Sib informazzjoni għal kull reġjun
Lil min għandek tikkuntattja?
Is-Servizz tal-Probation u l-Medjazzjoni tar-Repubblika Ċeka (Probační a mediační služba ČR) huwa l-korp ċentralizzat responsabbli mill-medjazzjoni bħala mezz biex jiġu trattati l-konsegwenzi ta’ reat kriminali bejn it-trasgressur u l-vittma fi proċedimenti kriminali. Il-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Ċeka huwa responsabbli minn dan is-servizz.
Għall-medjazzjoni fi kwistjonijiet tal-liġi ċivili, tista’ tikkuntattja wieħed mill-medjaturi li joffru dak is-servizz. Tista’ ssib il-kuntatti tal-medjaturi li jaħdmu fir-Repubblika Ċeka f’diversi websajts billi ddaħħal il-kelma tat-tfittix ‘medjazzjoni’.
Tista’ ssib lista ta’ medjaturi, pereżempju fil-websajts tal-Assoċjazzjoni Ċeka tal-Medjaturi, l-Assoċjazzjoni Ċeka tal-Avukatura u l-Unjoni tal-Proċeduri tal-Arbitraġġ u tal-Medjazzjoni tar-Repubblika Ċeka. Wieħed jista’ jsib il-kuntatti tal-professjonisti li jaħdmu taħt il-mandat tal-qrati distrettwali rilevanti fil-websajt tas-Servizz tal-Probation u l-Medjazzjoni tar-Repubblika Ċeka.
Lista ta’ medjaturi rreġistrati skont l-Att Nru 202/2012 dwar il-medjazzjoni, miżmuma mill-Ministeru tal-Ġustizzja, hija disponibbli hawnhekk.
Għadd ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u entitajiet oħra li jaħdmu fil-qasam tal-medjazzjoni.
F’liema oqsma huwa ammissibbli jew l-aktar komuni l-użu tal-medjazzjoni?
Il-medjazzjoni hija ammissibbli f’kull qasam tal-liġi, barra fejn hija eskluża bil-leġiżlazzjoni. Dan jinkludi l-liġi tal-familja, il-liġi kummerċjali u l-liġi kriminali. Skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, l-imħallef li jkun qed jippresjedi jista’, jekk ikun prattiku u xieraq, jordna lill-partijiet fil-proċedimenti jagħmlu laqgħa inizjali ta’ tliet sigħat ma’ medjatur. F’dawn il-każijiet, il-proċedimenti jistgħu jiġu sospiżi sa tliet xhur.
Hemm xi regoli speċifiċi li jridu jiġu segwiti?
Iva, il-medjazzjoni hija rregolata kemm mill-Att Nru 202/2012 dwar il-medjazzjoni kif ukoll, fil-qasam tal-proċedimenti kriminali, mill-Att Nru 257/2000 dwar is-Servizz tal-Probation u l-Medjazzjoni tar-Repubblika Ċeka.
Informazzjoni u taħriġ
Medjatur irreġistrat li jaħdem skont l-Att Nru 202/2012 dwar il-medjazzjoni jkollu jgħaddi minn eżami professjonali quddiem kummissjoni maħtura mill-Ministeru tal-Ġustizzja. Medjatur li jaħdem fi ħdan il-mandat tas-Servizz tal-Probation u l-Medjazzjoni skont l-Att Nru 257/2000 dwar is-Servizz tal-Probation u l-Medjazzjoni tar-Repubblika Ċeka jrid jgħaddi b’suċċess minn eżami ta’ kwalifika.
It-taħriġ tal-medjaturi li jaħdmu fis-sistema tal-ġustizzja kriminali jitwettaq mis-Servizzi tal-Probation u l-Medjazzjoni; it-taħriġ fil-qasam tal-medjazzjoni mhux kriminali huwa offrut minn firxa ta’ korpi u istituzzjonijiet edukattivi.
Kemm tiswa l-medjazzjoni?
Il-medjazzjoni pprovduta mis-Servizz tal-Probation u l-Medjazzjoni hija bla ħlas, jew l-ispejjeż jitħallsu mill-Istat.
Jekk qorti tissospendi l-proċedimenti f’kawża ċivili u tordna lill-partijiet jorganizzaw laqgħa inizjali ma’ medjatur, l-ewwel tliet sigħat tal-laqgħa tal-medjazzjoni jitħallsu bir-rata stabbilita fil-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni (CZK 400 għal kull siegħa mibdija), u din it-tariffa tiġi kondiviża miż-żewġ partijiet b’mod ugwali (jekk il-partijiet ikunu eżentati mit-tariffi tal-qorti, dawn jitħallsu mill-Istat). Jekk il-medjazzjoni testendi lil hinn minn tliet sigħat, l-ispejjeż ulterjuri jinqasmu ugwalment bejn iż-żewġ partijiet, bl-ammont miftiehem bejn il-medjatur u l-partijiet fil-medjazzjoni (jiġifieri fil-proċedimenti).
Huwa possibbli li l-ftehim li jirriżulta mill-medjazzjonili jiġi infurzat?
Id-Direttiva 2008/52/KE tippermetti li dawk involuti fit-tilwima jirrikjedu li ftehim bil-miktub li joħroġ minn medjazzjoni jsir infurzabbli. Ftehim bejn il-partijiet fil-medjazzjoni f’kawża ċivili jista’ jiġi ppreżentat lill-qorti għall-approvazzjoni fil-kuntest ta’ proċedimenti ulterjuri. Ir-riżultati tal-medjazzjoni li tkun saret fil-kuntest ta’ proċedimenti kriminali mis-Servizz tal-Probation u l-Medjazzjoni jistgħu jitqiesu mill-prosekutur pubbliku u mill-qorti fid-deċiżjoni tagħhom fil-każ partikolari.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.