Sib informazzjoni għal kull reġjun
Lil min għandek tikkuntattja?
M’hemmx korp ċentralizzat jew tal-gvern responsabbli mill-medjazzjoni (tarpininkavimas), u l-Litwanja m’għandhiex pjanijiet li toħloq wieħed.
F’liema qasam hija l-użu tal-medjazzjoni ammissibbli u/jew l-aktar komuni?
Il-medjazzjoni konċiljatorja (taikinamasis tarpininkavimas) tista’ tintuża f’tilwim ċivili (jiġifieri, tilwim li jinstema’ permezz ta’ proċedura ċivili minn qorti ta’ ġurisdizzjoni ġenerali).
Hemm regoli speċifiċi li wieħed irid isegwi?
Il-medjazzjoni hija regolata bil-Liġi dwar il-Medjazzjoni Konċiljatorja fit-Tilwim Ċivili (Civilinių ginčų taikinamojo tarpininkavimo įstatymas). Fi ħdan dan il-qafas, l-użu tal-medjazzjoni huwa kompletament volontarju. M’hemmx regolamenti speċifiċi bħal kodiċi ta’ kondotta għall-medjaturi.
Informazzjoni u taħriġ
M’hemm l-ebda programm ta’ taħriġ nazzjonali fis-seħħ s’issa. Madankollu, it-taħriġ huwa pprovdut miċ-ċentru ta’ taħriġ tal-Ministeru tal-Ġustizzja (Teisingumo ministerija) u minn korpi privati. Il-korpi privati mhumiex regolati.
X’inhi l-ispiża tal-medjazzjoni?
Skont il-Liġi dwar il-Medjazzjoni Konċiljatorja fit-Tilwim Ċivili, il-medjazzjoni konċiljatorja tista’ tiġi pprovduta bi ħlas jew mingħajr ħlas. Meta tkun pprovduta bi ħlas, il-proċedura tista’ tibda biss wara li medjatur jiftiehem bil-miktub maż-żewġ partijiet fit-tilwima dwar l-ammont li għandu jitħallas u l-metodu ta’ ħlas.
Huwa possibbli li jiġi eżegwit ftehim li jirriżulta minn medjazzjoni?
Id-Direttiva 2008/52/KE tippermetti lil dawk involuti f’tilwima li jitolbu li ftehim bil-miktub li jirriżulta mill-medjazzjoni jsir eżegwibbli. L-Istati Membri jikkomunikaw dan lill-qrati u lill-awtoritajiet oħra kompetenti li jirċievu dawn it-tip ta’ talbiet.
Skont il-Liġi dwar il-Medjazzjoni Konċiljatorja fit-Tilwim Ċivili, il-qorti kompetenti hija l-għażla tal-partijiet fit-tilwima. Din tista’ tkun il-qorti distrettwali tal-post ta’ residenza, jew l-uffiċċju reġistrat ta’ waħda mill-partijiet fit-tilwima.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.