Sib informazzjoni għal kull reġjun
Lil min għandek tikkuntattja?
Bosta organizzazzjonijiet jipprovdu servizzi ta’ medjazzjoni. Hawn taħt issib lista mhux eżawrjenti ta’ xi wħud mill-assoċjazzjonijiet il-kbar:
- Assoċjazzjoni Federali għall-Medjazzjoni tal-Familja (Bundes-Arbeitsgemeinschaft für Familien-Mediation e.V. (BAFM): Fritschestraße 22, 10585 Berlin, il-Ġermanja)
- Assoċjazzjoni Federali għall-Medjazzjoni (Bundesverband Mediation e.V. (BM): Wittestraße 30K, 13509 Berlin, il-Ġermanja)
- Assoċjazzjoni Federali għall-Medjazzjoni Ekonomika u Professjonali (Bundesverband Mediation in Wirtschaft und Arbeitswelt e.V. (BMWA): Prinzregentenstraße 1, 86150 Augsburg, il-Ġermanja)
- Ċentru għall-Medjazzjoni (Centrale für Mediation GmbH & Co.KG (CfM): Gustav-Heinemann-Ufer 58, 50968 Cologne, il-Ġermanja)
- Assoċjazzjoni Ġermaniża tal-Avukati (Grupp ta’ ħidma dwar il-medjazzjoni fl-Assoċjazzjoni Ġermaniża tal-Avukati (Arbeitsgemeinschaft Mediation im Deutschen Anwaltverein), Littenstraße 11, 10179 Berlin, il-Ġermanja)
- Assoċjazzjoni Ġermaniża għall-Medjazzjoni (Deutsche Gesellschaft für Mediation (DGM), Friedrich-Ebert-Straße 10, 59425 Unna, il-Ġermanja)
- Forum Ġermaniż għall-Medjazzjoni (Deutsches Forum für Mediation (DFfM), Hohe Straße 11, 04107 Leipzig, il-Ġermanja)
- Ċentru għall-Medjazzjoni Internazzjonali f’Kunflitti tal-Familja u Ħtif tat-tfal (Internationales Mediationszentrum für Familienkonflikte und Kindesentführung e.V. (MiKK), Fasanenstraße 12, 10623 Berlin, il-Ġermanja)
Dawn l-assoċjazzjonijiet jappoġġaw lill-partijiet li jixtiequ jużaw medjatur biex isibu medjatur xieraq.
F'liema oqsma huwa ammissibbli u/jew l-aktar komuni l-użu tal-medjazzjoni?
Ġeneralment, meta ma jkun hemm l-ebda rekwiżit legali formali li tip partikolari ta’ tilwima jew kwistjoni trid tiġi ttrattata fil-qorti, il-medjazzjoni hija dejjem permessa. L-iktar oqsma komuni għall-medjazzjoni huma l-liġi tal-familja, il-liġi tas-suċċessjoni u l-liġi tal-kummerċ.
Hemm xi regoli speċifiċi li jridu jiġu segwiti?
L-Att dwar il-Medjazzjoni (Mediationsgesetz) (l-Artikolu 1 tal-Att li jippromwovi l-medjazzjoni u proċeduri oħra għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti tal-21 ta’ Lulju 2012, il-Gazzetta Federali tal-Liġi I (Bundesgesetzblatt I)¸ p. 1577), daħal fis-seħħ fil-Ġermanja fis-26 ta’ Lulju 2012. Din kienet l-ewwel biċċa leġiżlazzjoni li tirregola formalment is-servizzi ta’ medjazzjoni fil-Ġermanja. L-Att jittrasponi wkoll id-Direttiva Ewropea dwar il-Medjazzjoni fil-liġi Ġermaniża (id-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali, ĠU L 136, 24.5.2008, p. 3). L-ambitu tal-Att Ġermaniż dwar il-Medjazzjoni jiżboq ir-rekwiżiti tad-Direttiva Ewropea; filwaqt li d-Direttiva tipprovdi biss għal tilwim ċivili u kummerċjali transfruntiera, l-Att Ġermaniż dwar il-Medjazzjoni jkopri l-forom kollha ta’ medjazzjoni fil-Ġermanja, irrispettivament mill-forma tat-tilwima jew il-post ta’ residenza tal-partijiet ikkonċernati.
L-Att Ġermaniż dwar il-Medjazzjoni jistabbilixxi biss linji gwida ġenerali, minħabba li l-medjaturi u l-partijiet ikkonċernati għandhom bżonn spazju sinifikanti fejn jimmanuvraw matul il-proċess ta’ medjazzjoni. L-Att inizjalment jiddefinixxi t-termini “medjazzjoni” u “medjatur”, biex jiddistingwi l-medjazzjoni minn forom oħra ta’ soluzzjoni tat-tilwim. Skont l-Att, il-medjazzjoni hija proċess strutturat li bih il-partijiet implikati volontarjament u b’mod awtonomu jfittxu forma ta’ soluzzjoni reċiproka tat-tilwim bl-għajnuna ta’ medjatur wieħed jew aktar. Il-medjaturi huma persuni indipendenti u imparzjali, mingħajr is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet, li jiggwidaw lill-partijiet ikkonċernati fil-proċedura ta’ medjazzjoni. L-Att jevita deliberatament li jistabbilixxi kodiċi preċiż ta’ kondotta għall-proċedura tal-medjazzjoni. Madankollu, huwa jistabbilixxi għadd ta’ obbligi ta’ żvelar u restrizzjonijiet fuq l-attività, biex jipproteġi l-indipendenza u l-imparzjalità tal-professjoni tal-medjatur. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni tobbliga formalment lill-medjaturi biex iżommu kunfidenzjalità stretta dwar il-klijent.
L-Att jippromwovi soluzzjoni reċiproka tat-tilwim billi jinkludi għadd ta’ inċentivi differenti fil-kodiċijiet proċedurali uffiċjali (eż. il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, Zivilprozessordnung). Minn issa ’l quddiem, pereżempju, meta l-partijiet iressqu każ f’qorti ċivili, ikollhom jgħidu jekk fittxewx diġà li jsolvu l-kwistjoni permezz ta’ miżuri barra mill-qorti, bħall-medjazzjoni, u jekk hemmx raġunijiet speċifiċi biex ma jikkunsidrawx azzjoni f’din id-direzzjoni. Barra minn hekk, il-qorti tista’ tissuġġerixxi li l-partijiet jippruvaw isolvu l-kunflitt permezz tal-medjazzjoni, jew permezz ta' forma oħra ta’ soluzzjoni barra mill-qorti; jekk il-partijiet jirrifjutaw li japplikaw din l-għażla, il-Qorti tista’ tagħżel li tissospendi l-proċeduri. L-għajnuna legali għall-medjazzjoni għalissa ma hijiex prevista. Skont l-Artikolu 278(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-qorti tista’, għall-iskop tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni u għal aktar tentattivi ta’ soluzzjoni bonarja, tirreferi l-partijiet lil imħallef ta’ konċiljazzjoni (Güterichter) li jkun maħtur speċifikament għal dak l-iskop u ma għandux setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. L-imħallef ta’ konċiljazzjoni jista’ juża l-metodi kollha ta’ soluzzjoni tat-tilwim, inkluża l-medjazzjoni.
Il-Gvern Federali żamm mal-obbligu legali tiegħu li jirrapporta lura lill-Bundestag (it-tieni kamra tal-parlament) dwar l-impatt tal-Att ħames snin wara l-implimentazzjoni tiegħu permezz tar-rapport tiegħu tal-20 ta’ Lulju 2017. Ir-rapport jinsab hawnhekk. Juri li l-medjazzjoni bħala għodda alternattiva għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-Ġermanja għadha ma tintużax daqs kemm mixtieq. Skont ir-rapport, ma hemm l-ebda ħtieġa immedjata li jiġu adottati miżuri leġiżlattivi. Abbażi tas-sejbiet fir-rapport, il-Gvern Federali madankollu se jeżamina kif jista’ jinkiseb aħjar l-għan tal-promozzjoni tal-medjazzjoni mixtieqa mill-Att dwar il-Medjazzjoni.
Informazzjoni u taħriġ
Informazzjoni ġenerali hija disponibbli fuq is-sit web tal-Ministeru Federali tal-Ġustizzja (Bundesministerium der Justiz).
Ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni li tiddefinixxi l-profil professjonali ta’ medjatur. Bl-istess mod, l-aċċess għall-professjoni ma huwiex ristrett. Il-medjaturi huma responsabbli biex jiżguraw li jkollhom l-għarfien u l-esperjenza meħtieġa (permezz ta’ taħriġ xieraq u korsijiet ta’ żvilupp ulterjuri) biex jiggwidaw b’mod affidabbli lill-partijiet matul il-proċess ta’ medjazzjoni. Il-liġi Ġermaniża tistabbilixxi l-għarfien ġenerali, il-kompetenzi u l-proċeduri li għandhom ikunu koperti minn taħriġ xieraq minn qabel. Kull persuna li tissodisfa dawn il-kriterji tista’ taħdem bħala medjatur. Ma hemm l-ebda età minima stabbilita, u l-ebda rekwiżit, pereżempju li medjatur irid ikun segwa kors ta’ studju fil-livell universitarju.
Jekk il-partijiet ikunu jixtiequ jkollhom garanzija li l-medjatur tagħhom ikollu taħriġ kwalifikat u biżżejjed esperjenza fil-qasam, huma liberi li jagħżlu medjatur iċċertifikat (“zertifizierten” Mediator). Għal dan il-għan, il-Ministeru Federali għall-Ġustizzja għamel użu mis-setgħa tiegħu li joħroġ strument statutorju u adotta r-“Regolament dwar it-taħriġ u l-iżvilupp ulterjuri ta’ medjaturi ċertifikati” (Verordnung über die Aus- und Fortbildung von zertifizierten Mediatoren), u b’hekk stabbilixxa kundizzjonijiet aktar speċifiċi għat-taħriġ biex wieħed isir medjatur ċertifikat u għal korsijiet ta’ żvilupp ulterjuri għal medjaturi ċertifikati, kif ukoll rekwiżiti għal stabbilimenti ta’ taħriġ u żvilupp ulterjuri.
L-ebda inizjattiva formali ma hija prevista għalissa.
It-taħriġ tal-medjaturi bħalissa huwa offrut minn assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet, universitajiet, kumpaniji u individwi.
Kemm tiswa l-medjazzjoni?
Il-medjazzjoni ma hijiex bla ħlas; il-ħlas huwa suġġett għal ftehim bejn il-medjatur privat u l-partijiet ikkonċernati.
Ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni li tirregola t-tariffi għall-medjazzjoni, u lanqas ma hemm statistika dwar l-ispejjeż. Huwa realistiku li wieħed jassumi li t-tariffi fis-siegħa jistgħu jvarjaw bejn wieħed u ieħor minn EUR 80 sa EUR 250.
Huwa possibbli li jiġi eżegwit ftehim ta’ medjazzjoni?
Fil-prinċipju, ftehim ta’ medjazzjoni jista’ jiġi ddikjarat eżegwibbli bl-għajnuna ta’ avukat (bħala soluzzjoni bl-avukati) jew nutar (bħala att notarili pubbliku skont l-Artikoli 796a sa 796c u 794(1)(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
Links relatati
Assoċjazzjoni Federali għall-Medjazzjoni tal-Familja
Assoċjazzjoni Federali għall-Medjazzjoni
Assoċjazzjoni Federali għall-Medjazzjoni Ekonomika u Professjonali
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.