Sib informazzjoni għal kull reġjun
Sorsi tad-dritt
- Leġiżlazzjoni
- Id-Dritt Internazzjonali konswetudinarju
- Regoli tad-dritt internazzjonali li huma ġeneralment aċċettati
- Id-dritt tal-Unjoni Ewropea
- Il-konvenzjonijiet internazzjonali
- Ġurisprudenza
Tipi ta’ strumenti legali - deskrizzjoni
- Il-Kostituzzjoni (Σύνταγμα)
- Il-liġi formali (Τυπικός νόμος)
- Atti oħra b'kontenut leġiżlattiv (Πράξεις νομοθετικού περιεχομένου)
- Digriet tal-President tar-Repubblika (Προεδρικό διάταγμα)
- Miżuri amministrattivi (Διοικητικές πράξεις)
- Trattati fundaturi tal-UE
- Regolamenti tal-UE
- Direttivi tal-UE
- Il-konvenzjonijiet internazzjonali
Ġerarkija tas-sorsi
Is-Σύνταγμα (il-Kostituzzjoni) tippreċedi l-istrumenti legali domestiċi kollha u hija segwita, f’ordni ta’ importanza, mil-liġi, mid-Digriet Presidenzjali u l-miżuri amministrattivi. It-Trattati fundaturi tal-Unjoni Ewropea qegħdin fuq l-istess livell formali tal-Kostituzzjoni, filwaqt li strumenti legali internazzjonali oħra jippreċedu l-istrumenti legali domestiċi kollha minbarra l-Kostituzzjoni.
Il-qafas istituzzjonali
L-istituzzjonijiet responsabbli għall-promulgazzjoni tar-regoli legali
Meta jkun hemm il-bżonn li tiġi emendata jew supplimentata l-leġiżlazzjoni eżistenti, jew biex jiġu stabbiliti regoli tad-dritt ġodda, jew biex jiġu inkorporati regoli tad-dritt internazzjonali fil-leġiżlazzjoni domestika:
Il-Ministru kompetenti jitlob lill-kumitat leġiżlattiv speċjali biex ifassal abbozz ta' liġi.
Il-proċess leġiżlattiv
L-abbozz ta’ liġi mħejji mill-kumitat leġiżlattiv speċjali jintbagħat lill-kumitat leġiżlattiv ċentrali fi ħdan is-Segretarjat Ġenerali tal-Gvern, li jassigura illi l-abbozz ikun ġie mfassal sew, u jista' jagħmel aktar osservazzjonijiet fuq affarijiet bħall-konformità mal-Kostituzzjoni u mad-dritt internazzjonali.
Imbagħad l-abbozz tal-liġi jiġi ppreżentat lill-Parlament akkumpanjat minn memorandum ta' spjegazzjoni li jfisser il-ħsieb u l-għan tad-dispożizzjonijiet proposti. Jekk l-abbozz jinkludi nefqa mill-baġit tal-Istat, jiġu mħejjija rapport speċjali dwar l-infiq u rapport komparattiv mill-Uffiċċju Ġenerali Nazzjonali dwar il-Kontabilità (Γενικό Λογιστήριο του Κράτους). L-abbozzi tal-liġi għandhom jiġu akkumpanjati wkoll minn rapport li jevalwa miżuri li setgħu ttieħdu għal dan il-għan u rapport fuq il-konsultazzjoni pubblika ta' qabel il-preżentazzjoni tal-abbozz, ħlief f'każijiet eċċezzjonali. .
Il-President tal-Parlament jirreferi l-abbozz tal-liġi għad-dibattitu jew fis-sessjoni plenarja, jew mill-kumitati permanenti jew mill-kumitati supplimentari tal-Parlament. Ordnijiet għall-implimentazzjoni ta' Atti tal-Parlament isiru mill-President tar-Repubblika fuq proposta mill-ministri responsabbli. Dispożizzjonijiet speċifiċi legali jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet amministrattivi biex jieħdu miżuri li jirregolaw kwistjonijiet speċifiċi jew ta' interess lokali, tekniku jew minuri.
Skont l-Artikolu 28 tal-Kostituzzjoni, il-konvenzjonijiet internazzjonali, fil-mument ta' ratifikazzjoni tagħhom b'Att tal-Parlament, jsiru parti integrali mil-liġi domestika Griega u jipprevalu fuq kwalunkwe dispożizzjoni oħra li tmur kontra tagħhom li saret qabel, ħlief għad-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni.
Ir-regolamenti tal-UE huma universalment validi mal-Unjoni kollha; huma vinkolanti u direttament effettivi f’kull Stat Membru.
Id-direttivi tal-UE huma inkorporati fil-liġi domestika permezz tal-liġi, ta' digriet Presidenzjali jew ta' deċiżjoni ministerjali.
Fi żmien xahar mill-approvazzjoni tal-Att mill-Parlament, dan jiġi ffirmat mill-ministri responsabbli u mbagħad iffirmat u ppromulgat mill-President tar-Repubblika.
L-Att innifsu jispeċifika ż-żmien meta jidħol fis-seħħ. F'każ li ma jispeċifikax, huwa iidħol fis-seħħ 10 ijiem wara li jkun ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern (Εφημερίδα της Κυβερνήσεως) skont l-Artikolu 103 tal-Att Introduttorju tal-Kodiċi Ċivili.
Att li jirratifika Konvenzjoni jidħol fis-seħħ, bħala regola ġenerali, mal-pubblikazzjoni fil-Gazzetta tal-Gvern, u l-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ fid-data speċifikata fil-Konvenzjoni.
Il-websajt tal-Βουλή των Ελλήνων (il-Parlament Grieg) turi l-Atti kollha promulgati mit-22 ta' Ottubru 1993 'il quddiem. Barra minn hekk, fuq il-websajt tal-Εθνικό Τυπογραφείο (l-Istamperija Nazzjonali), tista’ tuża s-sezzjoni 'Fittex'(‘Αναζητήσεις’) biex issib listi annwali sa mill-1890 tal-Atti u l-ordnijiet li jkunu saru, li juru s-suġġett u d-dettalji tagħhom fil-Gazzetta tal-Gvern li fiha ġew ippubblikati.
L-inizjattiva għal kull emenda ta' Att tal-Parlament tinsab f'idejn il-ministru responsabbli għall-qasam partikolari.
Att tal-Parlament jibqa' fis-seħħ sakemm ma jiġix abrogat minn Att ġdid.
Bażijiet tad-Dejta Ġuridiċi
- Il-Bażi tad-dejta ġuridika sħiħa hija l-proprjetà ta’ u tiġi ġestita mill-Istamperija Nazzjonali Griega.
L-aċċess huwa mingħajr ħlas (Artikolu 7 tal-Att Nru 3861/2010, ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern FEK A/112/13-7-10)..
- Il-Bażi tad-dejta ġuridika sħiħa hija l-proprjetà ta’ Intracom u HOL u tiġi ġestita minnhom.
L-aċċess huwa soġġett għal ħlas.
- Is-sit tal-internet tan-Νομικό Συμβούλιο του Κράτους (Kunsill Legali tal-Istat)
L-aċċess huwa mingħajr ħlas.
Ħoloq relatati
Βουλή των Ελλήνων (Il-Parlament Grieg)
Εθνικό Τυπογραφείο (L-Istamperija Nazzjonali)
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.