Medjazzjoni fil-pajjiżi tal-UE

Awstrija

Minflok tmur il-qorti, għaliex ma tippruvax issolvi t-tilwima tiegħek permezz tal-medjazzjoni? Din hija proċedura ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, fejn medjatur jgħin lil dawk involuti f’tilwima biex jaslu għal ftehim.

Il-kontenut ipprovdut minn
Awstrija

Lil min nista’ nikkuntattja?

Il-Ministeru Federali għall-Ġustizzja jżomm lista ta’ medjaturi reġistrati. Il-medjaturi kollha inklużi fil-lista jkunu segwew taħriġ speċifiku.

Ma hemmx awtorità ċentrali responsabbli għas-servizzi ta’ medjazzjoni.

Jeżistu assoċjazzjonijiet professjonali, u oħrajn mhux professjonali, li joffru servizzi ta’ medjazzjoni u xi organizzazzjonijiet mhux governattivi li joffru appoġġ lill-medjaturi.

Meta għandi nirrikorri għand medjatur?

F’kawżi ċivili, il-medjazzjoni tista’ tintuża biex jiġi solvut tilwim li fih normalment jieħdu deċiżjoni l-qrati ordinarji. Il-partijiet f’tilwima jistgħu jagħżlu l-medjazzjoni volontarjament biex isibu soluzzjoni huma stess għat-tilwima.

F’ċertu tilwim bejn il-ġirien, qabel ma każ jitressaq quddiem il-qorti jrid isir tentattiv li dan jissolva barra mill-qorti. Dan jista’ jsir billi l-kwistjoni tiġi rrinvijata lil bord ta’ konċiljazzjoni, billi tinstab soluzzjoni qabel il-proċess permezz tal-qorti distrettwali (proċedura magħrufa bħala “prätorischer Vergleich”) jew permezz tal-medjazzjoni.

Hemm xi regoli speċifiċi li jridu jiġu segwiti?

Ma jeżistux regoli speċifiċi għall-medjaturi u ma jeżistix kodiċi ta’ kondotta. Ċerti drittijiet u obbligi japplikaw biss għall-medjaturi inklużi fil-lista reġistrata.

Il-medjaturi ma jiġux irreġistrati bħala speċjalisti f’qasam partikolari, bħal pereżempju f’tilwim tal-familja, mediku jew dwar il-kostruzzjoni, iżda d-dettalji dwar l-oqsma li fihom medjatur reġistrat ikun jaħdem jistgħu jiddaħħlu separatament.

Kull persuna li tkun lestiet it-taħriġ speċifiku u li tissodisfa r-rekwiżiti tista’ tiġi elenkata bħala medjatur reġistrat. “Medjatur” ma huwiex titolu professjonali protett; madankollu, it-titolu “medjatur reġistrat” ma jistax jintuża minn persuni mhux awtorizzati.

Informazzjoni u taħriġ

Tista’ ssib informazzjoni addizzjonali, inklużi d-dettalji dwar it-taħriġ u r-rekwiżiti biex tiġi rreġistrat bħala medjatur fl-Awstrija hawnhekk. L-informazzjoni hija disponibbli bil-Ġermaniż biss.

Kemm tiswa l-medjazzjoni?

Ġeneralment il-medjazzjoni ma hijiex mingħajr ħlas.

It-tariffi tal-medjazzjoni jiġu miftiehma bejn il-medjatur privat u l-partijiet fit-tilwima.

Ftehim li jirriżulta mill-medjazzjoni jista’ jsir eżekutorju?

Skont id-Direttiva 2008/52/KE l-partijiet f’tilwima għandhom jingħataw l-opportunità li jippreżentaw talba, biex il-kontenut ta’ ftehim bil-miktub wara l-medjazzjoni jkun jista’ jsir eżekutorju. Huwa kompitu tal-Istati Membri li jindikaw għand liema qorti jew awtorità oħra għandhom jintbagħtu dawn it-talbiet.

Fl-Awstrija, il-kontenut ta’ ftehim li jirriżulta mill-medjazzjoni huwa eżekutorju biss jekk il-ftehim jieħu forma ta’ soluzzjoni (Vergleich) quddiem il-qorti jew att notarili quddiem nutar.

L-aħħar aġġornament: 17/01/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.