- 1. Lil min nikkuntattja?
- 2. F'liema oqsma tal-liġi huma possibbli jew l-aktar komuni r-rinvji għall-medjazzjoni?
- 3. Hemm regoli speċifiċi?
- 4. Taħriġ
- 5. Kemm tqum flus il-medjazzjoni?
- 6. Huwa possibbli li jiġi infurzat ftehim ta' medjazzjoni?
- 7. L-aċċess għall-bażi tad-dejta tal-medjaturi huwa bla ħlas?
1. Lil min nikkuntattja?
Fl-Italja ġiet introdotta sistema ta' medjazzjoni ċivili u kummerċjali, bil-għan li jissolva tilwim rigward kwalunkwe dritt li l-partijiet ikunu liberi li jirrinunzjaw minnu jew li jittrasferixxu permezz ta' Digriet Leġiżlattiv (decreto legislativo) Nru 28/2010.
Is-servizzi ta' medjazzjoni jipprovduhom organizzazzjonijiet ta' medjazzjoni li jistgħu jkunu pubbliċi jew privati u li jkunu mdaħħla f'reġistru ta' organizzazzjonijiet ta' medjazzjoni (registro degli organismi di mediazione) li jieħu ħsiebu l-Ministeru tal-Ġustizzja.
Ir-reġistru ta' organizzazzjonijiet ta' medjazzjoni akkreditati huwa pubblikat fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Ġustizzja (https://www.giustizia.it/giustizia).
Ir-reġistru għandu jgħinek tagħmel kuntatt ma' organizzazzjoni ta' medjazzjoni tal-għażla tiegħek u tistaqsi għal medjaturi li huma membri ta' dik l-organizzazzjoni. Iktar informazzjoni tinkiseb direttament mill-organizzazzjoni nfisha.
2. F'liema oqsma tal-liġi huma possibbli jew l-aktar komuni r-rinvji għall-medjazzjoni?
L-organizzazzjonijiet ta' medjazzjoni jistgħu jgħinu biex wieħed jasal għal ftehim barra mill-qorti fi kwalunkwe tilwim li jirrigwarda drittijiet li l-partijiet huma liberi li jirrinunzjaw minnhom jew li jittrasferixxu (diritti disponibili). Il-medjazzjoni hija fuq bażi volontarja, minkejja li jista' jingħata parir għaliha minn ġudikant jew tkun obbligatorja minħabba kuntratt bejn żewġ partijiet.
3. Hemm regoli speċifiċi?
Ir-regoli li timxi magħhom il-medjazzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali bħalissa huma stipulati fid-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010, imsemmi hawn fuq, u fid-Digriet Ministerjali (decreto ministeriale)Nru 180/2010.
4. Taħriġ
Persuna li tixtieq issir medjatur trid tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 4(3)(b) tad-Digriet Ministerjali Nru 180/2010: b'mod partikolari trid tkun lawrjata jew diplomata f'mill-inqas livell universitarju abbażi ta' tliet snin studju, jew inkella tkun membru ta' assoċjazzjoni jew organizzazzjoni professjonali u tkun għamlet mill-inqas kors ta' aġġornament ta' sentejn ma' ħarrieġa akkreditati mill-Ministeru tal-Ġustizzja, u matul il-perjodu ta' sentejn ta' taħriġ ta' aġġornament tkun ipparteċipat f'apprendistat assistit f'mill-inqas għoxrin każ ta' medjazzjoni.
Il-ħarrieġa li joħorġu ċ-ċertifikati fejn jiddikjaraw li l-medjaturi kkompletaw il-korsijiet ta' taħriġ neċessarju huma entitajiet pubbliċi jew privati akkreditati mill-Ministeru tal-Ġustizzja bil-kundizzjoni li jilħqu l-livelli dikjarati.
5. Kemm tqum flus il-medjazzjoni?
Il-kriterji li jiddeterminaw it-tariffa tal-medjazzjoni (indennità di mediazione) jinkludu t-tariffa biex tinfetaħ il-proċedura u t-tariffa għall-medjazzjoni proprja, kif stipulati fid-Digriet Ministerjali Nru 180/2010.
L-ammonti huma speċifikati fil-Tabella A annessa mad-Digriet. Dawn ivarjaw skont il-valur tat-tilwima.
6. Huwa possibbli li jiġi infurzat ftehim ta' medjazzjoni?
L-Artikolu 12 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010 jiddikjara li l-minuti tal-ftehim, sakemm ma jmorrux kontra l-ordni pubbliku jew kontra regoli tal-liġi li jipprevalu, għandhom jiġu approvati, wara applikazzjoni miż-żewġ partijiet, mill-president tal-qorti inferjuri (tribunale) li fid-distrett tiegħu tkun ibbażata l-organizzazzjoni ta' medjazzjoni. Fil-każ ta' tilwima transfruntiera tat-tip li jirreferi għaliha l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-minuti tal-ftehim iridu jiġu approvati mill-president tal-qorti inferjuri li fid-disrett tiegħu jrid jiġi implimentat il-ftehim.
Il-ftehim approvat huwa titolu li jista' jkun infurzat għall-eżekuzzjoni fuq proprjetà (espropriazione forzata), prestazzjoni speċifika esecuzione in forma specifica), jew reġistrazzjoni ta' ipoteka ġudizzjarja (ipoteca giudiziale).
7. L-aċċess għall-bażi tad-dejta tal-medjaturi huwa bla ħlas?
Fil-mument għad m'hemmx reġistru pubbliku ta' medjaturi, iżda l-Ministeru tal-Ġustizzja regolarment jippubblika lista ta' organizzazzjonijiet ta' medjazzjoni li jappartjenu għalihom il-medjaturi individwali. Il-membri tal-pubbliku jistgħu jiddeterminaw liema medjaturi huma membri ta' organizzazzjoni ta' medjazzjoni billi jistaqsu għal informazzjoni speċifika mill-uffiċċju tal-Ministeru li jissorvelja l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet ta' medjazzjoni; jista' jsir kuntatt mal-uffiċċju permezz tas-sit elettroniku tal-Ministeru
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.