Il-Polonja hija repubblika li għandha gvern f’forma demokratika. Is-setgħa leġiżlattiva hija vestita fil-Parlament, li jikkonsisti fil-kamra inferjuri – is-Sejm – u l-kamra superjuri – is-Senat. Is-setgħa eżekuttiva hija vestita fil-President tar-Repubblika tal-Polonja Poland (Prezydent Rzeczypospolitej Polskiej) u l-Kunsill tal-Ministri (Rada Ministrów). Is-setgħa ġudizzjarja hija vestita fil-qrati u fit-tribunali.
Is-sistema legali Pollakka hija bbażata fuq is-sistema legali kontinentali (tradizzjoni tal-liġi ċivili).Il-qrati komuni fil-Polonja huma l-qrati tal-appell (sądy apelacyjne), il-qrati provinċjali (okręg) (sądy okręgowe) u l-qrati tad-distrett (rejon) sady rejonowe). Huma kompetenti biex jisimgħu kawżi kriminali, kawżi tal-liġi ċivili, kawżi tal-familja u kawżi dwar il-kustodja, kawżi dwar il-liġi tax-xogħol u kawżi dwar l-assikurazzjoni soċjali.
Il-ġudikatura amministrattiva (Sąd Najwyższy) taqa’ taħt il-Qorti l-Għolja Amministrattiva (Naczelny Sąd Administracyjny), li għandha l-kontroll ġudizzjarju tal-amministrazzjoni pubblika.
Il-Qorti Suprema hija l-ogħla organu ġudizzjarju ċentrali fir-Repubblika tal-Polonja, u għalhekk hija l-ogħla qorti tal-appell. Il-funzjonijiet ewlenin tal-Qorti Suprema huma li tamministra l-ġustizzja fil-Polonja (flimkien mal-qrati komuni, amministrattivi u militarji), li tikkonsidra l-kassazzjoni bħala forma ta’ appell straordinarju u li tadotta riżoluzzjonijiet li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-liġi.
It-Tribunal Kostituzzjonali (Trybunał Konstytucyjny) huwa organu tal-ġudikatura. Huwa kompetenti biex jiddeċiedi dwar:
- Il-konformità ta’ liġi pubblikata mal-Kostituzzjoni
- Tilwim dwar il-kompetenza bejn l-organi tal-amministrazzjoni ċentrali
- Il-konformità tal-għanijiet u l-attivitajiet tal-partiti politiċi fi ħdan il-Kostituzzjoni
- Ilmenti kostituzzjonali mressqa minn ċittadini
Il-verżjoni Ingliża tal-Att li jirregola t-Tribunal Kostituzzjonali u Atti oħrajn relatati huma provduti fuq il-paġna web tat-Tribunal Kostituzzjonali Pollakk.
Sorsi tal-liġi
Is-sorsi tal-liġi Pollakka huma l-Kostituzzjoni, l-istatuti, il-ftehimiet internazzjonali rratifikati u r-regolamenti. Il-Kostituzzjoni hija meqjusa bħala s-sors l-aktar importanti tal-liġi Pollakka. Fiha informazzjoni dwar is-sistema legali Pollakka, l-organizzazzjoni istituzzjonali, is-sistema ġudizzjarja u l-awtoritajiet lokali. Tkopri wkoll il-libertajiet u d-drittijiet politiċi. Il-Kostituzzjoni vinkolanti bħalissa ġiet promulgata fl-1997. It-test tal-Kostituzzjoni Pollakka huwa disponibbli fuq is-sit web tal-Kamra inferjuri tal-Parlament Pollakk (Sejm) bil-Pollakk, bl-Ingliż, bil-Ġermaniż, bil-Franċiż u bir-Russu.
Tipi ta’ strumenti legali – deskrizzjoni
L-istatuti (ustawy) huma strumenti universalment vinkolanti li jkopru kwistjonijiet sinjifikanti. Kwalunkwe kwistjoni tista’ tkun s-suġġett ta’ statut. F’xi każijiet, il-Kostituzzjoni timponi obbligu li kwistjoni speċifika tiġi rregolata minn statut: pereżempju, baġit jew l-istat legali taċ-ċittadini.
Skont il-Kostituzzjoni Pollakka, xi ftehimiet internazzjonali (umowy międzynarodowe) għandhom, qabel ma jiġu rratifikati, jiġu kkonfermati minn statut, li għandu jiġi adottat mill-parlament u ffirmat mill-President. Dawn jinkludu kwistjonijiet bħall-alleanzi, trattati politiċi jew militarji; il-libertajiet, id-drittijiet u d-dmirijiet taċ-ċittadini; l-isħubija fl-organizzazzjonijiet internazzjonali, u kwistjonijiet oħrajn regolati mill-Kostituzzjoni.
Ir-regolamenti (rozporządzenia) jinħarġu mill-korpijiet regolatorji msemmija fil-Kostituzzjoni kif awtorizzati minn statut.
Il-Kunsill tal-Ministri huwa intitolat li joħroġ riżoluzzjonijiet (uchwały) ta’ natura interna, li huma vinkolanti biss fuq l-unitajiet organizzazzjonali li huma subordinati għall-istituzzjoni li toħroġ ir-riżoluzzjoni; dawn ma jistgħux jipprovdu l-bażi legali għal deċiżjonijiet meħuda dwar ċittadini, persuni legali u suġġetti oħrajn.
L-awtoritajiet tal-gvern lokali u l-awtoritajiet lokali tal-amministrazzjoni governattiva jistgħu, fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni minn statut, joħorġu liġijiet lokali (akty prawa miejscowego) li japplikaw għaż-żoni tal-amministrazzjoni tagħhom.
Ġerarkija ta' normi
Il-Kostituzzjoni hija s-sors ewlieni tal-liġi Pollakka. Normi oħrajn fil-ġerarkija tal-Kostituzzjoni Pollakka huma ftehimiet internazzjonali ratifikati, regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea, statuti, ordnijiet u Atti tal-awtoritajiet lokali.
Qafas istituzzjonali
Istituzzjonijiet responsabbli mill-adozzjoni tar-regoli legali
Is-setgħa leġiżlattiva hija eżerċitata mis-Sejm u mis-Senat, iż-żewġt ikmamar tal-Parlament Pollakk. Il-Membri huma eletti għal kariga ta’ erba’ snin. Id-dritt ta’ introduzzjoni tal-leġiżlazzjoni tappartjeni lid-deputati, lis-Senat, lill-President tar-Repubblika tal-Polonja u lill-Kunsill tal-Ministri. Id-dritt ta’ introduzzjoni tal-leġiżlazzjoni tappartjeni wkoll għal grupp ta’ mhux inqas minn 100,000 ċittadin, li għandhom id-dritt li jivvutaw fl-elezzjonijiet tas-Sejm.
Is-Sejm jikkunsidra l-Abbozzi fi tliet qarjiet. Meta Abbozz ikun ġie adottat mis-Sejm u mis-Senat, jintbagħat lill-President għall-firma. Il-President jista’, qabel ma jiffirma Abbozz, jirreferih lit-Tribunal Kostituzzjonali biex jaġġudika dwar il-konformità tiegħu mal-Kostituzzjoni.
Il-Kunsill tal-Ministri jiżgura l-implimentazzjoni tal-istatuti, joħroġ regolamenti, jikkonkludi ftehimiet internazzjonali li jeħtieġu ratifika, u jaċċetta jew jirrinunzja ftehimiet internazzjonali oħrajn.
Proċess deċiżjonali
Inizzjazzjoni
Il-leġiżlazzjoni tista’ tiġi introdotta mid-deputati, mis-Senat, mill-President tar-Repubblika, mill-Kunsill tal-Ministri u minn grupp ta’ mhux inqas minn 100,000 ċittadin intitolati li jivvutaw fl-elezzjonijiet tas-Sejm.
Fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-Abbozzi jiġu sottomessi mill-Kunsill tal-Ministri jew mid-deputati.
Abbozz, mal-ġustifikazzjoni tiegħu, għandu jiġi sottomess lill-Marixxall tas-Sejm (Marszałek Sejmu), , li jibagħtha lill-President tar-Repubblika, lis-Senat u lill-President tal-Kunsill tal-Ministri (prim ministru ).
Diskussjoni
Is-Sejm jikkunsidra lill-Abbozzi fi tliet stadji ta’ qari . L-abbozzi jiġu eżaminati wkoll mill-kummissjonijiet speċifikati mis-Sejm u mis-Senat.
Adozzjoni
Is-Senat għandu, fi żmien 30 jum mis-sottomissjoni ta’ Abbozz, jadottah mingħajr emendi, jadotta emendi jew jirriżolvi dwar iċ-ċaħda kompleta tiegħu. Is-Sejm jista’ jiċħad l-emendi tas-Senat biss permezz ta’ vot ta’ maġġoranza assoluta fil-preżenza ta’ mhux inqas minn nofs l-għadd statutorju ta’ deputati.
Proklamazzjoni
Wara li titlesta l-proċedura fis-Sejm u fis-Senat, il-Marixxall tas-Sejm għandu jissottometti l-Abbozz adottat lill-President għall-firma. Il-President tar-Repubblika għandu jiffirma Abbozz fi żmien 21 jum mis-sottomissjoni u għandu jordna l-promulgazzjoni tiegħu fil-Ġurnal tal-Liġijiet tar-Repubblika tal-Polonja (Dziennik Ustaw). Erbatax-il jum wara, l-Att jidħol fis-seħħ. Madankollu d-data tad-dħul fis-seħħ tista’ wkoll tiġi stabbilita fit-test ta’ Abbozz. Skond is-sistema tal-liġi Pollakka, Abbozz jista’ jitħassar biss minn Abbozz ieħor. Id-data meta l-Att jew liġi jitlef jew titlef is-saħħa ta’ liġi għandha tiġi inkluża fit-test tal-Att jew liġi.
Bażijiet tad-dejta legali
Tista’ ssib Atti legali lura sal-1918 fuq is-sit web tal-Bażi tad-dejta legali Pollakk (Sejm), flimkien ma’ lista ta’ dawn l-Atti.
L-aċċess għall-bażi tad-dejta huwa mingħajr ħlas.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.