Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna it-Taljan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Italja

Din il-paġna tipprovdilek informazzjoni dwar is-sistema legali fl-Italja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Italja
Ma hemm l-ebda traduzzjoni uffiċjali tal-verżjoni tal-lingwa li qed tara.
Hawnhekk tista' tara verżjoni tradotta awtomatikament ta' dan il-kontenut. Jekk jogħġbok innota li din hi pprovduta biss għal finijiet kuntestwali. Is-sid ta’ din il-paġna ma jaċċetta ebda responsabbiltà jew obbligazzjoni fir-rigward tal-kwalità ta’ dan it-test tradott b'mod awtomatiku.

Sorsi tal-liġi

Fl-Italja, bħal f’kull demokrazija moderna, is-sistema politika hija bbażata fuq is-separazzjoni tas-setgħa bejn il-leġiżlatura, l-eżekuttiv u l-ġudikatura.

Is-sorsi tal-liġi tal-Italja normalment jiġu pprovduti permezz tal-leġiżlatura, li l-eżekuttiv imbagħad jinforza. Il-qrati jintervjenu fejn jinkisru l-liġijiet.

Tipi ta’ strumenti legali – deskrizzjoni

Is-sorsi tal-liġi fl-Italja huma, skont l-ordni ta’ importanza:

  • Il-Kostituzzjoni
  • Il-liġijiet (kodiċijiet u liġijiet parlamentari oħra, liġijiet reġjonali)
  • Regolamenti
  • Liġijiet konswetudinarji

Referendum jista’ jkun sors ta’ liġi, jekk dan iħassar liġi preċedenti.

Il-liġi hija miftuħa għall-interpetazzjoni, u l-ġurisprudenza tista’ tinfluwenza d-deċiżjonijiet sussegwenti. Madankollu, il-ġurisprudenza mhix strettament vinkolanti peress li l-Italja għandha sistema ta’ liġi ċivili, fejn liġi pożittiva u miktuba tkun il-gwida prinċipali għall-interpreti.

Il-Kostituzzjoni hija s-sors prinċipali tal-liġi. Din għandha setgħa kostitwenti u tista’ tiġi emendata biss permezz ta’ proċedura speċjali – iktar komplessa minn dik meħtieġa sabiex jiġu mmodifikati liġijiet ordinarji.

Il-liġijiet parlamentari huma r-riżultat ta’ kunsiderazzjoni kemm mill-Kamra tad-Deputati (il-kamra inferjuri) u mis-Senat (il-kamra superjuri) u jridu jiġu infurzati u mħarsa fl-Italja kollha. Esklużi huma liġijiet speċjali adottati għal territorji jew avvenimenti speċifiċi – bħal, pereżempju, minħabba xi terremot.

Il-liġijiet reġjonali għandhom saħħa fit-territorju tar-reġjun ikkonċernat, u għandhom setgħa biss fuq kwistjonijiet speċifiċi.

F’ċerti materji, il-liġijiet reġjonali jistgħu jiġu integrati f’liġijiet statali (jekk ikunu jeżistu) jew jistgħu jsiru esklużivi (fin-nuqqas ta’ regolament nazzjonali) – bħal pereżempju għall-kummerċ, l-edukazzjoni, ir-riċerka xjentifika, l-isport, il-portijiet u l-ajruporti, xogħol bla periklu u beni kulturali.

Ir-regolamenti jikkonsistu minn strumenti ta’ regoli li jiġu sottomessi, b’dettalji dwar l-infurzar tal-liġijiet, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell reġjonali.

Il-ġerarkija tan-normi

Is-sistema ġudizzjarja Taljana hija konformi mar-regoli internazzjonali u Komunitarji, kemm dawk konswetudinarji kif ukoll dawk miktuba.

Teżisti ġerarkija ta’ sorsi ta’ liġijiet. Skont l-istat tad-dritt, liġi m’għandhiex tikkontradixxi lill-Kostituzzjoni u Att sussidjarju m’għandux jikkontradixxi sors leġiżlattiv.

Qafas istituzzjonali

Istituzzjonijiet responsabbli għall-adozzjoni ta’ regoli legali

Normalment, l-istituzzjonijiet li huma responsabbli għall-adozzjoni ta’ regoli legali huma l-parlament u l-kunsilli reġjonali.

F’ċirkostanzi straordinarji, il-gvern jista’ jadotta liġijiet (bil-konferma/il-modifikazzjoni sussegwenti mill-parlament). Dan jista’ jsir f’każijiet ta’ urġenza, jew meta l-parlament ikunu ddelega s-setgħa tiegħu.

Normalment ir-regoli jinħarġu mill-gvern jew mill-kunsilli reġjonali, b’dettalji dwar l-applikazzjoni tal-liġijiet.

Il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet

Il-proċess normali biex liġi tkun adottata tikkonsisti fi tliet fażijiet:

  • Preliminari: Din il-prerogattiva tappartjeni lill-gvern, lil kull membru parlamentari, lil gruppi ta’ votanti (ċittadini), lil kunsilli reġjonali u ċerti istituzzjonijiet speċjali
  • Diskussjoni u votazzjoni: dan jista’ jsir b’diversi modi, skont ir-regoli interni tal-parlament
  • Promulgazzjoni u pubblikazzjoni: Din tikkonsisti mill-proklama mill-President tar-Repubblika tal-Italja u mill-pubblikazzjoni tagħha fil-gazzetta uffiċjali.

Bażijiet tad-dejta legali

Il-proġett "Normattiva", li ngħata bidu f'Marzu 2010 biex jiġu promossi l-informatizzazzjoni u l-klassfikazzjoni tal-liġijiet statali u reġjonali fis-seħħ fl-amministrazzjonijiet pubbliċi u biex tkun iffaċilitata r-riċerka u l-konsultazzjoni tagħhom bla ħlas miċ-ċittadini, kif ukoll biex jiġu pprovduti l-istrumenti għall-attivitajiet ta' riformulazzjoni tal-liġijiet, huwa kompitu li ġie fdat lill-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri, is-Senat tar-Repubblika u l-Parlament.

Il-liġijiet li jinsabu fil-bażi tad-dejta "Normattiva" jistgħu jiġu kkonsultati bit-tliet metodi li ġejjin:

  • it-test oriġinali, hekk kif ikun ġie ppubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali;
  • it-test li jkun attwalment fis-seħħ u effettivament applikabbli fid-data li fiha tiġi kkonsultata l-bażi tad-dejta;
  • it-test fis-seħħ fi kwalunkwe data preċedenti li jindika l-utent.

Fil-verżjoni definittiva tagħha, il-bażi tad-dejta se tkun tinkludi l-korp leġiżlattiv statali kollu tad-dispożizzjonijiet innumerati (liġijiet, digrieti liġi, digrieti leġiżlattivi u atti oħra nnumerati).
Bħalissa hemm madwar 75,000 att, kollha ddatati mill-1946.
Mhumiex inklużi d-digriet ministerjali.

Il-proġett għadu fil-fażi ta’ żvilupp :

  • se tiġi introdotta l-possibilità (għall-bażi tad-dejta kollha) li wieħed jinnaviga fil-kontenut permezz ta’ links dinamiċi li jgħaqqdu l-liġi modifikata mal-artikolu tal-liġi emendatorja suċċessiva
  • se jiġi pperfezzjonat il-metodu ta’ tfittxija u se jkun ukoll possibbli li ssir tfittxija skont "il-kunċett" u skont il-klassijiet semantiċi
  • l-atti kollha tal-liġi ppubblikati matul il-perjodu tal-monarkija mill-1861 sal-1946 se jkunu rkuprati u se jkun disponibbli
  • se jitpoġġew links fil-bażijiet tad-dejta leġiżlattivi pubbliċi l-oħra kollha, u dan il-proċess se jibda minn dawk tal-liġijiet reġjonali u dawk tal-liġijiet komunitarji.
L-aħħar aġġornament: 18/01/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.