Parlamentarische Vorgänge (Sistema ta’ dokumentazzjoni u informazzjoni għall-affarijiet parlamentari)

Bundesanzeiger (Il-Gazzetta Federali)

L-aħħar aġġornament: 10/12/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.