Vidjokonferenza – għal min u għaliex?
Vidjokonferenza hi għodda li għandha potenzjal kbir fil-kuntest tal-UE u tas-27 Stati Membri tagħha.
Bosta Stati Membri għandhom esperjenza fil-prattika fl-organizzazzjoni ta' vidjokonferenzi bejn awtoritajiet f'reġjuni differenti tal-istess pajjiż jew ma' pajjiżi oħra.
Fil-qafas tal-e-justice Ewropea, l-Istati Membri tal-UE ftehmu sabiex jaħdmu flimkien biex jippromwovu l-użu ta' vidjokonferenza u sabiex jiskambjaw esperjenzi u l-aħjar prattiki. Xogħol bħal dan isir fil-qafas legali eżistenti u jirrispetta s-salvagwardji proċedurali li jeżistu fuq livell ta' Stat Membru u tal-UE.
F'każijiet transkonfinali komunikazzjoni bejn awtoritajiet ġudizzjarji ta' Stati Membri differenti hi kruċjali. Vidjokonferenza hi metodu wieħed possibbli sabiex komunikazzjoni bħal din tiġi ssimplifikata u inkoraġġita.
L-użu ta' tagħmir ta' vidjokonferenza jipprovdi lill-qrati b'aktar flessibilità ta' meta u kif xhieda jew esperti minn Stati Membri oħra huma meħtieġa li jagħtu evidenza.
- Mil-lat ta' xhud jew espert, ikun aktar konvenjenti li tingħata evidenza mingħajr il-bżonn li wieħed ikollu jsiefer
- Għal xhieda vulnerabbli jew li jħossuhom intimidati, il-vidjokonferenza tnaqqas mill-istress li wieħed ikollu meta jkun f'awla ta' qorti mimlija nies
- Interpretazzjoni tista' tiġi provduta b'vidjokonferenza, fejn meħtieġ
- Vidjokonferenza tnaqqas ukoll l-ispejjeż għal kull min hu involut.
Il-qafas leġiżlattiv
Hemm diversi possibilitajiet għall-organizzazzjoni ta' vidjokonferenzi transkonfinali taħt il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari għat-tmexxija ta' smigħ ta' xhieda, esperti jew vittmi permezz ta' vidjokonferenza, skont l-istrumenti legali bħal:
- Il-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri fl-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 10)
- Ir-Regolament tal-Kunsill dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni [ġbir] ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali (l-Artikoi 10(4) u 17(4))
- Id-Direttiva tal-Kunsill li għandha x'taqsam ma' kumpens għal vittmi ta' delitti (l-Artikolu 9(1))
- Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (l-Artikoli 8 u 9(1))
- Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali (l-Artikolu 11(1))
- Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali.
Deskrizzjoni fil-qosor tal-qafas legali hu provdut fil-fuljett mehmuż – aktar informazzjoni dettaljata tinsab fil-manwal.
Pjanijiet għal quddiem
L-Istati Membri qablu li xogħol fuq il-faċilitazzjoni tal-vidjokonferenza għandu jitkompla. Fil-futur, fejn hu xieraq, għodda oħra għandhom jitpoġġew fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika għal dak il-għan. B'mod partikolari, pjanijiet futuri jistgħu jinkludu:
- links għal-leġiżlazzjoni tal-UE u leġiżlazzjoni tal-Istati Membri li jirregolaw l-użu tal-vidjokonferenzi;
- informazzjoni kkonsolidata dwar il-qrati kollha b'faċilitazzjonijiet ta' vidjokonferenzi fl-Istati Membri;
- għodod għall-arranġament prattiku ta' vidjokonferenzi (formoli elettroniċi, possibilment sistema ta' ibbukkjar fuq terminu itwal ta' żmien);
- links għall-istruzzjonijiet nazzjonali jew manwali, fejn disponibbli;
- taqsima dwar eżempji ta' vidjokonferenzi fi proċedimenti transkonfinali u kollezzjoni tal-aħjar prattiċi;
- informazzjoni dwar taħriġ u moduli ta' taħriġ onlajn;
- link għall-bażijiet tad-dejta interkonnessi tal-interpreti.
Dokumenti relatati
Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.