Leġiżlazzjoni nazzjonali

Malta

Din il-paġna tagħtik informazzjoni dwar is-sistema legali f’Malta.

Il-kontenut ipprovdut minn
Malta

Sorsi tal-liġi

  • Atti tal-Parlament (Leġislazzjoni Prinċipali);
  • Regolamenti, Regoli, Ordnijiet, Ordinamenti (Leġislazzjoni Sussidjarja); u
  • Liġi tal-UE inklużi d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (QEĠ).

Il-Kostituzzjoni hija s-sors bażiku tal-liġi nazzjonali u tistipula li l-Parlament jgħaddi l-liġijiet fil-forma ta’ Atti tal-Parlament, iżda li l-Parlament jista’ jiddelega s-setgħat leġiżlattivi lil korpi oħrajn (jiġifieri, ministeri, awtoritajiet, korpi pubbliċi eċċ.) li jingħataw is-setgħa biex jagħmlu leġislazzjoni sussidjarja fl-isfera tal-awtorità ddelegata lilhom b’Att tal-Parlament.

L-ordni legali nazzjonali għandu jiġi kkunsidrat ukoll fil-kuntest tal-leġislazzjoni tal-UE, u speċjalment fid-dawl tat-Trattat ta’ Adeżjoni.

F’Malta ma jeżistix il-kunċett ta’ liġijiet magħmula mill-imħallef (judge-made law): Il-Qorti tinterpreta l-liġi kif tinsab fid-diversi Atti. Madankollu, dan ma jfissirx li l-preċedenti ġuridiċi m’humiex awtorevoli. Fil-fatt l-imħallfin, b’mod ġenerali, ma jmorrux kontra xi prinċipju stabbilit sew permezz tal-ġurisprudenza, jekk mhux għal xi raġuni serja. Hija wkoll il-prattika li l-Qrati Inferjuri jsegwu l-prinċipji dwar punti ta’ liġi stabbiliti minn Qorti Superjuri.

Tipi ta' strumenti legali – deskrizzjoni

It-trattati internazzjonali wkoll jistgħu jifformaw parti mil-leġislazzjoni domestika ta’ Malta.

Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Umani

Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Umani ġiet inkorporata fil-Liġi ta’ Malta bis-saħħa ta’ Att tal-Parlament Malti, l-Att XIV ta’ l-1987. L-ebda Liġi Maltija ma tista’ tkun inkonsistenti mad-drittijiet u l-libertajiet garantiti mill-Konvenzjoni. Il-Qrati għandhom is-setgħa ta’ verifika.

Ġerarkija tar-regoli

Fuq il-livell nazzjonali, il-Kostituzzjoni hija l-liġi suprema tal-pajjiż, segwita mill-Atti tal-Parlament u mbagħad mil-leġislazzjoni sussidjarja. Madankollu, kif ġie nnotat aktar ’il fuq, it-Trattat ta’ Adeżjoni u r-regolamenti tal-UE huma legalment vinkolanti u operattivi f’Malta, l-istess bħal fl-Istati Membri kollha, u jridu jiġu kkunsidrati b’mod ġenerali flimkien mal-liġi tal-UE.

Qafas istituzzjonali

Istituzzjonijiet responsabbli għall-adozzjoni ta' regoli legali

Essenzjalment, tiġi segwita sistema ta’ kontrolli u bilanċi bejn il-leġislatura, l-eżekuttiv u l-ġudikatura. Filwaqt li t-tlett pilastri jeżerċitaw setgħat leġislattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji fl-isfera tagħhom, is-sistema ta’ kontrolli u ta’ bilanċi, li Malta wirtet mill-prinċipji Ingliżi tas-supremazija tad-dritt, jippermettu ħidma mingħajr problemi min-naħa tas-sistema legali f’Malta.

Proċess deċiżjonali

Malta ssegwi s-sistema parlamentari Brittanika, li mhux sorprendenti wara 180 sena taħt il-kuruna Brittanika. Ministru jipproponi abbozz ta’ liġi, li mbagħad jiġi ppubblikat fil-Gazzetta għall-ewwel qari li għandu jingħata fil-Parlament. Jiddependi mill-importanza tal-liġi inkwistjoni, qabel tista’ tiġi ppubblikata white paper. Il-Kamra tar-Rappreżentanti mbagħad tifforma kumitat u, wara t-tieni qari fejn il-membri tal-Parlament jingħataw l-opportunità li jikkummentaw b’mod ġenerali dwar il-leġislazzjoni partikolari inkwistjoni, l-Istadju tal-Kumitat jeżamina kull artikolu fid-dettall u jista’ jipproponi xi emendi. Meta l-Istadju tal-Kumitat jitlesta, l-Abbozz jintbagħat lura l-Parlament għat-tielet, u l-aħħar, qari. Wara li l-President tar-Repubblika jagħti l-kunsens tiegħu, l-abbozz isir liġi.

Ir-regola ġenerali hija li liġi tidħol fis-seħħ mid-data tal-pubblikazzjoni, sakemm ma jkunx speċifikatament iddikjarat fil-liġi nfisha li l-ministru konċernat jista’ jdaħħal fis-seħħ il-liġi (jew parti minnha) f’data differenti.

Bażijiet tad-dejta legali

Il-Bażi tad-Dejta tal-Leġislazzjoni Nazzjonali: il-Liġijiet ta’ Malta – Servizzi Legali

Is-servizz jagħti aċċess mingħajr ħlas għal:

  • Leġislazzjoni nazzjonali prinċipali u sussidjarja kollha;
  • Pubblikazzjonijiet legali, inklużi l-atti, l-abbozzi tal-liġijiet, l-avviżi legali u l-ordinamenti.

Links relatati

Liġijiet ta’ Malta

L-aħħar aġġornament: 04/05/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.