Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Litwan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: il-Bulgarul-Ispanjoll-Ingliżil-FranċiżKroatil-Pollakk diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Litwanja

Din il-paġna tipprovdilek informazzjoni dwar is-sistema legali Litwana u ħarsa ġenerali lejn il-liġi Litwana.

Il-kontenut ipprovdut minn
Litwanja

Sorsi tal-liġi

Is-sorsi tal-liġi huma l-mezzi uffiċjali li permezz tagħhom jitwasslu u jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet ġuridiċi.

L-att leġiżlattiv huwa dokument uffiċjali bil-miktub adottat mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat li fih jitniżżlu u jiġu spjegati dispożizzjonijiet ġuridiċi jew li fuqu hija indikata l-bażi ġuridika għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġuridiċi f'każ partikolari. Skont in-natura tal-informazzjoni ġuridika mniżżla fihom, l-atti leġiżlattivi jinkludu dawn li ġejjin:

  1. Strumenti leġiżlattivi – dawn huma deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Istat bil-forma miktuba li jistabbilixxu, jemendaw jew jirrevokaw regoli ta' natura ġenerali li japplikaw għal grupp indeterminat ta' destinatarji u approvati mill-Istat. L-istrumenti leġiżlattivi huma maqsuma f'żewġ kategoriji:
    • Liġijiet, l-ogħla mit-tipi kollha ta' atti leġiżlattivi, li jiġu adottati mill-Parlament tar-Repubblika tal-Litwanja [Seimas] jew permezz ta' referendum nazzjonali, li jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet ġuridiċi ġenerali maħsuba biex jirregolaw l-oqsma ewlenin tal-interazzjoni umana u li għandhom forza ġuridika prevalenti. Il-liġijiet jitqiesu bħala s-sors prinċipali tal-liġi.
    • Strumenti subordinati, li huma strumenti leġiżlattivi adottati fuq il-bażi ta' liġi maħsuba biex jagħtuha forma konkreta u jiżguraw l-implimentazzjoni tagħha. L-istrumenti subordinati jistgħu ma jkunux konsistenti mal-liġijiet. Dawn jinkludu li ġej:
      • Riżoluzzjonijiet tal-Parlament,
      • Riżoluzzjonijiet tal-Gvern,
      • struzzjonijiet u ordnijiet tad-dipartimenti ministerjali,
      • riżoluzzjonijiet u deċiżjonijiet tal-awtoritajiet lokali u tal-amministrazzjonijiet pubbliċi,
      • strumenti oħra.
  2. Atti dwar l-interpretazzjoni, li jiġu adottati sabiex jitfgħu dawl fuq it-tifsira u l-kontenut tad-dispożizzjonijiet ġuridiċi applikabbli. Dawn jiġu adottati minn istituzzjoni li għandha kompetenza biex tinterpreta l-liġi.
  3. Atti ta' implimentazzjoni individwali, li permezz tagħhom jidħlu fis-seħħ ir-rekwiżiti stabbiliti fl-atti leġiżlattivi. Bl-istess mod bħall-istrumenti leġiżlattivi, l-atti ta' implimentazzjoni individwali jipproduċu effetti ġuridiċi iżda ma għandhomx l-istatus ta' sors tal-liġi, għaliex ma joħolqux regoli ta' applikazzjoni universali iżda jindirizzaw skont il-kontenut normattiv tagħhom, persuni speċifiċi f'ċirkostanzi speċifiċi u huma ta' natura unika fis-sena li ma jibqgħux japplikaw meta s-sitwazzjoni soċjali konċernata (reklutaġġ, tmiem tal-impjieg, għoti ta' pensjoni, eċċ.) ma tibqax teżisti.

Sorsi oħra tal-liġi

Minbarra l-istrumenti leġiżlattivi, dawn li ġejjin ukoll huma meqjusa bħala sorsi ta' liġi primarja:

  • Prinċipji ġuridiċi ġenerali (bona fide, l-ekwità, ir-responsabbiltà individwali, ir-raġonevolezza) huma meqjusa bħala parti integrali mis-sistema ġudizzjarja Litwana kemm biex ifissru d-dispożizzjonijiet statutorji u biex jikkumplimentaw lakunae fil-liġi. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 135(1) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja, il-prinċipji universalment rikonoxxuti tad-dritt internazzjonali wkoll huma meqjusa li jiffurmaw parti integrali mis-sistema ġudizzjarja Litwana, u l-qrati Litwani għalhekk għandhom japplikawhom u jużawhom bħala gwida.
  • Il-konswetudini, jiġifieri r-regoli ta' kondotta approvata mill-Istat u stabbilita fis-soċjetà minħabba natura ripetuta u b'effett fit-tul. Il-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja jgħid li l-konswetudini hija sors dirett tal-liġi. Il-konswetudini tista' tiġi applikata meta liġi jew kuntratt jipprovdi espressament għall-applikazzjoni tagħha jew jekk ikun hemm lakuna f'regolament ġuridiku. Il-konswetudini li tikkontradixxi l-prinċipji ġuridiċi ġenerali jew dispożizzjonijiet ġuridiċi imperattivi ma' tistax tiġi applikata.

Dawn li ġejjin huma rikonoxxuti bħala sorsi sekondarju tal-liġi:

  • Il-preċedent ġudizzjarju, jiġifieri sentenza tal-qorti f'każ speċifiku li saret isservi ta' gwida għall-qrati tal-istess jew ta' istanza inferjuri meta' jeżaminaw każijiet simili. Il-preċedent ġudizzjarju huwa aktar ta' natura konsultattiva fis-sistema ġudizzjarja Litwana.
  • Id-dottrina ġuridika.

Ġerarkija ta’ normi

Il-ġerarkija tal-atti leġiżlattivi hija kif ġej:

  1. il-Kostituzzjoni,
  2. il-liġijiet kostituzzjonali;
  3. it-trattati ratifikati;
  4. il-liġijiet
  5. atti leġiżlattivi oħra li jimplimentaw il-liġijiet (atti tal-President, tal-Gvern, tal-Qorti Kostituzzjonali, eċċ.)

L-organizzazzjoni tal-Istituzzjonijiet:

Il- Parlament Litwan [Seimas] huwa l-unika istituzzjoni li tista' tadotta l-liġijiet. L-atti leġiżlattivi adottati minn kull istituzzjoni oħra jridu jkunu konsistenti mal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja u ma' liġijiet oħra.

Strumenti leġiżlattivi oħra jistgħu jiġu adottati minn:

  • il-Parlament Litwan (riżoluzzjonijiet),
  • il-President (digrieti),
  • il-Gvern (riżoluzzjonijiet),
  • ministri u korpi oħra tal-Gvern (ordnijiet),
  • awtoritajiet lokali (deċiżjonijiet, ordnijiet).

Bażijiet tad-dejta ġuridiċi

Il-bazi tad-dejta Litwan tal-atti leġiżlattivi (Lietuvos teisės aktų duomenų bazė) hija proprjetà ta' u hija miżmuma mill-Parlament tar-Repubblika tal-Litwanja.

Il-bażi tad-dejta fiha li ġej:

  • atti leġiżlattivi adottati,
  • abbozzi tal-atti leġiżlattivi,
  • riżoluzzjonijiet,
  • konklużjonijiet,
  • tipi oħra ta’ strumenti leġiżlattivi.

Id-dokumenti f’din il-bażi tad-dejta la huma uffiċjali u lanqas mhuma ġuridikament vinkolanti.

Tista’ tfittex fil-bażi tad-dejta kemm bl-Ingliż kif ukoll bil-Litwan. Jista’ jkollok aċċess għat-tipi varji ta’ dokumenti leġiżlattivi billi tikklikkja l-menu li jinżel “Ittajpja”.

Tista’ ssib ukoll leġiżlazzjoni u dokumenti leġiżlattivi oħra fuq ir-Reġistru tal-atti leġiżlattivi tal-Litwanja (Lietuvos teisės aktų registras). Dan is-sit huwa miżmum mill-intrapriża statali ċ-Centru tar-Reġistri (valstybė įmonė Registrų centras) bis-superviżjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja. Mill-31 ta' Awwissu 2013 ir-Reġistru se jinżamm mill-Kanċellerija tal-Parlament tar-Repubblika tal-Litwanja.

L-aċċess għall-bażi tad-dejta huwa mingħajr ħlas?

Iva, l-aċċess kemm għar-reġistru kif ukoll għall-bażi tad-dejta tal-atti leġiżlattivi tal-Litwanja huwa mingħajr ħlas.

L-aħħar aġġornament: 07/04/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.