Sib informazzjoni għal kull reġjun
Lil min għandi nikkuntattja?
Hemm diversi reġistri ta’ medjaturi fin-Netherlands. Il-Federazzjoni tal-Medjaturi Netherlandiżi (Mediatorsfederatie Nederland, MfN) tamministra r-Reġistru tal-Medjaturi (li qabel kien magħruf bħala r-Reġistru NMI). L-MfN hija l-federazzjoni li tirrappreżenta l-akbar assoċjazzjonijiet tal-medjaturi fin-Netherlands. Ir-reġistru tagħha fih biss medjaturi li jissodisfaw standards ta’ kwalità kkunsidrati bir-reqqa. Il-gvern Netherlandiż juża l-istandards tal-MfN bħala l-bażi għar-reġistru tal-medjaturi li jaħdmu taħt is-sistema tal-għajnuna legali (reġistru tal-Bord tal-Għajnuna Legali (Raad voor Rechtsbijstand)). Hemm ukoll ir-Reġistru Internazzjonali tal-ADR.
L-indirizz tal-Federazzjoni tal-Medjaturi Netherlandiżi:
Westblaak 140
3012 KM Rotterdam
Indirizz postali:
PO Box 21499
3001 AL Rotterdam
Numru tat-telefown: 010 - 201 23 44
Email: info@mediatorsfederatienl.nl
F’liema qasam huwa ammissibbli u/jew l-aktar komuni l-użu tal-medjazzjoni?
Il-medjazzjoni hija dejjem permessa u tintuża l-aktar ta’ spiss f'kawżi ċivili u f’kawżi tad-dritt pubbliku. Il-medjazzjoni f’każijiet kriminali ilha possibbli għal numru ta’ snin.
Hemm xi regoli speċifiċi li jridu jiġu segwiti?
L-użu tal-medjazzjoni huwa għalkollox volontarju. Il-liġi ma teħtieġx lill-partijiet parteċipanti jiffirmaw ftehim ta’ medjazzjoni, li huwa ftehim bi klawżoli dwar kwistjonijiet bħall-kunfidenzjalità u r-rappreżentanza tal-partijiet. Madankollu, skont ir-Regolament tal-2017 tal-MfN dwar il-Medjazzjoni (Mediationreglement 2017), il-partijiet li jużaw is-servizzi ta’ medjatur tal-MfN iridu jiffirmaw ftehim ta’ medjazzjoni.
Il-medjaturi tal-MfN iridu jirrispettaw il-kodiċi ta’ kondotta tal-MfN u jikkonformaw mar-Regolament dwar il-Medjazzjoni tiegħu. Kull min ikollu lment dwar ix-xogħol ta’ xi medjatur jista’ jippreżentah quddiem il-Fondazzjoni għall-Kwalità tal-Medjaturi (Stichting Kwaliteit Mediators, SKM).
Informazzjoni u taħriġ
Biex ikunu elenkati fir-Reġistru tal-Medjaturi, il-medjaturi jridu jagħmlu kors ta’ taħriġ bażiku rikonoxxut fil-medjazzjoni, jgħaddu minn eżami tat-teorija u valutazzjoni u jipprovdu ċertifikat ta’ kondotta tajba (Verklaring Omtrent het Gedrag, VOG).
Iridu wkoll iżommu l-għarfien tagħhom aġġornat billi jissodisfaw ċerti rekwiżiti kull perjodu ta’ tliet snin. B’mod aktar speċifiku, iridu jittrattaw mill-inqas disa’ każijiet ta’ medjazzjoni, b’total ta’ mill-inqas 36 siegħa ta’ kuntatt, kull perjodu ta’ tliet snin, u jispiċċaw mill-inqas żewġ każijiet ta’ medjazzjoni, b’total ta’ mill-inqas 8 sigħat ta’ kuntatt, kull sena. Mid-disa’ każijiet ta’ medjazzjoni li jridu jittrattaw f'kull perjodu ta’ tliet snin, mill-inqas tlieta jridu jispiċċaw bi ftehim bil-miktub u mhux aktar minn tlieta jistgħu jkunu medjati ma’ medjaturi oħra. Barra minn dan, il-medjaturi jridu jakkumulaw punteġġ ta’ 48 punt PE (taħriġ għall-iżvilupp professjonali) f’kull perjodu ta’ tliet snin. Uħud minn dawn il-punti jridu jinkisbu permezz tal-parteċipazzjoni f’eżerċizzji ta’ diskussjoni bejn il-pari. Il-medjaturi jridu jieħdu sehem ukoll f’valutazzjoni bejn il-pari kull tliet snin. Valutazzjoni bejn il-pari hija miżura ta’ kwalità u tinvolvi par indipendenti u imparzjali li jivvaluta jekk is-servizzi ta’ medjatur humiex tajbin biżżejjed sal-istandard medju li jista’ jkun mistenni minn professjonist. Fi kliem ieħor, il-medjaturi elenkati fir-Reġistru Netherlandiż tal-Medjaturi huma soġġetti għal rekwiżiti ta’ kwalità stretti.
X'inhuma l-ispejjeż tal-medjazzjoni?
Medjaturi differenti jistgħu jitolbu rati differenti fis-siegħa. Ir-rati tal-medjaturi huma influwenzati minn fatturi bħall-esperjenza tagħhom, l-isfond professjonali u l-qasam tal-ispeċjalizzazzjoni. Għalhekk huwa għaqli li tistaqsi lill-medjaturi, qabel ma tibda l-medjazzjoni, x'inhi r-rata fis-siegħa tagħhom u liema spejjeż addizzjonali jistgħu jkunu involuti. Il-medjaturi jridu dejjem jispeċifikaw l-ispejjeż tagħhom. L-ispiża tal-medjazzjoni tiddependi wkoll fuq it-tul tal-proċess tal-medjazzjoni u n-numru ta’ drabi li l-medjatur jiġi kkonsultat. Bħala medja, medjatur jiswa EUR 150 fis-siegħa (eskluża l-VAT).
Jekk ma tiflaħx tħallas għal medjatur, tista’ tkun eliġibbli għall-għajnuna legali jekk tissodisfa ċerti kriterji. Jekk int intitolat għall-għajnuna legali, inti tħallas biss kontribuzzjoni għall-ispiża skont verifika tal-mezzi tiegħek.
Ikklikkja hawnhekk għal aktar informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-medjazzjoni.
Huwa possibbli li jiġi eżegwit ftehim li jirriżulta mill-medjazzjoni?
Il-liġi tippermetti li dawk involuti f’tilwima jirrikjedu li ftehim bil-miktub li joħroġ minn medjazzjoni jsir eżegwibbli.
Links relatati
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.