Sib informazzjoni għal kull reġjun
Sorsi tad-dritt
Sorsi tad-dritt internazzjonali
Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu huwa marbut bi trattati internazzjonali, multilaterali u bilaterali. Minbarra l-obbligi li dawn l-impenji jimponu fuq l-Istat tal-Lussemburgu fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Stati oħra, xi wħud minn dawk it-trattati huma sorsi tad-dritt għall-individwi (pereżempju, iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jibbażaw direttament fuq il-libertà tal-moviment abbażi tat-trattati Ewropej).
Ftehimiet internazzjonali
Dawn huma trattati internazzjonali u ftehimiet konklużi bejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Stati barranin. Xi eżempji huma l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 jew it-trattati tal-Benelux iffirmati fl-Aja fit-3 ta’ Frar 1958 u fis-17 ta’ Ġunju 2008 rispettivament, u li jorbtu lill-Belġju, lin-Netherlands u lil-Lussemburgu.
Id-dritt tal-Unjoni Ewropea
Id-dritt tal-Unjoni Ewropea jinkludi t-trattati Ewropej infushom u r-regoli tal-leġiżlazzjoni sekondarja, li jinsabu fl-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea u l-Unjoni Ewropea: id-direttivi, id-deċiżjonijiet, ir-regolamenti, l-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet.
Sorsi tad-dritt nazzjonali
Regoli kostituzzjonali
Il-Kostituzzjoni tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu ġiet promulgata fis-17 ta’ Ottubru 1868. Is-sistema kostituzzjonali stabbilita fl-1868 tixbah ħafna lis-sistema tal-Kostituzzjoni Belġjana tal-1831. Minkejja d-diversi differenzi fid-dettalji, wieħed jista’ jirreferi mingħajr riżerva għall-pubblikazzjonijiet dwar id-dritt kostituzzjonali Belġjan fir-rigward tal-prinċipji ġenerali. Minkejja d-diversi emendi kostituzzjonali li saru mill-promulgazzjoni tagħha, il-Kostituzzjoni attwali għadha tikkorrispondi b’mod sostanzjali mat-test promulgat fl-1868.
Il-Kostituzzjoni tal-Lussemburgu hija kostituzzjoni riġida, li jfisser li hija meħtieġa proċedura speċjali biex tiġi emendata, li hija aktar kumplessa mill-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Emenda fil-Kostituzzjoni tirrikjedi żewġ votazzjonijiet suċċessivi tal-Parlament tal-Lussemburgu (Chambre des Députés) u mill-anqas maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa, u mhix permessa votazzjoni bi prokura. Iż-żewġ votazzjonijiet iridu jsiru mill-anqas tliet xhur minn xulxin.
Jekk, fix-xahrejn ta’ wara l-ewwel votazzjoni, aktar minn kwart tal-membri tal-Parlament jew 25,000 votant jitolbu dan, it-test adottat fl-ewwel qari mill-Parlament jiġi soġġett għal referendum. F’dan il-każ, ma jkunx hemm it-tieni votazzjoni u l-emenda tiġi adottata biss jekk tikseb il-maġġoranza tal-voti validi mitfugħa.
Regoli leġiżlattivi
Il-liġijiet huma definiti bħala n-normi mgħoddija mill-Parlament u promulgati mill-Gran Duka. Il-korp leġiżlattiv tal-Lussemburgu jiddeċiedi fuq il-forma ġenerali li jrid li tieħu l-liġi amministrattiva tiegħu, ħlief meta dispożizzjoni kostituzzjonali jew dispożizzjoni tad-dritt internazzjonali tillimita l-libertà tagħha.
Regoli regolatorji
Naturalment, il-liġijiet ma jistgħux jirregolaw kull kwistjoni sal-anqas dettall. Barra minn hekk, l-użu tal-proċedura leġiżlattiva relattivament ikkumplikata mhux dejjem ikun xieraq, pereżempju fil-leġiżlazzjoni f’qasam fejn id-dispożizzjoni trid tiġi emendata b'mod frekwenti.
Huwa hawnhekk fejn jidħol ir-Regolament Gran Dukali (règlement grand-ducal), li huwa l-istrument ta’ implimentazzjoni għal-liġi. Fil-fatt, il-Kostituzzjoni tal-Lussemburgu tinkariga lill-Gran Duka bil-kompitu li “(jippromulga) ir-regolamenti u l-ordnijiet neċessarji biex il-liġijiet jidħlu fis-seħħ”.
X’inhuma, jekk hemm, is-sorsi l-oħra tal-liġi u x’forza għandhom?
Ġurisprudenza
Ir-rikonoxximent tal-ġurisprudenza bħala sors tad-dritt mhuwiex mingħajr id-diffikultajiet tiegħu. Fil-fatt, il-liġi tal-Lussemburgu ma tirrikonoxxix ir-“regola tal-preċedent” applikata f’ordinamenti ġuridiċi bbażati fuq il-mudell tad-dritt komuni, u l-qrati ġeneralment ma jkunux marbuta b’sentenzi mogħtija f’kawżi oħra, lanqas jekk pjuttost simili. Barra minn hekk, l-imħallfin huma pprojbiti milli jieħdu deċiżjonijiet permezz ta’ prinċipji ġenerali u s-sentenza tagħhom għalhekk trid tkun limitata dejjem għall-kawża speċifika li jkollhom quddiemhom.
Fil-prattika, il-produzzjoni tal-ġurisprudenza mogħtija f’kawża simili xorta waħda għandha sinifikat ċar. Barra minn hekk, meta strument ikun miftuħ għall-interpretazzjoni, l-imħallef ikollu b’mod ċar aktar setgħa minħabba li huwa jkun jista’ jfassal il-liġi filwaqt li jinterpretaha.
- Ġurisprudenza internazzjonali
Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jirrikonoxxi l-awtorità diretta ta’ diversi qrati internazzjonali, inkluża l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li għandha s-sede fi Strasburgu.
- Ġurisprudenza Ewropea
Skont l-Artikolu 267 TFUE, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tapplika għall-qrati nazzjonali permezz ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, li jippermetti lill-qrati nazzjonali, qabel jieħdu deċiżjoni, li jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja s-soluzzjoni għall-problemi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-dritt tal-UE, li l-individwi jistgħu jagħmlu użu minnu quddiem dawk il-qrati.
- Ġurisprudenza nazzjonali
Bħala regola ġenerali, is-sentenzi tal-qrati mogħtija fil-konklużjoni ta’ proċedimenti ċivili u kummerċjali għandhom biss awtorità relattiva ta’ res judicata: dawn is-sentenzi jorbtu lill-partijiet fil-kawża, iżda ma jibdlux l-arranġament tal-liġi.
Dan huwa l-każ ukoll għall-maġġoranza tas-sentenzi mogħtija mill-qrati amministrattivi. Bħala eċċezzjoni, meta titressaq azzjoni kontra att regolatorju quddiem il-Qorti Amministrattiva tal-Prim'Istanza (Tribunal administratif) jew il-Qorti Amministrattiva (Cour administrative), sentenza jew deċiżjoni tkun ta’ applikazzjoni ġenerali u tiġi ppubblikata fil-Mémorial, il-ġurnal uffiċjali tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.
Id-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali (Cour constitutionnelle) huma wkoll ta’ applikazzjoni ġenerali u jiġu ppubblikati fil-Mémorial (il-ġurnal uffiċjali tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu).
Il-prinċipji ġenerali tad-dritt
Fost ir-regoli derivati mill-ġurisprudenza, huwa importanti li tiġi nnotata b’mod partikolari l-kategorija tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, definiti bħala “normi ġuridiċi li jorbtu lill-amministrazzjoni u li l-eżistenza tagħhom hija kkonfermata bid-deċiżjonijiet tal-qrati”.
Ġerarkija tan-normi
Fil-liġi domestika, hemm ġerarkija tas-sorsi tad-dritt. Il-Kostituzzjoni hija l-ogħla sors tad-dritt, segwita mil-liġijiet u r-regolamenti.
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni kostituzzjonali, il-pożizzjoni tal-liġi tal-Lussemburgu dwar ir-relazzjoni bejn id-dritt internazzjonali u l-liġi domestika toħroġ esklussivament mill-ġurisprudenza.
Il-ġurisprudenza tal-Lussemburgu dwar dan il-punt kibret mill-bidu tas-snin 50 meta l-ewwel il-Qorti tal-Kassazzjoni (Cour de Cassation), u mbagħad il-Kunsill tal-Istat (Conseil d'Etat), immarkaw it-tmiem tal-pożizzjoni sostnuta qabel li rieżami mill-qrati, tal-konformità tal-liġijiet mat-trattati internazzjonali, kienet impossibbli minħabba s-separazzjoni tas-setgħat.
Skont id-deċiżjoni importanti tal-Kunsill tal-Istat tal-1951, “trattat internazzjonali inkorporat fil-leġiżlazzjoni domestika b’liġi ta’ approvazzjoni huwa liġi ta’ essenza superjuri li għandha oriġini ogħla mir-rieda ta’ korp intern. Dan ifisser li fil-każ ta’ kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ trattat internazzjonali u dawk ta’ liġi nazzjonali sussegwenti, id-dritt internazzjonali għandu jirbaħ fuq il-liġi nazzjonali” (Kunsill tal-Istat, 28 ta’ Lulju 1951, Pas. lux. t. XV, p. 263).
Il-lingwaġġ ta’ dik id-deċiżjoni ovvjament huwa ġenerali ħafna billi d-deċiżjoni tafferma mingħajr ebda distinzjoni li n-normi internazzjonali jirbħu fuq ir-rieda ta’ kwalunkwe korp intern. Madankollu, il-qrati tal-Lussemburgu qatt ma ddeċidew b’mod espliċitu favur il-preminenza tan-normi internazzjonali fuq il-Kostituzzjoni.
Ta’ min jinnota li l-Assemblea Kostitwenti, fiż-żmien tal-emenda tal-1956, irrifjutat b’mod espliċitu abbozz ta’ liġi tal-gvern li ddikjara li “r-regoli tad-dritt internazzjonali huma parti mill-ordni ġuridiku nazzjonali. Huma jieħdu l-preċedenza fuq il-liġijiet nazzjonali u d-dispożizzjonijiet nazzjonali l-oħra kollha.” Il-kummentarju dwar l-artikoli kien iddikjara b’mod ċar li din il-formulazzjoni tal-aħħar kellha tinkludi d-dispożizzjonijiet kostituzzjonali.
Madankollu, il-Kunsill tal-Istat irrikonoxxa b’mod impliċitu dik il-preminenza f’opinjoni tas-26 ta’ Mejju 1992 dwar l-abbozz ta’ liġi li approva t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, fiha l-Kunsill jissuġġerixxi li “wieħed għandu jżomm f’moħħu li skont ir-regola tal-ġerarkija tan-normi legali, id-dritt internazzjonali jieħu l-preċedenza fuq il-liġi nazzjonali u, fil-każ ta’ kunflitt, il-qrati għandhom iwarrbu l-liġi domestika favur it-Trattat. Minħabba l-importanza li tiġi evitata kontradizzjoni bejn il-liġi nazzjonali tagħna u d-dritt internazzjonali, il-Kunsill tal-Istat iħeġġeġ li l-emenda kostituzzjonali relatata sseħħ fil-perjodu ta' żmien xieraq biex tiġi evitata sitwazzjoni ta’ inkompatibbiltà bħal din.” Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu għalhekk jidher li ħa triq deċiżament internazzjonalista.
Din is-sitwazzjoni hija bla dubju ta’ xejn konsegwenza teknika tan-nuqqas ta’ rieżami kostituzzjonali tal-liġijiet fil-Lussemburgu. Il-Qorti Kostituzzjonali tivverifika l-konformità tal-liġijiet mal-Kostituzzjoni. Kwistjoni dwar il-konformità mal-Kostituzzjoni, ta’ liġi li tapprova trattat internazzjonali, ma tistax fil-fatt tiġi rinvijata lilha.
Fis-sistema legali tal-Lussemburgu, liġijiet li jmorru kontra l-Kostituzzjoni jistgħu jiġu ddikjarati bħala mhux kostituzzjonali mill-Qorti Kostituzzjonali. Qorti ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Lussemburgu tista’ tirrinvija kwistjoni lill-Qorti Kostituzzjonali meta, fil-kuntest ta’ proċedimenti quddiemha, titqajjem il-kwistjoni tal-kostituzzjonalità. Mhux possibbli li jsir rikors direttament lill-Qorti.
Huwa possibbli wkoll rikors għall-annullament kontra atti regolatorji illegali quddiem il-Qorti Amministrattiva tal-Prim’Istanza bil-possibbiltà ta’ appell quddiem il-Qorti Amministrattiva. Madankollu, rikors bħal dan ikun ammissibbli biss fi żmien perjodu ta’ tliet xhur mill-pubblikazzjoni tar-regolament. Jekk, wara l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-legalità ta’ att regolatorju tiġi diskussa quddiem qorti ġudizzjarja jew amministrattiva, il-qorti xorta jkollha l-għażla li twarrab l-istrument regolatorju favur il-liġi, iżda, b’differenza mill-azzjoni diretta possibbli matul it-tliet xhur ta' wara l-pubblikazzjoni, dik is-sentenza ma tkunx eżegwibbli b’mod ġenerali.
Dħul fis-seħħ nazzjonali tar-regoli fi strumenti supranazzjonali
Ftehimiet internazzjonali
Il-Kostituzzjoni tal-Lussemburgu hija eċċezzjonalment konċiża fir-regolamentazzjoni tal-proċedura għall-approvazzjoni tat-trattati internazzjonali billi tillimita ruħha li tiddikjara li “t-trattati ma jkollhomx effett qabel ma jkunu ġew approvati bil-liġi u ppubblikati fil-forom speċifikati għall-pubblikazzjoni tal-liġijiet”.
Il-Gran Dukat huwa pajjiż bi tradizzjoni monistika. Fi kliem ieħor, it-trattat innifsu japplika bl-istess mod bħal norma domestika tal-Gran Dukat mingħajr il-ħtieġa li jiġi traspost f’forma jew oħra.
Il-kontenut tal-liġi ta’ approvazzjoni għalhekk huwa qasir ħafna u ġeneralment jillimita ruħu għal artikolu wieħed li jgħid li trattat partikolari “huwa b’dan approvat”. Din il-liġi ma jkollha l-ebda kontenut normattiv. Il-liġi ta’ approvazzjoni tapprova, iżda ma tittrasponix; hija ma għandha l-ebda skop ieħor ħlief li tawtorizza lill-Gvern jipproċedi bir-ratifika tat-trattat.
Il-liġi ta’ approvazzjoni tingħadda mill-Parlament skont il-proċedura ordinarja. Il-votazzjoni normalment issir b’maġġoranza assoluta, ħlief jekk it-trattat ikun jinkludi d-delega tas-setgħat (ara hawn taħt). Mill-emenda tal-1956, il-Kostituzzjoni tal-Lussemburgu tinkludi dispożizzjoni espliċita li tagħmilha possibbli li s-setgħat jiġu delegati lil organizzazzjonijiet internazzjonali permezz ta’ trattat. L-Artikolu 49bis tal-Kostituzzjoni jgħid li “l-eżerċizzju tas-setgħat riżervati mill-Kostituzzjoni għall-fergħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji jista’ jingħata temporanjament bi trattat lil istituzzjonijiet regolati bid-dritt internazzjonali”. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 37 tal-Kostituzzjoni, madankollu, jistipula li t-trattati ta’ dan it-tip iridu jiġu approvati mill-Parlament b’maġġoranza konsiderevolment rinforzata.
Ħlief fejn ikun previst b’mod espliċitu, il-mogħdija ta’ liġi ta’ approvazzjoni ma għandhiex l-effett li ddaħħal fis-seħħ trattat fil-liġi nazzjonali tal-Lussemburgu. Il-liġi ta’ approvazzjoni hija prerekwiżit għad-dħul fis-seħħ tagħha iżda dan iseħħ biss wara r-ratifika. Barra minn hekk, fil-Lussemburgu, anke wara l-approvazzjoni mill-Parlament, il-fergħa eżekuttiva hija meqjusa li żżomm id-diskrezzjoni sħiħa biex tirratifika t-test u l-eżerċizzju ta’ dik is-setgħa ma jistax jiġi rieżaminat mill-qrati.
Id-dħul fis-seħħ ta’ trattat fil-liġi nazzjonali huwa ġeneralment soġġett għal tliet kundizzjonijiet: (1) il-Gran Dukat irid ikun irratifika t-trattat, (2) it-trattat irid ikun fis-seħħ b’mod internazzjonali u (3) it-test tat-trattat irid ikun ġie ppubblikat b’mod sħiħ fil-Mémorial tal-Lussemburgu bl-istess mod bħal liġi.
Ta' min jinnota li l-pubblikazzjoni tat-trattat (mitluba mill-Artikolu 37 tal-Kostituzzjoni) hija rekwiżit separat mir-rekwiżit ta’ pubblikazzjoni tal-liġi li tapprova t-trattat. Naturalment, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, iż-żewġ kundizzjonijiet jiġu ssodisfati fl-istess ħin, jiġifieri t-test tat-trattat jiġi ppubblikat fil-Mémorial immedjatament wara dak tal-liġi. Madankollu, huma żewġ atti separati u l-pubblikazzjoni tagħhom tista’ tkun separata minħabba li t-trattat ma jiffurmax parti integrali mil-liġi ta’ approvazzjoni.
Normi tal-Unjoni Ewropea
Il-Kostituzzjoni tal-Lussemburgu ma fihiex dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw it-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea sekondarja fil-liġi nazzjonali tal-Lussemburgu.
L-istrument normali għall-implimentazzjoni tad-direttivi Ewropej huwa liġi adottata b’maġġoranza ordinarja tal-Parlament.
Filwaqt li, fil-prinċipju, id-direttivi Ewropej normalment iridu jiġu trasposti fil-leġiżlazzjoni tal-Lussemburgu permezz ta’ liġi, madankollu mhuwiex neċessarju li tintuża l-liġi formali meta d-direttiva tkun tikkonċerna kwistjoni diġà regolata b’liġi mhux kontradittorja tal-Lussemburgu. F’dan il-każ, it-traspożizzjoni tista’ ssir permezz ta’ Regolament Gran Dukali adottat fuq il-bażi tas-setgħa ġenerali ta’ infurzar tal-liġijiet li l-Gvern jieħu mill-Artikoli 33 u 36 tal-Kostituzzjoni. Strettament, għalhekk, dak li jkun qiegħed jinforza l-Gran Duka tkun il-liġi tal-Lussemburgu, anki jekk il-kontenut tar-regolament fil-fatt ikun ibbażat fuq id-direttiva Ewropea.
L-użu tal-leġiżlazzjoni jista’ jiġi evitat ukoll meta l-kwistjoni armonizzata mid-direttiva tkun is-suġġett ta’ statut abilitanti li permezz tiegħu l-Parlament jagħti lill-Gvern is-setgħa li jittratta kwistjonijiet li normalment jaqgħu fl-ambitu tal-liġijiet permezz ta’ regolamenti sempliċi.
“Statuti abilitanti” bħal dawn ilhom jiġu adottati mill-Parlament mill-1915 u l-Gvern għalhekk għandu setgħat regolatorji estensivi fl-oqsma tal-ekonomija u l-finanzi li, anki fin-nuqqas ta’ referenza espliċita għall-Ewropa, bla dubju kienu jippermettulu li jittrasponi wkoll diversi direttivi Ewropej.
Madankollu, it-traspożizzjoni tad-direttivi Ewropej illum hija regolata bi statut abilitanti speċifiku tad-9 ta’ Awwissu 1971, emendat b’liġi tat-8 ta’ Diċembru 1980, li l-għan tiegħu huwa limitat għall-awtorizzazzjoni tal-Gvern biex jesegwixxi u japprova d-direttivi tal-Komunitajiet Ewropej dwar kwistjonijiet relatati mal-ekonomija, it-teknoloġija, l-agrikoltura, il-forestrija, l-affarijiet soċjali u t-trasport. B’deroga mill-proċedura regolatorja ordinarja, ir-regolamenti Gran Dukali inkwistjoni jridu jkunu rċevew l-approvazzjoni tal-kumitat parlamentari rilevanti.
Il-proċedura għall-adozzjoni tar-regolamenti Gran Dukali hija kkaratterizzata, bħall-proċedura leġiżlattiva, mill-obbligu tal-Gvern li jissottometti l-abbozz ta’ liġi tiegħu għall-opinjoni tal-Kunsill tal-Istat u tal-kmamar professjonali (Chambres professionnelles). Madankollu, b’differenza mill-proċedura leġiżlattiva, il-proċedura regolatorja tippermetti lill-Gvern sempliċement li jevita dawn il-konsultazzjonijiet fuq il-bażi tal-urġenza li tiġi adottata l-miżura rakkomandata. Madankollu, din il-faċilità hija miċħuda lill-Gvern meta jkollu l-għan li jittrasponi Direttiva tal-UE permezz ta’ regolament Gran Dukali. Fil-fatt, il-liġi tad-9 ta’ Awwissu 1971 tissupplimenta l-proċedura regolatorja ordinarja billi tirrikjedi, minn naħa, il-konsultazzjoni obbligatorja tal-Kunsill tal-Istat u, min-naħa l-oħra, l-approvazzjoni tal-kumitat parlamentari rilevanti.
Fiż-żewġ każijiet, it-test tar-Regolament Gran Dukali jiġi adottat fil-Kunsill tal-Ministri (Conseil des ministres), imbagħad jiġi ffirmat mill-Ministru responsabbli u jiġi ppreżentat lill-Gran Duka għall-iskop ta’ promulgazzjoni. Ir-Regolament Gran Dukali jidħol fis-seħħ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Mémorial.
Dħul fis-seħħ ta’ regoli ta’ oriġini nazzjonali
Fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, il-liġijiet u r-regolamenti jidħlu fis-seħħ biss wara l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Mémorial.
Awtoritajiet li għandhom is-setgħa li jadottaw regoli legali
Normi internazzjonali
Il-Kostituzzjoni tal-Lussemburgu tgħid li “Il-Gran Duka jiffirma t-trattati”. Madankollu, hija tgħid ukoll li “it-trattati ma jidħlux fis-seħħ qabel ma jkunu ġew approvati bil-liġi u ppubblikati fil-forom speċifikati għall-pubblikazzjoni tal-liġijiet”.
Għandu jiġi nnotat li l-approvazzjoni hija meħtieġa għat-trattati internazzjonali kollha, irrispettivament mill-għan tagħhom u li din l-approvazzjoni trid tingħata fil-forma ta’ liġi. Din il-kjarifika tal-aħħar iddaħħlet fl-1956 fuq talba espliċita tal-Kunsill tal-Istat, li qies li “din l-approvazzjoni hija marbuta mal-proċedura tat-tfassil tal-liġijiet, minħabba li l-Kostituzzjoni tirrikonoxxi biss din il-proċedura unika, li tapplika għall-espressjonijiet kollha tar-rieda tal-Parlament, fuq kwalunkwe kwistjoni”.
Normi nazzjonali
Fis-sistema leġiżlattiva tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-inizjattiva għal liġi tista’ tiġi mill-Parlament jew mill-Gvern.
Id-dritt ta’ inizjattiva tal-Gvern jissejjaħ “inizjattiva tal-gvern” u jiġi eżerċitat billi jiġu ppreżentati “abbozzi ta’ liġijiet tal-Gvern”.
Id-dritt ta’ inizjattiva tal-Parlament jissejjaħ “inizjattiva parlamentari” u jiġi eżerċitat billi jiġu ppreżentati “abbozzi ta’ liġijiet ta’ membri privati”.
Wara, dawn l-abbozzi ta’ liġijiet tal-gvern jew ta’ membri privati jiġu sottomessi għall-opinjonijiet tal-korpi kkonċernati (kmamar professjonali) u, fuq kollox, għall-opinjoni tal-Kunsill tal-Istat. Wara li tasal l-opinjoni tal-Kunsill tal-Istat, l-abbozz ta’ liġi tal-gvern jew tal-membru privat jintbagħat lura lill-Parlament.
Proċess għall-adozzjoni ta’ dawn in-normi ġuridiċi
Liġijiet
Il-Parlament huwa parlament unikamerali.
Sabiex jiġi mitigat ir-riskju ta' impetwożità f’sistema unikamerali, l-Assemblea Kostitwenti tal-Lussemburgu stipulat li kull abbozz ta’ liġi tal-gvern irid fil-prinċipju jkun is-suġġett ta’ żewġ votazzjonijiet, mill-anqas tliet xhur minn xulxin.
Madankollu, il-Kostituzzjoni tistipula li l-ħtieġa tat-tieni votazzjoni (magħrufa bħala “it-tieni votazzjoni kostituzzjonali”) tista’ titwarrab “jekk il-Parlament, bi qbil mal-Kunsill tal-Istat, li jkun f’sessjoni miftuħa, jiddeċiedi mod ieħor”.
F’dan il-każ, il-Kunsill tal-Istat jeżerċita funzjoni distintiva ħafna, simili għar-rwol tat-tieni kmamar leġiżlattivi fi Stati oħra (u b’mod partikolari r-rwol tal-House of Lords fl-Ingilterra). Huwa jkun involut l-ewwel darba qabel id-dibattiti parlamentari. Il-Kostituzzjoni tirrikjedi li tintalab l-opinjoni tal-Kunsill tal-Istat fuq kull abbozz ta’ liġi tal-gvern jew ta’ membru privat. Il-Kunsill tal-Istat imbagħad jipparteċipa għat-tieni darba wara l-ewwel votazzjoni tal-Parlament biex jiddeċiedi, f’sessjoni miftuħa, jekk jirrinunzjax għat-tieni votazzjoni.
Fil-prattika, it-tieni votazzjoni tiġi rinunzjata b’dan il-mod għall-maġġoranza kbira tal-liġijiet. Il-Kunsill tal-Istat adotta politika li biha r-rinunzja tingħata kważi fil-każijiet kollha, bis-sanzjoni tar-rifjut tiġi riżervata għall-aktar każijiet serji. L-ostakli potenzjali għar-rinunzja ħafna drabi jitneħħew matul il-proċedura preliminari.
Ta’ min jinnota wkoll li s-setgħa tal-Kunsill tal-Istat mhijiex setgħa effettiva tal-veto, li, barra minn hekk, tkun diffiċli biex tiġi rikonċiljata mal-fatt li l-Kunsill tal-Istat huwa korp mhux elett. Fil-fatt, il-membri tal-Kunsill tal-Istat jiġu maħtura mill-Gran Duka. Fil-każ ta’ post battal, is-sostituti jinħatru fl-ordni li ġejja, l-ewwel: direttament mill-Gran Duka, it-tieni: minn lista ta’ tliet kandidati proposti mill-Parlament u t-tielet: minn lista ta’ tliet kandidati proposti mill-Kunsill tal-Istat. Il-Kunsill tal-Istat jista’ jittardja l-approvazzjoni ta’ liġi biss b’xahrejn u b’dan il-mod jagħti lill-korp leġiżlattiv żmien addizzjonali għar-riflessjoni.
Il-Gran Duka jipparteċipa mhux biss fil-bidu tal-proċedura leġiżlattiva (għall-abbozzi ta’ liġijiet tal-gvern), iżda wkoll wara l-approvazzjoni finali tat-test tal-liġi mill-Parlament. Il-Kostituzzjoni tal-Lussemburgu tgħid li “l-Gran Duka jippromulga l-liġijiet fi żmien tliet xhur mill-vot tal-Parlament.”
Regolamenti Gran Dukali
Skont l-Artikolu 2 tal-liġi tat-12 ta’ Lulju 1996 li tirriforma l-Kunsill tal-Istat (loi du 12 juillet 1996 portant réforme du Conseil d'Etat), kull abbozz ta’ regolament li jimplimenta liġijiet u trattati jista’ jiġi sottomess biss lill-Gran Duka ladarba l-Kunsill tal-Istat ikun ġie kkonsultat għall-opinjoni tiegħu.
Madankollu, il-Gvern jista’ jneħħi din ir-regola ġenerali f’każijiet ta’ urġenza (li għandhom jiġu valutati mill-Gran Duka fuq il-bażi ta’ rapport motivat sewwa mħejji mill-Ministru proponenti) u konsegwentement ma jfittixx l-opinjoni tal-Kunsill tal-Istat (jew Haute Corporation kif xi drabi jissejjaħ). Madankollu, l-eżerċizzju ta’ din il-proċedura ta’ emerġenza għandu jkun riżervat għal ċirkostanzi eċċezzjonali.
Barra minn hekk, jekk att tal-Parlament jirrikjedi espliċitament li l-Kunsill tal-Istat jintalab jagħti l-opinjoni tiegħu dwar ir-regolamenti li jimplimentaw dik il-liġi, il-proċedura ta’ emerġenza ma tista’ tiġi eżerċitata taħt l-ebda ċirkustanza. Dan huwa l-każ ukoll għall-emendi għal abbozzi ta’ regolamenti li l-Kunsill tal-Istat ikun diġà ħareġ l-ewwel opinjoni tiegħu dwarhom.
Bl-istess mod bħal fil-każ tal-atti tal-Parlament, il-Kunsill tal-Istat jagħti l-opinjonijiet tiegħu dwar l-abbozzi ta’ regolamenti fil-forma ta’ rapport motivat li jkun fih konsiderazzjonijiet ġenerali, eżami tat-test tal-abbozz u, meta jkun meħtieġ, kontroabbozz ta’ regolament.
L-eżami mill-Kunsill tal-Istat iqis il-kontenut u l-forma tal-abbozzi ta’ regolamenti kif ukoll il-konformità tagħhom ma’ norma ġuridika ogħla.
Bażijiet ta' data leġiżlattivi
Is-sit Légilux huwa l-portal tal-liġi online tal-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.
Huwa jipprovdi aċċess għal-leġiżlazzjoni tal-Lussemburgu, jew fil-forma tat-testi oriġinali fil-Mémorial A jew fil-forma ta’ testi konsolidati, li jinsabu fil-biċċa l-kbira f’kodiċijiet u ġabriet leġiżlattivi.
Is-sit huwa maqsum fi tliet oqsma ewlenin, li huma:
- Il-Qasam tal-Leġiżlazzjoni li jiġbor flimkien il-pubblikazzjonijiet dwar il-leġiżlazzjoni tal-Lussemburgu, diversi pubblikazzjonijiet oħra u t-testi konsolidati.
- Il-Qasam tal-Amministrazzjoni li jinkludi l-pubblikazzjonijiet meqjusa bħala “amministrattivi”. Dan jikkonsisti prinċipalment minn ġabriet tal-Mémorial B u l-Annuaire Officiel d’Administration et de Législation (id-direttorju uffiċjali tal-amministrazzjoni u l-leġiżlazzjoni).
- Il-Qasam tal-Kumpaniji u tal-Assoċjazzjonijiet, il-Mémorial C, mill-1 ta’ Ġunju 2016, ġie sostitwit b’lista tal-pubblikazzjonijiet disponibbli fuq is-sit web tar-Reġistri Kummerċjali tal-Lussemburgu (Registre de commerce et des Sociétés — RCS). L-arkivji tal-Mémorial C, mill-1996 sal-aħħar Mémorial C ippubblikat fis-27 ta’ Lulju 2016, se jibqgħu disponibbli fil-Qasam tal-Kumpaniji u tal-Assoċjazzjonijiet.
L-aċċess għall-bażi ta' data huwa mingħajr ħlas?
Iva, l-aċċess għall-bażijiet ta' data huwa bla ħlas.
Ħoloq relatati
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.