Sib informazzjoni għal kull reġjun
Lil min għandek tikkuntattja?
M’hemm l-ebda korp ċentralizzat tal-Istat responsabbli biex jipprovdi s-servizzi ta’ medjazzjoni.
F’liema qasam huwa l-użu tal-medjazzjoni ammissibbli u/jew l-aktar komuni?
Il-medjazzjoni tintuża l-aktar b’konnessjoni ma’ kawżi ta’ danni personali, tal-familja u kummerċjali u f’kawżi ta’ lmenti ta’ diskriminazzjoni illegali taħt il-leġiżlazzjoni tal-ugwaljanza.
Hemm regoli speċifiċi li wieħed irid isegwi?
Danni
Ġeneralment, l-użu tal-medjazzjoni huwa volontarju. L-Att tal-2004 dwar il-Qrati u r-Responsabbiltà Ċivili (artikoli 15 u 16) jipprovdu għall-medjazzjoni. L-artikolu 15 jintroduċi l-kunċett ta’ konferenza ta’ medjazzjoni. Il-Qorti tista’ tordna lill-partijiet f’azzjoni dwar danni personali biex jiltaqgħu sabiex jiddiskutu u jippruvaw jilħqu ftehim dwar l-azzjoni. Meta parti tonqos milli tħares l-ordni, il-qorti tista’ tordna lil dik il-parti tħallas l-ispejjeż sussegwenti.
Il-medjatur f’dak il-każ jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jkun persuna nominata minn korp “maħtur, għall-finijet ta’ dan l-artikolu, b’ordni tal-Ministru tal-Ġustizzja, Ugwaljanza u Riforma tal-liġi”.
Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok irreferi għall-Ordni tal-2005 taħt l-Att tal-2004 dwar Responsabbiltà Ċivili u l-Qrati (Korpi Maħtura taħt l-Artikolu 15) u l-ORDNI tal-2005 taħt l-Att tal-2004 dwar Responsabbiltà Ċivili u l-Qrati (Korpi Maħtura taħt l-Artikolu 15) (NRU.2).
Liġi tal-Familja
Fil-kamp tal-liġi tal-familja, numru ta’ Atti jeħtieġu li r-rappreżentanti legali tal-partijiet f’separazzjoni/divorzju jiddiskutu mar-rikorrent jew konvenut (kif xieraq) bil-possibbiltà li jagħmlu użu mill-medjazzjoni. L-għan hu li tinkiseb separazzjoni jew jinkiseb divorzju bbażat fuq ftehim bejn il-konjuġi. Ir-rappreżentanti legali jridu wkoll jgħatu lill-partijiet konċernati l-ismijiet u l-indirizzi ta’ persuni kwalifikati biex jagħtu servizz ta’ medjazzjoni għall-konjuġi mifrudin – u jridu jiċċertifikaw lill-qorti li hu jew hi osserva/t dawn ir-rekwiżiti. Jekk din iċ-ċertifikazzjoni ma tingħatax, il-qorti tista’ tiddifferixxi l-proċeduri għal dak iż-żmien li hi tikkunsidra li jkun raġonevoli biex ir-rappreżentant legali jkun jista’ jagħmel id-diskussjonijiet meħtieġa.
Jekk jogħoġbok irrikorri għas-sit elettroniku tal-Aġenzija tal-Appoġġ tal-Familja u s-Servizz tal-Medjazzjoni tal-Familja għal aktar informazzjoni.
Kummerċjali
Meta tinstema’ kwistjoni mdaħħla fil-lista kummerċjali, imħallef jista’ (taħt ordni 63A tar-Regoli tal-Qrati Superjuri [Proċeduri tal-Kummerċ] 2004), fuq rikors ta’ waħda mill-partijiet jew minn jeddu, jordna li: “il-proċeduri jew xi kwistjoni li tinqala’ fihom jiġu differiti għal dak iż-żmien, li ma jaqbisx tmienja u għoxrin ġurnata, kif hu jqis xieraq biex jagħti l-partijiet żmien biex jikkunsidraw jekk il-proċeduri jew il-kwistjoni għandiex tiġi riferuta għall-proċess ta’ medjazzjoni, konċiljazzjoni jew arbitraġġ, u meta l-partijiet jiddeċiedu li jirreferu l-proċeduri jew il-kwistjoni, li jestendi iż-żmien biex kwalunkwe parti ssir konformi ma kwalunkwe dispożizzjoni ta’ dawn ir-Regoli jew ma’ xi ordni oħra tal-Qorti.”
Tribunal tal-Ugwaljanza
Jekk jogħoġbok sib iktar informazzjoni fuq it-Tribunal tal-Ugwaljanza fuq is-sit elettroniku tal-Informazzjoni għaċ-Ċittadini u s-sit elettroniku tat-Tribunal tal-Ugwaljanza.
Informazzjoni u taħriġ
B’mod ġenerali, it-taħriġ lill-medjaturi ma jaqax taħt ir-rwol tal-istat. Iżda, parti mir-rwol tal-Aġenzija tal-Appoġġ lill-Familja huwa li jipprovdi taħriġ relatat mal-medjazzjoni tal-familja. Sabiex japplikaw għal dan it-taħriġ, ir-rikorrenti jridu jkunu għamlu 60 siegħa ta’ kors ta’ taħriġ ġeneriku dwar il-medjazzjoni u jridu jgħaddu minn proċedura ta’ selezzjoni rigoruża.
Jekk jogħoġbok irreferi għas-sit elettroniku tal-Aġenzija ta’ Appoġġ lill-Familja għal aktar informazzjoni.
X’inhi l-ispiża tal-medjazzjoni?
Ġeneralment, il-medjazzjoni mhijiex mingħajr ħlas; il-ħlas jiddependi mill-ftehim li jsir bejn il-medjatur privat u l-partijiet.
Iżda, is-Servizz tal-Medjazzjoni tal-Familja u t-Tribunal tal-Ugwaljanza jistgħu jipprovdu servizz mingħajr ħlas.
Huwa possibbli li jiġi infurzat ftehim li jkun intlaħaq minn medjazzjoni?
Ftehim li jkun intlaħaq fil-medjazzjoni jista’ jiġi infurzat bħala kuntratt.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.