Sib informazzjoni għal kull reġjun
Lil min għandek tikkuntattja?
Il-ġestjoni, il-gwida u s-superviżjoni ġenerali tal-medjazzjoni f’kawżi kriminali u f’ċerti kawżi ċivili huma r-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali. L-uffiċċji provinċjali tas-saħħa tal-Istat iridu jiżguraw li s-servizzi ta’ medjazzjoni jkunu disponibbli u jiġu implimentati b’mod xieraq fil-partijiet kollha tal-pajjiż.
Tista’ ssib iktar informazzjoni dwar il-medjazzjoni fis-sit elettroniku tal-Istitut Nazzjonali tas-Saħħa u tal-Benesseri (THL).
Is-servizzi ta’ medjazzjoni konnessi mal-qrati jiġu ġestiti mill-qrati Distrettwali. Il-Qrati Distrettwali jistgħu jiddeċiedu li jagħtu bidu għal medjazzjoni f’tilwim ċivili. L-iskop tal-medjazzjoni huwa li l-partijiet għal tilwima jingħataw għajnuna sabiex tinstab soluzzjoni li tkun aċċettabbli għalihom it-tnejn. Għaldaqstant, ir-riżultati miksuba permezz tal-medjazzjoni ġeneralment ikunu bbażati iktar fuq dak li huwa raġonevoli f’ċerti ċirkustanzi milli fuq l-applikazzjoni stretta tal-liġi. Iktar informazzjoni dwar il-qrati Distrettwali hija disponibbli mis-Sit Elettroniku tal-Ministeru tal-Ġustizzja Finlandiż. Huwa wkoll disponibbli ktejjeb fuq il-medjazzjoni ġudizzjarja.
F'liema qasam huwa l-użu tal-medjazzjoni ammissibbli u/jew l-aktar komuni?
Il-medjazzjoni tintuża kemm fi kwistjonijiet ċivili kif ukoll fi kwistjonijiet kriminali.
Il-medjazzjoni tintuża l-iktar fit-tilwim ċivili, partikolarment f’kawżi ċivili minuri. Madankollu, mhux it-tilwim ċivili kollu għandu jkun suġġett għal medjazzjoni konnessa mal-qrati. It-tilwim li jikkonċerna l-konsumaturi, pereżempju, jista’ jiġi ġestit minn konsulent tal-konsumaturi u mill-Bord tal-Ilmenti tal-Konsumaturi. Madankollu, għall-kwistjonijiet kriminali, hemm proċedura speċifika għall-medjazzjoni.
Il-kwistjonijiet u t-tilwim ċivili li jitressqu quddiem il-qrati ġenerali jistgħu jkunu suġġetti għal medjazzjoni kif inhu stabbilit fl-istatut dwar il-medjazzjoni konnessa mal-qrati (Att 663/2005). L-għan tal-medjazzjoni konnessa mal-qrati hija l-ftehim bonarju tat-tilwim. Il-prerekwiżiti għal medjazzjoni konnessa mal-qrati huma li l-kwistjoni tkun tista’ tiġi suġġetta għall-medjazzjoni u li l-medjazzjoni tkun adattata fid-dawl tat-talbiet tal-partijiet. Waħda mill-partijiet għal tilwima jew iż-żewġ partijiet jistgħu jagħmlu applikazzjoni bil-miktub qabel ma jmorru quddiem qorti. L-applikazzjoni trid tiġi ppreżenata bil-miktub, u trid tindika s-suġġett tat-tilwima u x’differenza hemm bejn il-pożizzjonijiet tal-partijiet. Barra minn hekk, iridu jingħataw raġunijiet għaliex il-kwistjoni tista’ tkun suġġetta għal medjazzjoni.
Il-konċiljazzjoni (medjazzjoni) tista’ tintuża anki f’kawżi ċivili fejn mill-inqas waħda mill-partijiet tkun persuna fiżika. Il-kawżi ċivili, madankollu, ħlief dawk li jinvolvu talbiet għad-danni bbażati fuq reat, jistgħu jiġu rrinvijati għall-konċiljazzjoni biss jekk it-tilwima tkun waħda minuri, meta jiġu kkunsidrati s-suġġett u t-talbiet li saru fil-kawża. Dak li jipprovdi l-istatut dwar il-konċiljazzjoni fil-kawżi kriminali japplika, kif ikun xieraq, għall-konċiljazzjoni fil-kawżi ċivili.
Il-konċiljazzjoni tista’ titwettaq ma’ partijiet li jkunu esprimew personalment u volontarjament il-qbil tagħhom rigward il-konċiljazzjoni. Dawn iridu jkunu jistgħu jifhmu din xi tfisser u x’inhuma s-soluzzjonijiet li jistgħu jinstabu permezz tal-proċess ta’ konċiljazzjoni. B’hekk, qabel ma l-partijiet jaqblu li jużaw il-proċess ta’ konċiljazzjoni, iridu jiġu spjegati lilhom id-drittijiet li għandhom rigward il-konċiljazzjoni u l-pożizzjoni tagħhom fil-proċess ta’ konċiljazzjoni. Kull parti jkollha d-dritt li tirtira l-qbil tagħha fi kwalunkwe ħin waqt il-proċess ta’ konċiljazzjoni.
Il-persuni taħt l-età jridu juru l-qbil tagħhom mal-konċiljazzjoni personalment. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni ta’ persuna taħt l-età fil-konċiljazzjoni teħtieġ il-qbil tal-gwardjan tiegħu jew tagħha jew ta’ rappreżentanti legali oħrajn. Adulti li ma jkunux legalment kompetenti jistgħu jipparteċipaw fil-konċiljazzjoni jekk jifhmu t-tifsira tal-kawża u jekk jagħtu l-qbil personali tagħhom mal-proċess.
Il-konċiljazzjoni tista’ tintuża għal reati li jiġu kkunsidrati bħala eliġibbli għall-konċiljazzjoni, fejn jitqiesu n-natura u l-metodu tar-reat, ir-relazzjoni bejn is-suspettat u l-vittma u kwistjonijiet oħrajn marbuta mar-reat kollu. Ir-reati li jinvolvu vittmi taħt l-età ma għandhomx jiġu rrinvijati għall-konċiljazzjoni jekk il-vittma tkun teħtieġ protezzjoni speċjali minħabba n-natura tar-reat jew minħabba l-età tagħha.
L-uffiċċji tal-medjazzjoni jirċievu talbiet għal medjazzjoni u jikkooperaw ma’ diversi awtoritajiet matul il-proċess kollu tal-medjazzjoni. Kull każ ta’ medjazzjoni jiġi assenjat lil medjatur volontarju magħżul minn professjonisti li jaħdmu fl-uffiċċju ta’ medjazzjoni. Il-medjaturi jieħdu f’idejhom każijiet ta’ medjazzjoni u l-elementi prattiċi relatati f’kooperazzjoni mal-uffiċċju ta’ medjazzjoni. L-istaff tal-uffiċċju jiggwida u jissuperviżjona lill-medjaturi f’xogħolhom.
Hemm regoli speċifiċi li wieħed irid isegwi?
Fi kwistjonijiet kriminali, il-konċiljazzjoni tista’ ssir biss bejn partijiet li jkunu esprimew personalment u volontarjament il-qbil tagħhom mal-konċiljazzjoni u jkunu kapaċi jifhmu t-tifsira tagħha u s-soluzzjonjiet li jinstabu permezz tal-proċess ta’ konċiljazzjoni. Fi kwistjonijiet ċivili (medjazzjoni konnessa mal-qrati), biex jinbeda l-proċess ta’ medjazzjoni jkun meħtieġ il-kunsens tal-partijiet kollha.
Fil-Finlandja, hemm kodiċi nazzjonali ta’ kondotta għall-medjaturi, b’kodiċijiet ta’ kondotta settorjali għall-medjaturi (eż. skont il-qasam ta’ speċjalizzazzjoni, ngħidu aħna, medjaturi fil-qasam tal-liġi tal-familja, fil-qasam mediku, jew f’dak tal-kostruzzjoni).
Informazzjoni u taħriġ
Ktejjeb dwar il-medjazzjoni ġudizzjarja konnessa mal-qrati huwa disponibbli mis-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Ġustizzja Finlandiż.
L-Istitut Nazzjonali tas-Saħħa u tal-Benesseri (THL) jorganizza taħriġ għall-medjaturi.
L-istitut jikkompila anki informazzjoni statistika dwar il-medjazzjoni fil-kawżi kriminali u ċivili, jimmonitorja u jwettaq riċerka dwar l-attivitajiet ta’ medjazzjoni, u jikkoordina l-isforzi ta’ żvilupp f’dan il-qasam. Din il-ħidma hija appoġġjata mill-Bord Konsultattiv dwar il-Medjazzjoni fil-Kawżi Kriminali u Ċivili.
X'inhi l-ispiża tal-medjazzjoni?
Il-medjazzjoni fil-kawżi kriminali hija servizz mingħajr ħlas. Din tippermetti li l-vittma ta’ reat u min iwettaq ir-reat jiltaqgħu permezz ta’ medjatur imparzjali sabiex jiddiskutu d-dannu mentali u materjali li sar lill-vittma u jaqblu dwar miżuri sabiex jinstab rimedju għad-dannu (Att 1016/2005).
Il-medjazzjoni tinvolvi inqas spejjeż minn kawża l-qorti għall-partijiet ikkonċernati. Kull parti tħallas biss l-ispejjeż tagħha u mhix obbligata tħallas l-ispejjeż tal-parti opposta. Jekk il-partijiet jixtiequ dan, jistgħu jqabbdu konsulent legali. Huwa wkoll possibbli li parti tapplika għall-għajnuna legali fl-uffiċċju tal-għajnuna legali.
F’medjazzjoni ġudizzjarja, huwa l-imħallef tal-qorti distrettwali li jagħmilha ta’ medjatur. Fil-fatt, il-medjazzjoni f’tilwim hija waħda mill-kompiti ordinarji ta’ mħallef. Jekk il-kawża teħtieġ għarfien speċifiku f’xi qasam partikolari, il-medjatur, bil-qbil tal-partijiet, jista’ jqabbad assistent li jitħallas mill-partijiet.
Għal medjazzjoni ġudizzjarja jintalab xi ħlas, l-istess bħal kull proċedura oħra ġestita mill-qorti.
Huwa possibbli li jiġi eżegwit ftehim li jirriżulta minn medjazzjoni?
Id-Direttiva 2008/52/KE tippermetti li dawk involuti f’tilwima jitolbu li ftehim bil-miktub li jirriżulta mill-medjazzjoni jiġi infurzat. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni liema huma dawk il-qrati u l-awtoritajiet kompetenti l-oħra li jistgħu jirċievu t-talbiet.
Il-Finlandja għadha ma kkomunikatx din l-informazzjoni.
Links relatati
Opuskolu dwar il-medjazzjoni ġudizzjarja, Sit elettroniku dwar il-medjazzjoni (L-Istitut Nazzjonali tas-Saħħa u tal-Benesseri (THL))
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.