Medjazzjoni fil-pajjiżi tal-UE

Italja

Minflok ma wieħed imur il-qorti, huwa possibbli wkoll li tilwima tissolva permezz tal-medjazzjoni. Din hija miżura ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR), fejn medjatur jassisti lil dawk involuti f’tilwim biex jaslu għal qbil. L-awtoritajiet pubbliċi u l-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja jqisu l-medjazzjoni bħala għodda partikolarment effettiva.

Il-kontenut ipprovdut minn
Italja

1. Lil min nikkuntattja?

Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010 introduċa sistema ta’ medjazzjoni ċivili u kummerċjali fl-Italja, li għandha l-għan li ssolvi tilwim fir-rigward ta’ kwalunkwe dritt li l-partijiet huma liberi li jirrinunzjaw jew jittrasferixxu (diritti disponibili).

Is-servizzi ta’ medjazzjoni huma pprovduti minn korpi ta’ medjazzjoni, li jistgħu jkunu pubbliċi jew privati, u li jiddaħħlu f’reġistru tal-korpi ta’ medjazzjoni (registro degli organismi di mediazione) miżmum mill-Ministeru għall-Ġustizzja.

L-informazzjoni kollha relatata mal-medjazzjoni tinsab fis-sit tal-Ministeru għall-Ġustizzja.

Ir-reġistru tal-korpi ta’ medjazzjoni akkreditati jiġi ppubblikat fis-sit tal-Ministeru għall-Ġustizzja.

Ir-reġistru għandu jagħmilha possibbli għalik li tikkuntattja korp ta’ medjazzjoni tal-għażla tiegħek u li titlob is-servizzi ta’ medjaturi li huma membri ta’ dak il-korp. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb direttament mill-korp ikkonċernat.

2. F’liema oqsma hija ammissibbli u/jew l-aktar komuni l-medjazzjoni?

Il-korpi ta’ medjazzjoni jistgħu jgħinu biex jaslu għal soluzzjonijiet ekstraġudizzjarji fi kwalunkwe tilwima ċivili jew kummerċjali li tikkonċerna drittijiet li l-partijiet huma liberi li jirrinunzjaw jew jittrasferixxu. Fl-Italja, il-medjazzjoni hija kundizzjoni biex jinfetħu proċedimenti għal tilwim dwar koproprjetà, drittijiet in rem, diviżjoni, suċċessjoni, ftehimiet tal-familja, lokazzjoni, self għall-użu, kiri ta’ kumpaniji, kumpens għal danni li jirriżultaw minn responsabbiltà medika u sanitarja u malafama permezz tal-istampa jew mezzi oħra ta’ reklamar, assigurazzjoni, kuntratti bankarji u finanzjarji. F’dawn il-każijiet, il-parti trid tkun assistita minn avukat. Il-medjazzjoni tista’ wkoll tkun fakultattiva, fuq talba tal-qorti jew fuq il-bażi ta’ obbligu stabbilit fil-kuntratt mill-partijiet.

3. Hemm xi regoli speċifiċi li jridu jiġu segwiti?

Ir-regoli li jirregolaw il-medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali bħalissa huma stabbiliti fid-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010 (kif emendat bid-Digriet Amministrattiv Nru 69 tal-21 ta’ Ġunju 2013, ikkonvertit fil-Liġi Nru 98 tad-9 ta’ Awwissu 2013, u sussegwentement fid-Digriet Amministrattiv Nru 132 tat-12 ta’ Settembru 2014, ikkonvertit, b’emendi, bil-Liġi Nru 162 tal-10 ta’ Novembru 2014bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 130 tas-6 ta’ Awwissu 2015) u fid-Digriet Ministerjali Nru 180/2010.

4. Taħriġ

Persuna li tixtieq issir medjatur trid tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4(3)(b) tad-Digriet Ministerjali Nru 180/2010:

b’mod partikolari, irid ikollha lawrja jew diploma mill-inqas ekwivalenti għal lawrja universitarja wara tliet snin ta’ studju, jew inkella tkun membru ta’ assoċjazzjoni jew organizzazzjoni professjonali; u tkunu temmet kors ta’ aġġornament li jdum mill-inqas sentejn ma’ fornitur tat-taħriġ akkreditat mill-Ministeru għall-Ġustizzja; u matul il-perjodu ta’ taħriġ ta’ aġġornament ta’ sentejn trid tkun ħadet sehem bħala apprendist assistit f’mill-inqas għoxrin każ ta’ medjazzjoni.

Il-fornituri tat-taħriġ li joħorġu ċertifikati li jiddikjaraw li l-medjaturi temmew il-korsijiet ta’ taħriġ meħtieġa huma korpi pubbliċi jew privati akkreditati mill-Ministeru għall-Ġustizzja bil-kundizzjoni li jissodisfaw ċerti rekwiżiti.

5. Kemm tiswa l-medjazzjoni?

Il-kriterji li jiddeterminaw it-tariffa tal-medjazzjoni (indennità di mediazione), li tinkludi t-tariffa għall-ftuħ tal-proċedura u t-tariffa għall-medjazzjoni proprja, huma stabbiliti fl-Artikolu 16 tad-Digriet Ministerjali Nru 180/2010.

L-ammonti huma speċifikati fit-Tabella A annessa mad-Digriet. Dawn ivarjaw skont il-valur ikkontestat.

6. Huwa possibbli li ftehim medjat isir eżekuttiv?

L-Artikolu 12 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010 jiddikjara li, meta l-partijiet kollha li jipparteċipaw fil-medjazzjoni jkunu assistiti minn avukat, il-ftehim li jkun ġie ffirmat mill-partijiet u mill-avukati stess jikkostitwixxi titolu eżekuttiv għall-esproprjazzjoni obbligatorja (espropriazione forzata), l-obbligu li jiġu kkonsenjati ċerti beni (esecuzione per consegna e rilascio), l-eżekuzzjoni ta’ obbligu pożittiv jew negattiv (esecuzione degli obblighi di fare e non fare), u r-reġistrazzjoni ta’ ipoteka ġudizzjarja (ipoteca giudiziale). L-avukati jaffermaw u jiċċertifikaw li l-ftehim jikkonforma mar-regoli obbligatorji u l-ordni pubbliku. Fil-każijiet l-oħra kollha, il-ftehim anness mal-minuti jiġi approvat, fuq talba ta’ parti, permezz ta’ digriet tal-president tal-qorti, wara li jkun ġie stabbilit li jkun formalment korrett u li r-regoli obbligatorji u r-rekwiżiti tal-ordni pubbliku jkunu ġew osservati. Fil-każ ta’ tilwima transfruntiera tat-tip imsemmi fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008, il-minuti jiġu approvati mill-president tal-qorti li l-ftehim irid jiġi implimentat fid-distrett tagħha

7. L-aċċess għall-bażijiet tad-data tal-medjaturi huwa bla ħlas?

Bħalissa, il-Ministeru għall-Ġustizzja jippubblika regolarment fuq is-sit tiegħu, lista ta’ korpi ta’ medjazzjoni u medjaturi rreġistrati ma’ kull korp ta’ medjazzjoni.

Din hija l-link imsemmija fit-taqsima 1; l-aċċess għas-sit huwa mingħajr restrizzjonijiet u mingħajr ħlas.

L-aħħar aġġornament: 17/05/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.