Sib informazzjoni għal kull reġjun
Lil min għandek tikkuntattja?
Il-Kunsill tal-Medjazzjoni, stabbilit bil-Liġi Nru. 192/2006 dwar il-medjazzjoni, huwa responsabbli mis-sorveljanza tal-medjazzjoni fir-Rumanija. Huwa entità legali awtonoma li jaġixxi fl-interess pubbliku u għandu l-kwartieri ġenerali tiegħu f’Bukarest.
Il-Liġi Nru. 192/2006 tipprovdi l-qafas leġiżlattiv għall-introduzzjoni tal-medjazzjoni, li fi ħdanu topera l-professjoni tal-medjazzjoni.
Il-membri tal-Kunsill tal-Medjazzjoni jiġu eletti mill-medjaturi u jkunu approvati mill-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Rumanija.
Ir-responsabbiltajiet prinċipali tal-Kunsill tal-Medjazzjoni huma li jadotta deċiżjonijiet fl-oqsma li ġejjin:
- Jistabbilixxi standards għat-taħriġ fil-qasam tal-medjazzjoni, fuq il-bażi tal-aħjar prattika internazzjonali u jissorvelja l-konformità magħhom min-naħa tal-professjonisti;
- Joħroġ l-awtorizzazzjonijiet għall-medjaturi u jżomm u jaġġorna l-Lista tal-Medjaturi;
- Japprova l-kurrikula tat-taħriġ għall-medjaturi;
- Jadotta l-Kodiċi Etiku u Deontoloġiku għall-medjaturi awtorizzati, kif ukoll ir-regolamenti rigward ir-responsabbiltà dixxiplinari tagħhom;
- Jadotta regolament dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Kunsill tal-Medjazzjoni;
- Jagħtu bidu għal proposti biex tkun emendata jew korelata l-leġiżlazzjoni dwar il-medjazzjoni.
Id-dettalji ta’ kuntatt tal-Kunsill tal-Medjazzjoni huma:
Indirizz: Cuza Vodă Street, 64, sector 4, Bucharest
Telefon: 004 021 315 25 28; 004 021 330 25 60; 004 021 330 25 61
Faks: 004 021 330 25 28
Indirizzi tal-posta elettronika (e-mail): secretariat@cmediere.ro , Consiliul_de_mediere@yahoo.com
Ir-Reġistru Nazzjonali tal-Assoċjazzjonijiet Professjonali tal-Medjaturi
Il-Kunsill tal-Medjazzjoni stabbilixxa r-Reġistru Nazzjonali tal-Assoċjazzjonijiet Professjonali tal-Medjaturi. Dan ir-Reġistru jelenka l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-medjazzjoni u jirrapreżentaw l-interessi professjonali tal-medjaturi.
Din li ġejja hija lista ta’ assoċjazzjonijiet professjonali attivi fis-servizzi tal-medjazzjoni:
- l-Assoċjazzjoni tal-Medjaturi ta’ Bukarest (Asociaţia Mediatorilor Bucureşti)
- iċ-Ċentru tal-Medjaturi ta’ Turda (Asociaţia Centrul de Mediere Turda)
- l-Assoċjazzjoni tal-Kamra tal-Medjaturi ta’ Vaslui (Asociatia Camera Mediatorilor Vaslui)
- iċ-Ċentru ta’ Medjazzjoni ta’ Vaslui (Centrul de Mediere Vaslui)
- l-Assoċjazzjoni tal-Medjaturi ta’ Galati (Asociatia Mediatorilor Galaţi)
- l-Assoċjazzjoni tal-Kamra tal-Medjaturi ta’ Iasi (Asociaţia Camera Mediatorilor Iaşi)
- iċ-Ċentru ta’ Medjazzjoni u ta’ Sigurtà Komunitarja ta’ Iasi (Centrul de Mediere si Securitate Comunitara Iasi)
- iċ-Ċentru ta’ Medjazzjoni ta’ Craiova (Centrul de Mediere Craiova)
- l-Assoċjazzjoni taċ-Ċentru ta’ Medjazzjoni ta’ Cluj (Asociatia Centrul de Mediere Cluj)
- iċ-Ċentru ta’ Medjazzjoni ta’ Neamt (Centrul de Mediere Neamt)
- iċ-Ċentru ta’ Medjazzjoni ta’ Sibiu (Centrul de Mediere Sibiu)
- iċ-Ċentru ta’ Medjazzjoni ta' Constanta (Centrul de Mediere Constanta)
- iċ-Ċentru ta’ Medjazzjoni ta’ Alba (Centrul de Mediere Alba)
- iċ-Ċentru ta’ Medjazzjoni ta’ Timisoara (Centrul de Mediere Timisoara)
- iċ-Ċentru ta’ Medjazzjoni u ta’ Arbitraġġ ta’ Maramures (Centrul de Mediere si Arbitraj Maramures)
- iċ-Ċentru ta’ Medjazzjoni ta’ Bacau (Centrul de Mediere Bacau)
- iċ-Ċentru ta’ Medjazzjoni ta’ Călăraşi (Centrul de Mediere Calarasi)
- iċ-Ċentru ta’ Medjazzjoni ta’ Ialomiţa (Centrul de Mediere Ialomita)
Il-Bord tal-Medjaturi
Skont l-Artikolu 12 tal-Liġi Nru. 192/2006, il-medjaturi awtorizzati huma rreġistrati fil-“Bord tal-Medjaturi” ġestit mill-Kunsill tal-Medjazzjoni u ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali Rumen, Parti I.
Tista’ ssib il-“Bord tal-Medjaturi” anki fis-sit elettroniċi uffiċjali tal-Kunsill tal-Medjazzjoni u tal-Ministeru tal-Ġustizzja.
Il-lista ta’ medjaturi awtorizzati tinkludi informazzjoni dwar:
- Is-sħubija tagħhom fl-assoċjazzjonijiet professjonali,
- L-istituzzjoni minn fejn iggradwaw,
- Il-programm ta’ taħriġ tal-medjazzjoni li segwew,
- L-ilsna barranija li bihom jistgħu jmexxu s-servizzi ta’ medjazzjoni,
- Id-dettalji ta’ kuntatt tagħhom.
Il-persuni li jkunu interessati li jsolvu t-tilwima tagħhom permezz tal-medjazzjoni jistgħu jikkuntattjaw lil medjatur fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tal-“Bord (Lista) tal-Medjaturi” fl-uffiċċji tal-qrati u fis-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Ġustizzja.
Il-Kunsill tal-Medjazzjoni huwa legalment obbligat li jaġġorna b’mod regolari – mill-inqas darba fis-sena – il-Bord (Lista) tal-Medjaturi, u li jikkomunika l-aġġornamenti lill-qrati, lill-awtoritajiet tal-gvernijiet lokali u lill-Ministeru tal-Ġustizzja.
F'liema qasam huwa l-użu tal-medjazzjoni ammissibbli u/jew l-aktar komuni?
L-Artikolu 2 tal-Liġi Nru. 192/2006 jippermetti li l-partijiet jagħmlu użu mill-medjazzjoni f’tilwim relatat ma’ kwistjonijiet ċivili jew penali, ma’ kwistjonijiet familjari u ma’ oqsma oħrajn tal-liġi bla ħsara għad-dispożizzjonijiet legali. It-tilwim li jikkonċerna lill-konsumaturi, u tilwim ieħor suġġett għal drittijiet li jistgħu jiġu rrinunzjati, ukoll jista’ jiġi solvut permezz tal-medjazzjoni. Madankollu, kwistjonijiet marbuta ma’ drittijiet personali u ma’ drittijiet li ma jistgħux jiġu rrinunzjati ma jistgħux ikunu suġġetti għal medjazzjoni.
Hemm regoli speċifiċi li wieħed irid isegwi?
L-użu tal-medjazzjoni huwa volontarju. M’hemm l-ebda obbligu li l-partijiet ifittxu s-servizzi ta’ medjazzjoni, u fi kwalunkwe fażi jistgħu jagħżlu li ma jieħdux sehem fil-medjazzjoni. Fi kliem ieħor, fi kwalunkwe ħin il-partijiet huma liberi li jfittxu mezzi oħrajn biex isolvu t-tilwima tagħhom, bħal proċedimenti f’qorti jew arbitraġġ. Il-partijiet interessati jistgħu jikkuntattjaw lil medjatur qabel ma jitilgħu l-qorti, imma anki waqt il-proċedimenti tal-qorti.
Madankollu, diversi dispożizzjonijiet legali nazzjonali fil-qasam tal-medjazzjoni jobbligaw lill-imħallfin, f’ċerti każijiet, jinformaw lill-partijiet bil-possibbiltà li jagħżlu l-medjazzjoni u l-vantaġġi li huma jagħmlu dan. F’każijiet oħrajn, jiġu offruti numru ta’ inċentivi finanzjarji lill-partijiet li jagħżlu l-medjazzjoni jew proċedimenti oħrajn ta’ riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim.
Fis-17 ta’ Frar 2007, il-Kunsill tal-Medjazzjoni approva l-Kodiċi Etiku u Deontoloġiku għall-medjaturi. Il-Kodiċi jorbot lill-medjaturi kollha inklużi fil-Bord tal-Medjaturi.
Informazzjoni u taħriġ
Is-sit elettroniku tal-Kunsill tal-Medjazzjoni huwa s-sors prinċipali ta’ informazzjoni dwar il-medjazzjoni fir-Rumanija.
It-taħriġ dwar il-medjazzjoni huwa pprovdut biss mis-settur privat, imma l-Kunsill tal-Medjazzjoni għandu r-responsabbiltà li jagħti l-awtorizzazzjoni lill-fornituri tal-korsijiet tat-taħriġ sabiex ikun żgurat li l-korsijiet kollha joffru taħriġ tal-istess standard.
Fis-sit elettroniku uffiċjali tal-Kunsill tal-Medjazzjoni hija inkluża anki lista ta’ fornituri ta’ programmi ta’ taħriġ.
Il-korsijiet ta’ taħriġ isiru b’mod regolari. Bħalissa hemm programm ta’ taħriġ li jagħmilha ta’ kors inizjali ta’ taħriġ għall-medjaturi (80 siegħa). Il-programm jistabbilixxi għanijiet ta’ tagħlim, ħiliet li għandhom jiġu żviluppati sa tmiem il-programm u metodi ta’ evalwazzjoni. It-tmien (8) fornituri awtorizzati mill-Kunsill tal-Medjazzjoni huma responsabbli mill-iżvilupp ta’ materjal u ta’ eżerċizzji ta’ appoġġ skont il-qafas stabbilit mill-programm nazzjonali ta’ taħriġ.
X'inhi l-ispiża tal-medjazzjoni?
Il-medjazzjoni mhix mingħajr ħlas; il-livell ta’ ħlas huwa suġġett għal ftehim bejn medjatur privat u l-partijiet.
Bħalissa, l-awtoritajiet lokali jew nazzjonali ma jipprovdu l-ebda appoġġ legali jew finanzjaru sabiex ikunu pprovduti servizzi ta’ medjazzjoni.
Huwa possibbli li jiġi eżegwit ftehim li jirriżulta minn medjazzjoni?
Id-Direttiva 2008/52/KE toħloq il-possibbiltà li wieħed jitlob li l-kontenut ta’ ftehim bil-miktub li jirriżulta mill-medjazzjoni jkun jista’ jiġi infurzat. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw dan lill-Kummissjoni tal-qrati jew lill-awtoritajiet l-oħra li huma kompetenti biex jirċievu t-talbiet.
Ir-Rumanija għadha ma kkomunikatx din l-informazzjoni.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.