- Lil min għandek tikkuntattja?
- F'liema qasam jista' jsir użu mill-medjazzjoni jew liema huwa l-qasam fejn l-użu tal-medjazzjoni huwa l-aktar komuni?
- Hemm xi regoli speċifiċi li għandhom jiġu segwiti?
- Informazzjoni u taħriġ
- X'inhuwa l-kost tal-medjazzjoni?
- Huwa possibbli li l-ftehim li jirriżulta minn medjazzjoni jiġi infurzat ?
Lil min għandek tikkuntattja?
L-Att dwar ir-Riżoluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim fil-Materji Ġuridiċi (ZARSS, il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja Nru 97/09 u 40/12 – ZUJF), li ġie adottat fid-19 ta’ Novembru 2009 u li daħal fis-seħħ fil-15 ta' Ġunju 2010, jirrikjedi li l-qrati tal-prim istanza u tat-tieni istanza jadottaw u jdaħħlu fis-seħħ programm ta' riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim biex il-partijiet ikollhom mezzi alternattivi ta' riżoluzzjoni fit-tilwim dwar materji kummerċjali, tax-xogħol u familjari u materji ta' liġi ċivili oħrajn. Skont dan il-programm il-qrati huma obbligati li jippermettu lill-partijiet jużaw il-medjazzjoni barra minn forom oħra ta' riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim.
Il-Ministeru tal-Ġustizzja u tal-Amministrazzjoni Pubblika jżomm reġistru ċentrali tal-medjaturi li jaħdmu fil-qrati skont il-programmi ta’ riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim.
Diversi organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) huma attivi fil-qasam tal-medjazzjoni::
- l-Assoċjazzjoni Slovena tal-Medjaturi (id-direttorju tal-medjaturi),
- iċ-Ċentru tal-Medjazzjoni fiċ-Ċentru tal-Informazzjoni Legali,
- l-Assoċjazzjoni Slovena tal-Organizzazzjonijiet tal-Medjaturi - MEDIOS (id-direttorju tal-medjaturi),
Kunsill għar-Riżoluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim jopera taħt l-awspiċji tal-Ministeru tal-Ġustizzja u tal-Amministrazzjoni Pubblika. Il-Kunsill twaqqaf f’Marzu 2009 u huwa korp ċentralizzat, indipendenti u espert tal-Ministeru, bi rwol ta' koordinazzjoni u ta' konsultazzjoni.
F'liema qasam jista' jsir użu mill-medjazzjoni jew liema huwa l-qasam fejn l-użu tal-medjazzjoni huwa l-aktar komuni?
Ir-rikors għall-medjazzjoni huwa ammissibbli f’materji ċivili, familjari, kummerċjali, tax-xogħol u materji oħra relatati mal-proprjetà, fir-rigward ta’ pretensjonijiet li jistgħu jitwarrbu u jiġu solvuti mill-partijiet. Il-medjazzjoni hija ammissibbli wkoll f’materji oħra, sakemm ma tiġix eskluża mil-liġi.
Il-medjazzjoni hija komuni l-aktar fi kwistjoni ċivili, tal-familja u fi kwistjonijiet kummerċjali.
Hemm xi regoli speċifiċi li għandhom jiġu segwiti?
Ir-rikors għall-medjazzjoni huwa volontarju. L-Att dwar il-Medjazzjoni fil-Materji Ċivili u Kummerċjali (ZMCGZ, il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja Nru 56/08) jirreferi għall-medjazzjoni b’mod ġenerali, jiġifieri l-medjazzjoni relatata mal-proċeduri ġudizzjarji u l-medjazzjoni ekstraġudizzjarja. Dan jistabbilixxi biss ir-regoli bażiċi għall-proċeduri tal-medjazzjoni, li f’każijiet oħra jkunu rregolati minn mekkaniżmi awtoregolatorji. Pereżempju, huwa jistabbilixxi fejn tibda u tispiċċa l-medjazzjoni, min jaħtar il-medjatur, ir-regoli bażiċi tal-kondotta tal-medjatur, l-għamla tal-ftehim dwar ir-riżoluzzjoni tat-tilwim, kif jista’ jiġi żgurat li din tiġi infurzata, eċċ. Il-partijiet jiddevjaw mid-dispożizzjonijiet tal-Att, barra mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-prinċipju tal-imparzjalità tal-medjatur u l-impatt tal-medjazzjoni fuq il-perjodi ta' preklużjoni u ta' limitazzjoni.
L-Assoċjazzjoni Slovena tal-Medjaturi adottat kodiċi ta' kondotta għall-medjaturi, iżda dan japplika biss għall-membri ta' din l-Assoċjazzjoni.
Informazzjoni u taħriġ
Tista’ ssib l-informazzjoni rilevanti dwar il-medjazzjoni u dwar kif tikkuntattja medjatur fuq diversi websajts ta’ NGOs. Dawn jinkludu:
- l-Assoċjazzjoni Slovena tal-Medjaturi,
- l-Assoċjazzjoni Slovena tal-Organizzazzjonijiet tal-Medjazzjoni - MEDIOS.
- iċ-Ċentru tal-Medjazzjoni fiċ-Ċentru tal-Informazzjoni Legali,
It-taħriġ għall-medjaturi jingħata minn diversi NGOs u miċ-Ċentru tal-Edukazzjoni Ġudizzjarja fil-Ministeru tal-Ġustizzja u tal-Amministrazzjoni Pubblika.
X'inhuwa l-kost tal-medjazzjoni?
Għalissa l-medjazzjoni fil-qrati li ssir skont ZARSS fit-tilwim li jinqala’ mir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u l-ulied u fit-tilwim dwar il-liġi tax-xogħol minħabba terminazzjoni ta' kuntratt tax-xogħol, hija bla ħlas għall-partijiet; il-partijiet iħallsu biss għall-avukati tagħhom. Fit-tilwim l-ieħor kollu, minbarra t-tilwim kummerċjali, il-qorti tkopri t-tariffa tal-medjatur għall-ewwel tliet sigħat tal-medjazzjoni.
L-organizzazzjonijiet privati jitolbu diversi tariffi għall-medjazzjoni.
Huwa possibbli li l-ftehim li jirriżulta minn medjazzjoni jiġi infurzat ?
Ftehim li jirriżulta mill-medjazzjoni, fih innifsu mhuwiex direttament infurzabbli. Madankollu, il-partijiet jistgħu jaqblu li l-ftehim dwar ir-riżoluzzjoni tat-tilwim jieħu l-għamla ta’ protokoll notarili li jkun direttament infurzabbli, riżoluzzjoni fil-qorti jew deċiżjoni ta' arbitraġġ ibbażata fuq ir-riżoluzzjoni.
Ħoloq relatati
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.